L-ebda rebbieħ fid-Derby ta’ Merseyside

Fid-Derby ta’ Merseyside, Liverpool u Everton, temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ 1-1 bil-gowl għar-Reds jasal mill-captain Steven Gerrard permezz ta’ freekick mill-isbaħ waqt li Phil Jagielka ġab l-iskor indaqs għal Everton fid-90 minuta permezz ta’ gowl tal-istampi. Chelsea ġewwa darhom fi Stamford Bridge kisbu rebħa tajba ta’ 3-0 kontra Aston Villa bil-gowls għalihom jaslu minn Oscar, Diego Costa u Willian. Iċ-champions Manchester City barra minn darhom kisbu rebħa tajba ta’ 4-2 kontra Hull City bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Edin Dzeko u gowl kull wieħed għal Frank Lampard u Sergio Aguero. 

Min-naħa l-oħra l-gowls għal Hull City waslu minn penalty ta’ Abel Hernandez u awto-gowl ta’ Eliaquim Mangala. Manchester United ġewwa darhom f’Old Trafford kisbu tliet punti prezzjużi biex ħadu ftit nifs meta għelbu lil West Ham United bl-iskor ta’ 2-1 bil-gowls għar-Red Devils jaslu minn Wayne Rooney u Robin van Persie waqt li l-gowl uniku għall-Hammers wasal minn Diafra Sakho fis-37 minuta. 

Tajjeb ngħidu li Manchester United spiċċaw jilagħbu b’10 plejers wara li tkeċċa għalihom il-plejer internazzjonali Ingliż, Wayne Rooney, fis-60 minuta. Southampton ġewwa darhom għelbu lil Queens Park Rangers bl-iskor ta’ 2-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Ryan Bertrand u Graziano Pelle. 

Min-naħa l-oħra l-gowl waħdieni għal Queens Park Rangers wasal minn Charlie Austin fis-66 minuta. Intant il-konfront bejn Sunderland u Swansea City intemm f’parità ta’ mingħajr gowls. Arsenal u Tottenham Hotspur temmew il-konfront ta’ bejniethom fl-Emirates Stadium bl-iskor ta’ 1-1 bil-gowl għall-iSpurs minn Nacer Chadli fis-56 minuta waqt li l-gowl għall-Arsenal wasal minn Chamberlain fl-74 minuta.

Fil-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Roma ġewwa darhom fl-iStadio Olimpico għelbu lil Hellas Verona bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Florenzi u Destro. 

More in Sports