L-akbar trasferimenti fil-futbol internazzjonali tul il-ġimgħa li għaddiet

Is-saga ta' Kane fi tmiemha, Dembélé lura fi Franza, u Fred lejn it-Turkija, fost oħrajn

Is-saga ta’ Harry Kane ġiet fi tmiemha hekk kif l-attakkant Ingliż ingħaqad ma’ Bayern Munich fil-Ġermanja. B’hekk, Kane iħalli lil Tottenham Hotspurs wara esperjenza ta’ 19-il sena, tul liem sar l-aktar attakkant prolifiku tal-klabb. Is-somma kkwotata hija dik ta’ €120 miljun, li hija t-tieni l-akbar somma li qatt tħallset għal plejer Brittaniku, kif ukoll l-akbar somma li qatt irċieva tim Brittaniku għal plejer.

Tottenham ħabbru l-akkwist tad-difensur Olandiż Micky van de Ven minn Wolfsburg, għal somma inizzjali ta’ €40 miljun, li kapaċi tgħola għal €50 miljun. Ħabbru wkoll l-akkwist tal-attakkant zġħażugħ Arġentin Alejo Veliz minn Rosario għal madwar €15-il miljun.

Real Madrid ħabbru l-akkwist b’self tal-goalkeeper Kepa Arrizabalaga minn Chelsea, wara li Thibaut Courtois sofra tiċrita li tirrikjedi operazzjoni, li se żżommu barra għal tul ta’ żmien.

Newcastle komplew bin-numru ta’ akkwisti hekk kif ikkonfermaw lid-difensur laterali Valentino Livramento. It-trasferiment minn Southampton sewa madwar €37.2 miljun, biex b’hekk l-infiq totali ta’ Newcastle tela’ għal €153.2 miljun.

L-attakkant Franċiż ta’ 26 Ousmane Dembélé ħalla lil Barcelona sabiex jingħaqad ma’ Paris St. Germain f’pajjiżu. Dan it-trasferiment se jiswa lit-tim minn Pariġi madwar €50 miljun.

Il-plejer internazzjonali Brażiljan Fred telaq lil Manchester United sabiex jingħaqad ma’ Fenerbahce fit-Turkija. B’hekk tiġi fi tmiemha l-ġlieda għall-firma tiegħu bejn iż-żewġ ġganti Torok Fenerbahce u Galatasaray. Manchester United se jirċievu madwar €15 miljun għal dan it-trasferiment.

Franck Kessie kompla jżid mal-lista ta’ stilel fl-Arabja Sawdija hekk kif ingħaqad ma’ Al Ahli minn Barcelona għal madwar €12-il miljun.

Il-goalkeeper Żvizzeru Yann Sommer ingħaqad ma’ Inter Milan minn Bayern Munich għas-somma ta €6 miljun, biex b’hekk jimla l-vojt li ħalla André Onana meta telaq il-klabb sabiex jingħaqad ma’ Manchester United.

Everton iffirmaw l-attakkant zgħażugħ ta’ Sporting Lisbon Youssef Chermiti minn Sporting Lisbon. Il-plejer ta’ 19-il sena huwa kkwotat li sewa lit-tim minn Merseyside €17.5 miljun.

L-attakkant Taljan Gianluca Scamacca ħalli lil West Ham wara sena biss mal-klabb, sabiex jirritorna f’pajjiżu, din id-darba ma’ Atalanta. Is-somma kkwotata hi dik ta’ €30 miljun. Warajh segwa Nikola Vlasic, li wkoll ħalla lil West Ham għall-Italja, fejn inghaqad ma’ Torino għal €12-il miljun.

West Ham malajr investew dawn il-flus lura fl-iskwardra, hekk kif ħabbru l-akkwist tal-plejer difensiv Edson Álvarez minn Ajax Amsterdam għas-somma ta’ €40 miljun. Ma’ dan ingħaqad l-ispeċjalista tas-set pieces James Ward-Prowse, għal €35 miljun minn Southampton.

Il-plejer Ingliż Ross Barkley ingħaqad mat-tim neo-promoss fil-Premier League Ingliż Luton Town. Hu kien għadu bla klabb hekk kif il-kuntratt tiegħu ma’ Nice wasal fi tmiemu lura f’Ġunju li għadda. Barkley huwa mistenni li jġib esperjenza lill-klabb, hekk kif fil-passat lagħab fil-kampjonat ma’ Everton, Chelsea u Aston Villa, kif ukoll kellu 33 prestazzjoni mat-tim nazzjonali Ingliż. Ma’ Luton ingħaqad ukoll Jacob Brown minn Stoke City, għal somma mhux magħrufa.

Napoli iffirmaw id-difensur żgħażugħ Brażiljan Natan, biex jieħu post Kim Min-jae, li ingħaqad ma’ Bayern Munich aktar kmieni dan is-sajf. It-tim Napolitan ħallas madwar €10 miljun sabiex jakkwistah minn Red Bull Bragantino. Warajh segwa wkoll il-plejer Svediż Jens Cajuste minn Reims għal €12-il miljun.

Bournemouth komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom hekk kif iffirmaw lil Max Aarons minn Norwich għal €15-il miljun. Iffirmaw ukoll lil Alex Scott ta’ Bristol City għal €29 miljun, wara li dan rebaħ l-unur tal-aħjar plejer zgħażugħ fiċ-Championship l-istaġun li għadda.

Nottingham Forest iffirmaw lill-goalkeeper Matt Turner minn Arsenal għal €12-il miljun, wara li niżel fl-ordni tal-klabb hekk kif il-Gunners iffirmaw lil David Raya.

Burnley ikkonfermaw lill-midfielder Norveġiż Sander Berge għal €25 miljun, li kien ilu l-aħħar erba’ snin jilgħab ma’ Sheffield United.

More in Barranin