Intervista Lokali Barranin

EURO 2016 : Kollox lest għall-finali tant mistennija

minn Cristian Antony Muscat

Cristian Muscat / 10 ta' Lulju 2016 12:00
It-Timijiet nazzjonali ta' Franza u Portugall jiltaqgħu fil-finali tal-lejla
Fil-finali tant mistennija tal-lejla minn Euro 2016 bejn Franza u l-Portugall, il-Franċiżi se jkunu qed ifittxu li jirbħu t-tielet turnew maġġuri ġewwa darhom. Dan hekk kif huma diġà rnexxielhom jirbħu l-Kampjonati Ewropej fl-1984, kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-1998 fi Franza.

Franza qed jitqiesu li jistgħu jibdew kemxejn favoriti li jirbħu din il-finali kemm għax se jkunu qed jilagħbu ġewwa darhom kif ukoll għax l-iskwadra tagħhom hija superjuri għal dik Portugiża. Dan hekk kif it-tim nazzjonali tal-Portugall jiddependi kważi għal kollox minn kemm il-captain u fenomenu Cristiano Ronaldo ikun fl-aqwa forma tiegħu biex jixpruna lil sħabu għas-suċċess. M'hemmx dubju li tnejn mill-iktar osservati b'mod speċjali f'dan il-konfront se jkunu l-istess Cristiano Ronaldo għall-Portugall u Paul Pogba għal Franza, hekk kif dawn huma meqjusa bħala tnejn mill-aqwa plejers li pproduċa l-futbol mondjali fl-aħħar snin, u għalhekk id-dwell ta' bejniethom għandu jirriżulta bħala wieħed ferm interessanti. F'din il-finali, l-attakkant Franċiż ta' Atletico Madrid, li tant impressjona waqt dan it-turnew, Antoine Griezmann se jkun qed ifittex li jirbaħ iż-Żarbun tad-Deheb', bħala l-aqwa skorer ta’ din l-edizzjoni.

Dan hekk kif huwa qed jokkupa l-quċċata tal-lista tal-aqwa scorers tal-kompetizzjoni b'sitt gowls, li jfisser distakk ta' tliet gowls minn Cristiano Ronaldo, u għalhekk kollox qed jindika li l-awtur ta' doppjetta fis-semifinali kontra l-Ġermanja se jkun qed jittrijonfa f'dan ir-rigward.  Rimarkabbli huwa l-fatt li permezz ta' dawn iż-żewġ gowls li skorja fir-rebħa ta' 2-0 kontra l-Ġermanja, Antoine Griezmann, li qed jiġi mqabbel ħafna mal-eksplejer leġġendarju Franċiż, Zinedine Zidane, laħaq ir-rekord ta' Thierry Henry, hekk kif irnexxielu jsib ix-xibka waqt Kampjonati Ewropej għal sitt darbiet. B'hekk, f'din il-finali huwa se jkun qed ifittex li jikser dan ir-rekord ta' dan l-eksplejer biex wara jfittex li jilħaq ir-rekord ta' Michel Platini u Cristiano Ronaldo billi jsir l-aktar plejer li skorja gowls f'Kampjonati Ewropej b'disa' gowls. Bi spunt għal dan, jekk Cristiano Ronaldo, jirnexxielu jsib ix-xibka f'din il-finali huwa jaqbeż lil Michel Platini u waħdu jsir l-aqwa skorer ta' kull żmien waqt edizzjonijiet diversi tal-Kampjonati Ewropej. 

L-attakk Franċiż huwa wkoll superjuri għal dak Portugiż hekk kif barra li Antoine Griezmann irnexxielu jsib ix-xibka sitt darbiet waqt dawn il-Kampjonati, iż-żewġ attakkanati miċidjali Olivier Giroud u Dimitri Payet, skurjaw tliet goals kull wieħed waqt din il-kompetizzjoni s’issa.

Mistenni dwell interessanti bejn Cristiano Ronaldo u Antoine Griezmann
Biex waslu sa din il-finali, Franza spiċċaw fil-quċċata ta' Grupp A b'seba' punti biex għamluha għar-round tal-aħħar 16, li fih ħarġu rebbieħa kontra l-Irlanda, bl-iskor ta' 2-1 wara li kienu gowl minn taħt. Fil-kwarti tal-finali, eliminaw lill-Iżlanda meta għelbuhom bl-iskor kbir ta' 5-2, waqt li fis-semifinali għelbu l-isfida tal-Ġermanja bl-iskor ta' 2-0. Min-naħa l-oħra, biex waslu sa dan l-istadju, il-Portugall kellhom jitħabtu iktar, hekk kif fil-fażi tal-gruppi spiċċaw biss fit-tielet post ta' Grupp F bi tliet punti meta kisbu biss tliet riżultati ta' draw. B'hekk huma għaddew biss minn dan il-grupp, wara li kienu wieħed mill-aħjar erba' timijiet ikklassifikati fit-tielet post. Imbagħad fir-round tal-aħħar 16, huma għelbu lill-Kroazja bl-iskor minimu ta' 1-0 wara l-ħin barrani, biex fil-kwarti tal-finali, għelbu lill-Polonja bl-iskor ta' 5-3 wara l-għoti tal-penaltis. Dan qabel fis-semifinali għelbu l-isfida ta' Wales bl-iskor ta' 2-0 biż-żewġ gowls għalihom jaslu minn Cristiano Ronaldo u Nani.

Il-finali tal-lum tintlagħab fi Stade de France, f’Saint Denis u tibda fid-9pm, waqt li se tkun ikkontrollata mir-referi Ingliż, meqjus fost l-aqwa fix-xena tal-futbol mondjali fil-preżent, Mark Clattenburg.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook