L-istorja ta’ 3 Kardinali – Kif ikkonvertew

L-ewwel part: Colin Apap jitkellem dwar il-Kardinal Sin li iltaqa miegħu fil-missjoni fil-Fillippini, u kardinal ieħor li iltaqa miegħu fuq l-iscreen f'serje famuża ta' 'Thorn Birds'

L-ewwel parti 

Kardinal Sin

Kien jismu Kardinal Sin. Matul it-tmien snin il-missjoni fil-Filippini ltqajt miegħu kemm-il darba. Taħsbu Ċiniż. Iktar milli Kardinal, niftakru bħala bniedem sensittiv, ċajtier. Għal kull problema jew diffikultà li tgħidlu kien jgħidlek ċajta, jagħtik tiekol, joffrilek kamra bl-arja kondizzjonata u jġiegħlek tħossok li l- “palazz” fejn kien jgħix huwa tiegħek, tmur meta tmur Manila, il-kapitali tal-Filippini.   

Kien hu li beda “The People Power Revolution” (22-25 ta’  Frar 1986). Id-demostrazzjonijiet organizzati mill-Knisja u s-soċjetà ċivili kontra Marcos (1965–1986) wasslu għal bidliet radikali.  Marcos kellu jaħrab wara l-qtil ta’ Ninoy Aquino (Awwissu 21, 1983), il-Kap tal-Oppożizzjoni, li kien għadu kif irritorna mill-eżilju impost.   

Uħud mis-suldati li qatluh kienu minn Mary Immaculate Parish, Moonwalk, Talon, Las Pinas, periferija ta’ Manila fejn kont l-ewwel kappillan. Xi suldati parroċċani rrakkontawli kif ħadmu biex hekk kif Aquino jasal l-ajruport - imdawwar bil-ġurnalisti internazzjonali bħala protezzjoni - xorta waħda organizzaw l-assassinju tiegħu eżatt kif feġġ fil-bieb tal-ajruplan. Qatlu tnejn min-nies, lil Galman, ħabsi li poġġew fuq it-tarmak tal-ajruport u fl-istess ħin suldati oħra sparaw fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni hekk kif feġġ fil-bieb tal-ajruplan. Ħadd mill-ġurnalisti li kienu fuq l-ajruplan ma ndunaw x’qed jiġri! Il-pjan inkixef u Marcos u l-mara tiegħu Imelda, bl-eluf ta’ żraben magħrufa li kellha, kellhom jaħarbu mill-Filippini bl-għajnuna tal-Amerikani li ndunaw li m’għandhomx bżonnu iktar. Spiċċa fl-eżilju fil-Hawaii. L-ironija tal-ħajja hi li wara d-dittatur Marcos, illum għandna lil ibnu President tal-Filippini! 

L-Amerikani żammew l-ikbar bażi militari fil-Filippini. Kull Amerikan li jikser il-liġi fil-Filippini kienu jħarrbuh mill-ewwel lejn l-Amerika biex jaħarbu l-ġustizzja f’Manila.  

Il-Filippini għexu 500 sena taħt l-Ispanjoli – u 50 sena f’Hollywood! Minn mentalità ta’ kunvent għat-tbaħrid tal-baħrin Amerikani.    

Jirrakontaw bosta stejjer dwar il-Kardinal Sin. Jingħad li Imelda Marcos kienet tmur għandu bil-moħbi tard bil-lejl biex tipperswadih ma jgħidx iżjed kontra żewġha Marcos. Kien jgħidilha: “Madame, be careful, it’s late in the nigħt, and remember this is the House of Sin!”  

L-aħħar li rajtu kien f’Ruma u tlajt miegħu fil-karozza tiegħu. Kien iħossu iżjed komdu f’Manila milli fil-Vatikan. Niftakar kien qalli li jriduh jitlaq mid-Djoċesi ta’ Manila biex imur Ruma. Kien skomdu għal bosta.   

Il-Kardinal tat- 'Thorn Birds’  

Kardinal ieħor li jolqotni ltqajt miegħu fuq l-iscreen ta’ “Thorn Birds” is-serje famuża ta’ kif saċerdot għażel il-karriera fil-Vatikan minflok l-imħabba ta’ mara. Richard Chamberlain, li jaħdem il-parti ewlenija fil-film, jirrendi b’mod stupend din id-drama ta’ imħabba fin-novella adattata ta’ Colleen McCullough.  

L-isem tal-film jirreferi għal “thorn bird” (bil-malti magħruf bħala għasfur tax-xewk); dan l-għasfur sa mill-mument li jitwieled jibda jfittex is-siġra tax-xewk. Hekk kif isib din is-Siġra tax-Xewk jidħol apposta fix-xewk tagħha u jibda jkanta l-aħħar u l-isbaħ għanja li qatt instemgħet waqt li jmut!  

Minn mar il-Via Dolorosa, f’Ġerusalem, jisma’ l-leġġenda li waqt li Ġesu’ kien mgħobbi bis-salib lejn il-Kalvarju, kien hemm għasfur żgħir li niżel fuqu u ħadlu waħda mix-xewk mill-Kuruna tax-Xewk f’rasu.  

More in Socjali