Il-goalkeeper Taljan Gianluigi Buffon idendel l-ingwanti

L-eks Juventin jirtira ta’ 45 sena wara karriera brillanti

Il-goalkeeper tant maħbub Gianluigi Buffon uffiċjalment irtira mill-futbol fl-età ta’ 45 sena. Buffon huwa meqjus minn ħafna bħala wieħed mill-aqwa li qatt kien hawn fil-pożizzjoni tiegħu. Tul karriera maestuża li damet 28 sena, lagħab aktar minn 1,100 logħba kompetittiva.

Lagħab għall-ewwel darba lura fis-sena 1995 ma’ Parma FC, fejn ma damx biex wera il-kwalitajiet tiegħu, fosthom riflessi eċċezzjonali u kalma li rari ssib fi plejer ta’ 17-il sena. Huwa kien parti strumentali għat-tim tal-istaġun 98/99 li rebaħ il-Coppa Italia u l-UEFA Cup, li llum magħrufa bħala l-UEFA Europa League.

Il-prestazzjonijiet tiegħu ġibdu l-attenzjoni tal-ġganti Taljani Juventus, li ffirmawh fis-sena 2001. Dakinhar, huwa kien sar l-aktar goalkeeper li sewa’ flus fl-istorja tal-futbol, hekk kif Juventus kienu lesti jħallsu €52 miljun għalih.

Buffon qatta’ 17-il staġun ma’ Juventus, fejn rebaħ numru kbir ta’ unuri. Dawn jinkludu disa’ Kampjonati Taljani u erba’ Coppa Italia. Għalkemm it-tazza tal-UEFA Champions’ League dejjem eludietu, għandu wkoll tliet midalji tal-fidda minn din il-kompetizzjoni.

Fis-sena 2018, telaq lil Juventus wara li kien rebaħ kull kompetizzjoni fl-Italja, u fittex sfida ġdida fi Franza, hekk kif ingħaqad ma' Paris St. Germain. Hawnhekk żied il-Kampjonat Franċiż mal-kollezzjoni ta’ trofej li rebaħ, kif ukoll tazza domestika.

Fl-2019, għamel ritorn f’Turin ma’ Juventus, fejn il-partitarji laqgħuh lura bi ħgarhom. Il-prestazzjonijiet li kellu tul dak il-perjodu kienu sorprendenti immens, meta wieħed iqis li kellu 41 sena. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu waslu sabiex Juventus rebħu il-Kampjonat Taljan fl-istaġun 2019/20, u l-Coppa Italia fl-istaġun 2020/21.

Fis-sena 2021, għamel ir-ritorn lejn Parma FC, fejn kien beda l-karriera tiegħu, u għazel li jtemmha.

Skont Corriere Dello Sport, Buffon kellu li għażla li jkompli l-karriera tiegħu fl-Arabja Sawdija, fejn ġie offrut €30 miljun, iżda m'aċċettax.

Internazzjonalment, Buffon irrappreżenta l-Italja f’176 logħba mat-tim nazzjonali Taljan, u kkompeta f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Fl-2006, huwa laħaq il-quċċata tal-kisbiet fil-futbol internazzjonali, hekk kif it-tim Taljan kien inkurunat bħala r-rebbieħ tal-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ dik is-sena.

Buffon rebaħ ukoll lista ma tispiċċa qatt ta’ unuri personali. L-iprem fost dawn jinkludu l-aqwa goalkeeper fil-Kampjonat Taljan għal 13-il-darba, kif ukoll goalkeeper tas-sena għal diversi drabi minn diversi organizzazzjonijiet.

Iżomm ukoll diversi rekords. Dawn jinkludu l-aktar persuna li qatt lagħab logħob għat-tim nazzjonali Taljan (176 logħba), kif ukoll l-aktar persuna li qatt lagħab logħob fil-Kampjonat Taljan (657 logħba).

Li hu żgur hu li, għalkemm issa irtirat, l-istorja ta’ Buffon fil-futbol se tibqa’ tissemma’, u l-legat li ħalla warajh m’hu se jintesa qatt.

More in Barranin