Divorzju bejn Messi u Barcelona?

Huwa fatt magħruf li bħalissa Leo Messi għandu xi problemi personali mal-kowċ Luis Enrique. 

Messi xejn m’huwa kuntent bl-avventura tiegħu ma’ Barcelona speċjalment bir-relazzjoni tiegħu mal-kowċ Spanjol Luis Enrique
Messi xejn m’huwa kuntent bl-avventura tiegħu ma’ Barcelona speċjalment bir-relazzjoni tiegħu mal-kowċ Spanjol Luis Enrique

B’hekk qed iqumu spekulazzjonijiet fil-mezzi tax-xandir li Messi jista’ jħalli lill-Katalani wara numru konsiderevoli ta’ snin. Fil-fatt jidher li fil-jiem li għaddew Jose Mourinho għamel kuntatt ma’ missier Leo Messi, Jorge Messi, fejn huwa stmat li Chelsea lesti joffru s-somma ta’ xejn inqas minn €250 miljun biex jakkwistaw is-servizzi tal-fenomenu Arġentin. 

Però jekk dan iseħħ, Chelsea jkunu jistgħu jħabbtu wiċċhom mar-regoli tal-Financial Fair Play li f’dawn l-aħħar xhur qed ikunu iktar stretti. Fil-fatt fl-aħħar jiem smajna kif Barcelona matul din is-sena mhux se jkunu jistgħu jagħmlu akkwisti ġodda minħabba li matul l-istaġun li għadda kisru r-regoli tal-Financial Fair Play li kienu jistipulaw li ma jakkwistawx plejers internazzjonali ta’ taħt it-18-il sena. Dan qajjem diżgwid fil-klan Katalan tant li d-Direttur tekniku u eks goalkeeper Andoni Zubizareta safa mkeċċi mill-klabb Katalan. 

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-passat riċenti, jista’ faċilment jara li Chelsea qed josservaw bis-sħiħ ir-regoli tal-Financial Fair Play tant li ċedew lill-plejers importanti Juan Mata u David Luiz biex ikunu jistgħu jakkwistaw is-servizzi ta’ Cesc Fabregas u Diego Costa u saħansitra kien għad fadlilhom flus il-bank x’jonfqu. Biex Chelsea jagħmlu l-istess jekk jirnexxielhom jakkwistaw lil Messi, probabilment Mourinho ikun irid ibigħ lil nofs l-iskwadra tiegħu, u għalhekk il-klabb irid isib għejjun oħra ta’ dħul finanzjarju. Fost dawn jista’ jkun hemm il-possibiltà li jinbiegħu d-drittijiet tal-isem ta’ Stamford Bridge jew tat-training ground ta’ Cobham. L-opportunità li Messi jaħdem ma’ Mourinho kif ukoll ma’ Fabregas li niftakruh jilgħab miegħu ma’ Barcelona tista’ tappella lil Messi. Madankolu l-possibiltà li Messi jingħaqad ma’ Chelsea mhijiex daqshekk waħda sempliċi. 

Kif diġà għidna jeżistu bosta problemi bejn Luis Enrique u Leo Messi u qed tissemma l-possibiltà li saħansitra Barcelona jkeċċu lill-coach Spanjol biex jagħmlu żgur li l-fenomenu Arġentin ma jitlaqhom bl-ebda mod. Iżda jekk dan ma jsirx u Messi jibqa’ mdejjaq bil-qagħda preżenti ta’ Barcelona, jista’ jkun li l-Katalani jaċċettaw is-somma astronomika ta’ Chelsea. Fuq nota oħra minħabba li Barcelona ma jistgħux jakkwistaw plejers ġodda sa Jannar li ġej, dan jista’ jġiegħel lill-istess klabb jaħsibha darbtejn fejn jidħol bejgħ ta’ ismijiet kbar, minħabba li l-klabb ma jkunx jista’ jingaġġa plejers ġodda biex jeħdilhom posthom. 

Jekk dan it-trasferiment ta’ Messi ma’ Chelsea jsir realtà jkun qed jaqbeż bil-bosta t-trasferiment rekord ta’ Gareth Bale ma’ Real Madrid li kien sewa s-somma elettrifikanti ta’ €100 miljun. F’Mejju li għadda Messi ffirma kuntratt li jiskadi fl-2019 li jistipula li huwa jista’ jinbiegħ għal somma viċin il-€200 miljun. 

More in Sports