Andrew Camilleri | Ħaqqhom għax ma jġemmgħux!

Andrew Camilleri huwa Research Support Officer, Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

Staqsi lin-nies jekk hawnx faqar f’Malta u, wara li kategorikament jiċħdu li jeżisti l-faqar f’Malta, jekk tibqa’ tinsisti jgħidulek li ħaqqhom għax ma jġemmgħux. Għandhom raġun dawn in-nies? Min hu fqir, huwa fil-fatt it-tort tiegħu jew tagħha?

Din il-mistoqsija, bħal kull mistoqsija diffiċli dwar is-soċjetà, m’għandhiex risposta faċli tant hu hekk li fil-nagħmlu ħafna riċerka biex twassalna nifhmu dan il-fenomenu. Persuni li jgħixu jew għexu għal żmien twil fil-faqar ġieli jagħmlu deċiżjonijiet li jżommuhom fil-faqar minflok joħorġuhom minnu. Qabel ma nkomplu nitkellmu dwar dan is-suġġett, tajjeb li nagħrfu li lkoll inġorru numru ta’ preġudizzji meta nitkellmu dwar il-faqar, pereżempju li kull min qiegħed fil-faqar huwa t-tort tiegħu. Dan mhux dejjem ikun il-każ u fatturi bħal ċaqliq kbir fl-ekonomija, pereżempju permezz ta’ teknoloġiji ġodda jew rata kbira ta’ qagħad, u fatturi personali bħal saħħa mentali jew fiżika jistgħu jħallu impatt kbir fuq persuni bir-riżultat li jispiċċaw jidħlu fil-faqar.

Fuq livell aktar lokali, l-esperjenza tiegħi bħala riċerkatur mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fil-qasam tal-komunitajiet, kif wkoll ir-riċerka ta’ ħafna awturi f’dan l-qasam juru li hemm ħafna raġunijiet lil hinn mir-rieda jew nuqqas ta’ dixxiplina li jżommu persuni fil-faqar.

Riċerka ħierġa mill-Amerka turi li persuni fqar iħallsu 6% aktar fuq kull karta ‘toilet paper’ li jużaw u dan għaliex il-fatt li m’għandhomx ċertu ammont ta’ flus imġemmgħin ifisser li mhumiex f’pożizzjoni li jgawdu roħs u skontijiet li jkun hemm f’supermarkets daqskemm min jista’ jixtri, ngħidu aħna, tliet xhur ta’ toilet paper f’daqqa. Insibu din id-dinamika pereżempju wkoll meta biex tiftaħ kont bankarju f’ċertu banek, anki hawn Malta, trid tiddepożita imqar mitt ewro. Somma li ma tidhirx wisq, anki għax wara ftit tkun tista’ terġa tiġbidhom. Però, għal min ir-riżorsi huma verament limitati, jista’ jagħti l-każ li din is-somma twaqqfu milli jiftaħ kont bankarju. L-effett ta’ dan jiżdied meta wieħed ifittex self għal, ngħidu aħna, xiri ta’ dar u dan ma jkunx possibbli mingħand bank, li jwassal lil persuni biex jagħmlu użu mill-użura. Dawn insejħulhom  ostakli strutturali biex toħroġ mill-faqar.

Il-persuni fil-faqar ma ħaqqhomx ikunu fil-faqar għax li tfaddal u li tieħu deċiżjonijiet għaqlin mhumiex sempliċiment kwistjoni ta’ dixxiplina jew sagrifiċċju biss

Raġuni oħra għalfejn naraw tendenza fejn familji u komunitajiet fil-faqar jibqgħu fil-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra hija minħabba dik li tissejjaħ kultura ta’ faqar. Persuni u familji li jgħixu u ilhom jgħixu fil-faqar isibu modijiet kif ikampaw ma’ dan il-fatt. Meta dan idum fuq medda ta’ snin u numru ta’ nies fil-komunità qed jgħaddu mill-istess ċirkustanzi, jinħolqu numru ta’ attitudnijiet u twemmin li jsiru kultura. Din il-kultura tal-faqar għandha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Bħala vantaġġ, tagħti lil persuni għaddejjin mill-faqar sens ta’ normalità u tgħinhom jgħixu din l-esperjenza b’aktar trankwillità minn, ngħidu aħna, xi ħadd li ma kienx fqir fi tfulitu mbagħad sar fqir minħabba ġrajjiet f’ħajtu. Min-naħa l-oħra, ċertu mentalitajiet u kulturi jrawmu fin-nies ċertu attitudnijiet li jżommuhom u jipperpetwaw dan il-faqar bħal, ngħidu aħna, ċertu nuqqas ta’ tama li l-affarijiet jistgħu jitranġaw. Tajjeb li niċċaraw li kultura ta’ faqar mhijiex il-kawża primarja ta’ faqar imma tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għalfejn anki meta nies fil-faqar jingħataw ċertu għajnuniet jibqgħu reżistenti jew anki jirrifjutaw l-għajnuna mogħtija.

L-esperjenza tan-nuqqas ta’ riżorsi, speċjalment finanzjarji, tħalli effett anki fuq il-psikoloġija tal-bniedem. Ir-riċerkaturi jiddiskutu kif il-faqar fuq medda ta’ żmien twil inaqqas l-abbiltà li wieħed jipproċessa l-informazzjoni u b’hekk hemm ċans ikbar li jieħu deċiżjonijiet żbaljati. L-attitudni lejn ir-riskju finanzjarju wkoll tinbidel u naraw li azzjonijiet fejn deċiżjonijiet finanzjarji jrendu fil-futur huma mistkerrija waqt li azzjonijiet li jiggarantixxu li dejjem ikun hemm flus fil-but, anki jekk dan huwa ta’ dannu fit-tul bħal ngħidu aħna self bl-użura, jidhru aktar attraenti. Il-faqar inaqqas ukoll l-abbiltà li wieħed jagħmel sagrifiċċju issa biex imbagħad igawdi wara u b’hekk isiru xiri jew deċiżjonijiet finanzjarji li jtaffu l-bżonn tal-mument imma li mhumiex għaqlin fit-tul.

Allura, biex nirrispondu l-mistoqsija oriġinali tagħna, le l-persuni fil-faqar ma ħaqqhomx ikunu fil-faqar għax li tfaddal u li tieħu deċiżjonijiet għaqlin mhumiex sempliċiment kwistjoni ta’ dixxiplina jew sagrifiċċju biss. Hemm numru ta’ fatturi bħal spejjeż moħbija, kultura ta’ faqar u impedimenti psikoloġiċi li jwaqqfuk milli toħroġ mill-faqar. X’inhi s-soluzzjoni? Bħalma għedna qabel, mhix sempliċi però tirrikjedi interventi fuq livell strutturali, filwaqt li tingħata anki għajnuna personali lil persuni fil-faqar biex joħorġu minnu. Ħaġa waħda hi żgura: mingħajr sens ta’ empatija nibqgħu fuq livell superfiċjali li, fl-aħħar mill-aħħar, jiżgura ħaġa waħda biss; li min qed ibati minħabba l-faqar, ħa jibqa’ ibati.

Jekk tixtieq tistudja mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà kkuntatjana fuq socialwellbeing@um.edu.mt jew www.facebook.com/um.socialwellbeing/ 

More in Socjali