Dun Anġ Seychell | Miljuni ta’ tfajliet mhedda li jinqatlu jew jisfaw vjolentati

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth

Qatt smajt bl-organizazzjoni Terre des Hommers isem Franċiż li bil-Malti jfisser Art il-Bnedmin, li llum saret internazzjonali u li għadha kemm ħarġet it-tmien dossier tagħha bħala difiża tat-tfajliet bejn il-15 u d-19-il sena li jinsabu fil-periklu li jinqatlu jew ikunu sesswalment vjolentati?

L-aħħar dossier li ħarġet iġib id-data tal-11 ta’ Ottubru 2019, il-Jum Dinji tat-tfal, bl-għan li tiġbed l-attenzjoni fuq il-kondizzjoni tat-tfal u tfajliet, li huma oġġett u vittmi ta’ sfruttament u diskriminazzjoni. 

Fost il-fatti li jidhru fid-dossier hemm dawn: fid-dinja kull 10 minuti qed tisfa maqtula tfajla. 

Madwar 15-il miljun tfajla, bejn il-15 u d-19-il sena qed ikunu mġiegħla jkollhom relazzjonijiet sesswali u tipi oħra ta’ vjolenza sesswali matul ħajjithom u minn dawn 9 miljuni sfaw vittmi tul l-aħħar sena li għaddiet.

Terre des Hommes torganizza regolarment kampanja li għandha l-isem ta’ Bħala Ħarsien biex tqajjem il-kuxjenza dinjija fuq it-tfajliet li huma l-akbar vittmi ta’ qtil u vjolenza.

L-aħħar dossier

L-aħħar dossier ta’ Terre des Hommes jitfa’ l-attenzjoni fuq il-fatti drammatiċi li qed iseħħu fid-dinja tat-tfal bniet u tfajliet. Kull sena madwar żewġ miljun tfajla ta’ inqas minn 15-il sena joħorġu tqal. Huma adoloxxenti li mhumiex preparati biex jgħaddu minn tqala li f’nofs il-każi huma ma jridux. 

Ħafna minnhom huma vittmi ta’ stupri u żwiġijiet bikrija, imġiegħla jiżżewġu rġiel akbar minnhom ħafna u b’hekk iqiegħdu fi kriżi l-iżvilupp personali tagħhom kif ukoll saħħithom. Fosthom il-kondizzjoni partikularment drammatika hi dik tat-tfajliet b’diżabilità, vittmi ta’ vjolenzi għaxar darbiet iżjed minn dawk daqshom li ma għandhomx diżabbilità. 

Diskriminati sa minn twelidhom, it-trabi b’diżabbilità għandhom iżjed probabbilità, f’xi pajjiżi, li jisfaw maqtula jew li lanqas ikunu legalment irreġistrati fid-dokumenti u allura ma jkollhomx il-jedd li jgawdu għajnuna sanitarja, edukazzjoni u servizzi soċjali.

Azzjonijiet konkreti

Bil-kampanja tagħha bħala ħarsien, Terre des Hommes tfittex li tilħaq azzjonijiet konkreti. 

Bil-proġetti tagħha tqiegħed fuq nett il-ħarsien u d-difiża ta’ eluf ta’ trabi ommijiet, ta’ trabi għarajjes u, tfal u tfajliet sfruttati, vjolati, vittmi ta’ kummerċ. B’hekk iġġib fix-xejn il-vjolenzi u t-trattament mhux xieraq u tiżgura ġejjieni ta’ dinjità fost il-bnedmin kollha.

Fl-Italja

Anke fl-Ewropa jiġru dawn il-vjolazzjonijiet. Ma għandix tagħrif dwar dan il-kontinent ħlief dwar l-Italja. 

Terre des Hommes tgħid hekk dwar l-Italja: “Il-vjolenza fuq iż-żgħar, speċjalment fuq il-bniet u fuq it-tfajliet baqa’ għaddej kif kien u fis-sena 2017 laħaq rekord drammatiku: l-għadd ta’ vjolazzjonijiet tela’ għal 5,788 vittma li jfissru 8% iżjed mis-sena 2016 u 43% iżjed minn dawk ta’ 10 snin ilu. Minn dan il-persentaġġ ta’ tfal u tfajliet jirrappreżenta 60% tal-vittmi”.

Id-dossier ta’ Terre des Hommes jinkludi ritratti ta’ ommijiet Afrikani ta’ età żagħżugħa ħafna u l-ulied tagħhom.

Fl-Italja jeżistu voluntiera li jieħdu ħsieb jorganizzaw attivitajiet f’ambjent ta’ ħbiberija, serenità u allegrija ma’ persuni b’diżabilità. 

Hemm ukoll servizz ta’ ospitalità għat-tfal diżabbli li huma rrikoverati fl-isptar San Raffaele ta’ Milan li dan l-aħħar ingħataw ġabra ta’ informazzjoni dwar l-isptar, oġġetti addattati għal-logħob... kif ukoll tatù simpatiku li jkun temporanju u jkun jista’ jitneħħa.

F’Malta

Hawn Malta l-Knisja ilha preżenti fost il-barranin li jinsabu f’għadd dejjem jikber. Dan l-aħħar ġraw każijiet ta’ mibegħda razzjali iżda ċerti realtajiet fil-Knisja Maltija ilhom preżenti fost bniet u tfajliet li qed ikunu mhedda li jaqgħu vittmi ta’ vjolenza u żwiġijiet. Insemmi s-sorijiet li jilqgħu lit-tfal, il-Kummissjoni Emigranti kif ukoll il-missjunarji Maltin f’diversi pajjiżi.

More in Socjali