Edwin Vassallo | Il-periklu li qed jiffaċċjaw iż-żgħar tagħna

Il-vittma hija l-familja li kull ma jmur qed inġibu fix-xejn il-valur tagħha, bħal ma fiż-żmien ġibna fix-xejn il-valur ambjentali. Il-vittma hija l-mara li tispiċċa vjolentata, użata, mormija 

Meta kollox jibda jiswa l-flus, il-ħajja tal-bniedem tispiċċa ma tiswa xejn. 

Ħdejn il-kilba għall-poter politiku akkost ta' kollox, l-unika valur li jibqa’ jitqies importanti huwa biss il-poter. 

Issa spiċċajna poplu li kważi kapaċi jbiegħ kollox, għax kollox għandu prezz  inkluż għall-bniedem, għall-imħabba, għas-sess,  għall-poter, għall-ġustizzja kollox jinxtara u jinbiegħ, kollox għall-bejgħ inkluż il-ħajja. 

Illum il-flus saru l-aktar importanti fil-ħajja tal-bniedem għaliex bil-flus tista’ tixtri l-pjaċiri u bil-flus tipprova tgħix ħajtek bħal ma tara fuq il-fb, fit-TV u fil-films. 

Illum għaż-żgħar tagħna, minflok il-valuri bħala riga ta’ x’inhu sewwa, sar għandhom is-social media li jxennaqhom kontinwament għall-pjaċiri sesswali u l - pjaciri li jistgħu jinxtraw bil- flus. 

Il-pornografija fil-forma l-ġdida tagħha li hija maħsuba biex toħloq role model għall-ħajja ffukata fuq pjaċir sesswali fil-libertinaġġ assolut, li fir-realtà tal-ħajja ma tistax tgħixu. 

Dan huwa l-mod ta’ kif fil-ħajja qed noqtlu l-valur tal-imħabba,  tal-fedeltà, tal-familja. Is-social media qed toħloq mudell ta' ħajja illużjoni li ma tistax tingħata l-ħajja. 

Iż-żgħar tagħna, tfal fl-għaxar snin tagħhom (teens) li bil-mobile f’idejhom jistgħu jidħlu fuq fb eċċ, jaraw kull xorta ta' videos li qed ixennquhom lejn ħajja li fiha teżisti biss id- dipendenza fuq is-sess, il-kuntrarju tal-imħabba. Din hija r-realtà l-ġdida li qed inħabbtu wiċċna magħha fejn is-sabiħ tal-ħajja qed jiġi offrut biss fil-mod ta’ kif persuna tisfrutta persuna oħra. 

Il-prezz ta ' din il-ħajja tal-parties fejn il-libertinaġġ sesswalli jidher il-qofol tal-ħajja. 

Din il-ħajja fejn kollox hu sess, fejn il-persuna hija biss utli biex tkun sfruttata, fejn il-mara hija biss utli biex tkun abbużata u wżata, fejn is-sess qiegħed ikun mibjugħ bħala l-ogħla speċi ta' pjaċir fil-ħajja bla ebda sens ta' responsabiltà, għandha prezz tagħha, il-konsegwenzi tagħha. 

Prezz u konsegwenzi li ma jidhrux fuq il-filmati ta' fb. Ir -riżultat tal-ħajja fejn is-sess isir bla rażan, jidher f’diversi kliniċi fejn il-mard konness ma’ din l-attività sesswali qiegħed jiżdied. 

Ħasra ta' illużjoni. Ngħixu f'soċjetà fejn hawn min tant irid iġib il-bniedem jgħix ta' annimal, biex ikun jista’ jagħmel il-flus minn fuq dar il-vulnerabilità taż-żgħar tagħna, li qed jinħolqu standards ġodda dwar x’inhu pjaċir fil-ħajja. 

Dawn il-pjaċiri sesswali u ta' droga qed joqtlu lill-bniedem. 

Dan kollu qed joħloq illużjoni, is-soċjetà qed ixxennaq liż-żgħar tagħna għal pjaċiri li meta tipprova tgħixu fir-realtà tal-ħajja ssib li jwassluk ħafna drabi għall-mard, kaos soċjali, dwejjaq u solitudni. 

