Il-Kolumbja jegħlbu lill-Greċja mingħajr tbatija

Kolumbja 3 - 0 Greċja

Teofilo Gutierrez (X) tal-Kolombja jiċċelebra wara li skorja. Ritratt minn EPA/PETER POWELL
Teofilo Gutierrez (X) tal-Kolombja jiċċelebra wara li skorja. Ritratt minn EPA/PETER POWELL

 

Il-Kolumbja ma tantx tħabtu biex għelbu lill-Greċja bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Pablo Armero, Teo u James. Huma kienu superjuri għall-avversarji tagħhom, ikkontrollaw il-logħba mill-bidu sal-aħħar u qatt ma taw lill-Griegi ċ-ċans li jidħlu fil-logħba. Għalihom spikkaw b’mod speċjali l-eks plejer ta’ AC Milan, Mario Yepes, kif ukoll il-plejer James Rodriguez.
Il-partitarji Kolumbjani ħolqu atmosfera mill-isbaħ fil-grawnd u offrew spettaklu tul il-logħba kollha. Tajjeb ngħidu li l-Kolumbja kellhom nieqes lill-plejer indispensabbli Falcao minħabba li jinsab imweġġa’. Madankollu huma ma tantx jidhru li ħassew in-nuqqas ta’ dan il-plejer hekk kif xorta rnexxielhom isibu x-xibka u joħolqu okkażjonijiet ta’ skor.
U fil-fatt huma rnexxielhom isibu x-xibka wara biss 6 minuti logħob permezz ta’ Pablo Armero li wara li rċieva minn kross tajjeb, huwa ra x-xutt tiegħu jiġi mxellef minn difensur Kolumbjan qabel spiċċa wara l-goalkeeper Grieg Orstis Karnezis li ma seta’ jagħmel xejn biex isalva dan il-gowl.
Il-Kolumbja kienu l-aħjar tim fil-grawnd u ma damux ma rduppjaw l-iskor lejn l-ewwel minuti tat-tieni taqsima hekk kif fit-58 minuta, Teo rnexxielu jsib ix-xibka wara li rċieva tajjeb minn korner bil-ballun jiġi mxellef għal għandu minn difensur Grieg fejn l-attakkant Kolumbjan ma sab l-ebda diffikultà biex jitfa’ l-ballun ġewwa mill-viċin. Fid-90 minuta, James Rodriguez, bla dubju l-aqwa plejer fost il-Kolumbjani għamel l-iskor 3-0 favur il-Kolumbjani meta ra x-xutt tiegħu jintemm fir-rokna tax-xibka biex ftit minuti wara r-referee mill-Istati Uniti, Geiger, saffar it-tisfira finali.

Kolumbja - Ospina, Zapata, Yepes, Sanchez, Armero (Arias 74’), Aguilar (Mejia 69’), Teo (Jackson 76’), James, Cuadrado, Ibarbo, Zuniga,
Greċja - Karnezis, Manaitis, Manolas, Samaras, Kone (Karagounis 78’), Salpingidis (Fetfadzidis 57’), Torosidis, Gekas (Mitroglou 74’), Sokratis, Cholevas, Katsouranis

Referee - Mark W Geiger (USA)

 

More in Sports