Allegri u Tassotti favoriti li jieħdu post Prandelli

Kollox jindika li t-Tazza tad-Dinja fil-Brażil se tkun qed timmarka t-tmiem tar-rapport feliċi li jeżisti bejn it-tim nazzjonali Taljan u l-kowċ nazzjonali Cesare Prandelli

Jista’ jkun li Allegri u Tassotti jieħdu post Prandelli fit-tmun tan-nazzjonal Taljan
Jista’ jkun li Allegri u Tassotti jieħdu post Prandelli fit-tmun tan-nazzjonal Taljan

Dan hekk kif il-kowċ preżenti tan-nazzjonal Taljan jixtieq jerġa’ jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb kif diġà għamel fil-passat riċenti ma’ Fiorentina fejn kiseb riżultati ferm pozittivi, l-iktar minħabba l-fatt li kuntrarju għal tim nazzjonali, il-ħidma ma’ klabb tkun waħda ta’ kuljum u mhux biss f’ċerti ġranet kif jiġri mat-tim nazzjonali Taljan. 

Id-deċiżjoni tal-kowċ Prandelli li jħalli lit-tim  nazzjonali Taljan għada ma ġietx uffiċjalizzata, iżda l-Federazzjoni Taljana tal-Futbol, l-FIGC, diġà ġiet infurmata bix-xewqa ta’ Prandelli, b’mod li tibda tħejji għaż-żmien ta’ wara Prandelli rigward it-tmexxija tat-tim nazzjonali Taljan. U għalhekk skond l-istazzjon televiżiv Taljan, Tele Lombardia, il-kowċ il-ġdid li għandu jieħu t-tmexxija tat-tim nazzjonali Taljan diġà ġie magħżul u saħansitra diġà ffirma kuntratt. U dan jidher li huwa l-eks kowċ ta’ AC Milan, Massimiliano Allegri, li jinsab mingħajr klabb wara li tkeċċa mir-Rossoneri f’nofs Jannar li għadda. 

Jidher li l-kowċ mit-Toscana li rebaħ kampjonat ma’ AC Milan fl-ewwel sena tiegħu fit-tmun ta’ dan il-klabb iffirma kuntratt mal-FIGC biex jieħu t-tmexxija tan-nazzjonal Taljan wara Prandelli, li jwassal sat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir fir-Russja. Intant, bħala assistent kowċ jidher li Allegri talab li jkollu lil Mauro Tassotti li għandu l-fiduċja assoluta tal-eks kowċ ta’ AC Milan hekk kif dan diġà kien l-assistent kowċ tiegħu fit-tliet snin u nofs li għamel imexxi lil AC Milan waqt li jidher li ma tantx fadallu żmien twil mat-tim li qed ikollu staġun ferm diżappuntanti fl-Italja, hekk kif kollox qed jindika li Seedorf matul l-istaġun li ġej jixtieq li jkollu lill-eks plejer Olandiż li lagħab ukoll ma’ AC Milan, Jaap Stam, bħala l-assistent kowċ tiegħu.

More in Sports