Ilum iż-żgħar tagħna jġorru fuqhom network sħiħ ta' marketing għall-ħażin tal-ħajja, li twassal liż-żgħar tagħna jsiru dipendenti fuq dipendenzi ta' pjaċiri li jifirduhom mir-realtà tal-ħajja. Dan huwa skjavitù ġdid ta' sistema li qed tagħmel il-flus minn fuq dahar iż-żgħar u ż-żgħażagħ tagħna. Sistema djabolika li toffri bħala mudell tal-ħajja l-pjaċir sesswali bl-użu eċċessiv tad-droga. Sistema li taħseb li ġġib fix-xejn kull sens ta’ tajjeb u ħażin. 

Fil-moħħ taż-żgħar tagħna, jkun jeżisti biss dak li jxennaqhom għall-pjaċir u dak isir l-uniku tajjeb. Dak li naraw fil-films, fit-TV, fuq fb isir l-uniku mudell ta' tajjeb, iżda tajjeb  issa huwa dak kollu li fil-ħajja huwa falz, tajjeb li jwassal għall-mard, tajjeb li jwassal għall-mewt. 

Minn hu l-vittma ta' dawn il-pjaciri sesswali ? 

Il-vittmi huma ż-żgħar tagħna għaliex il-pornografija tkun tathom mudell ta' ħajja fejn sess ifisser sfruttament ta’ persuna oħra iżda sess ma baqax ifisser sinjal ta' imħabba . 

Il vittma hija l-ħajja stess u l-valur u d-dinjità tagħha. 

Il-vittma hija l-familja li kull ma jmur qed inġibu fix-xejn il-valur tagħha, bħal ma biż-żmien ġibna fix-xejn il-valur ambjentali. 

Il-vittma hija l-mara li tispiċċa vjolentata, użata, mormija. 

Il-vittma hija l-imħabba hekk sabiħa meta tfisser responsabbiltà u fedeltà. 

L-isfida tal-bniedem quddiem din il-qerda tal-valur tal-ħajja, tal-imħabba u ta' sess fis-sabiħ tiegħu fiż-żwieġ. 

Irridu nieqfu u nibqgħu nibżgħu niddefendu l-verità. 

Irridu nieqfu ngħidu "aħna ma jimpurtana minn xejn." 

Irridu nieqfu naqtgħu qalbna nemmnu li quddiem dan kollu ma nistgħu nagħmlu xejn. 

Irridu nieqfu bis-silenzju tagħna nkunu kompliċi, nemmnu li dan kollu mhux qiegħed iħalli effett fuq uliedna. 

Neħtieġu nemmnu fil-valur tal-ħajja, tal-imħabba, tal-familja, ta' responsabiltà.  

"Fil-bażi ta' tkabbir solidu hemm il-persuna umana, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta' kull raġel u kull mara." Dan huwa kliem il-Papa Franġisku meta tkellem mal-politiċi Maltin fil-Palazz tal-President, is-Sibt 2 ta' April 2022. 

Din hija l-verità assoluta minkejja dak kollu li jippruvaw ibiegħu bħala mudell is-sistema globalizzata li trid tagħmel il-flus minn fuq darna. 

Għal min tassew jemmen fil-bniedem u d-dinjità tiegħu, il-bażi tal-prinċipju tiegħu jrid ikun f’rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull raġel u mara. Il-Papa Franġisku kien kompla b’dan il-kliem: “Inħeġġiġkom biex tissukktaw tiddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, iżda wkoll biex f'kull waqt tħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa' traskurata."  

U dwar ż-żgħażagħ tagħna l-Papa kompla jgħid hekk: "U fiż-żgħażagħ li jirriskjaw li jħallu t-tajjeb bla qies li hemm fihom, bil-ġiri wara illużjonijiet li jħallu fihom vojt kbir. Dawn iġibu magħhom il-konsumiżmu esaġerat, l-għeluq lejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn u l-pjaga tad-droga, li toħnoq il-libertà għax toħloq id- dipendenza. Ejjew inħarsu s-sbuħija tal-ħajja". 

Din hija l-isfida ta' min jemmen fl-umanità, fil-valur tal-bniedem li jħobb il-ħajja, li jħares il-ħajja. 

Ejjew nagħmlu kuraġġ u ma nibżgħux nidefendu dak li nemmnu fih. 

More in Socjali