Dun Ang Seychell | Il-kanonizzazzjoni ta' John Henry Newman

Il-Papa Franġisku se jkun qed jikkanonizza lill-Kardinal Ingliż John Henry Newman nhar il-Ħadd, 13 t’Ottubru

Nhar il-Ħadd, 13 t’Ottubru l-Papa Franġisku se jikkanonizza lill-Kardinal Ingliż John Henry Newman, jiġifieri jiddikjarah dixxiplu qaddis li mexa tabilħaqq wara Sidna Ġesù Kristu. Hija ġrajja kbira u storika għall-Ingilterra, għall-Knisja Kattolika u għall-istorja reliġjuża tas-seklu dsatax.

Ian Ker kiteb fit-tul dwar il-ħajja u l-ħsieb tal-Kardinal Newman fi ktieb ta’ 745 paġna. Fih jistqarr li kemm bħala Anglikan kif ukoll wara li sar Kattoliku, Newman għandu post ċentrali fl-istorja reliġjuża tas-seklu dsatax. 

Għalih Newman kien ukoll profeta li f’kitbietu saħaq fuq ħafna mis-suġġetti li fuqhom iċċentra l-Konċilju Vatikan it-Tieni li seħħ fi żmienna.

Duttur tal-Knisja

Ker jasal biex iqabbel l-importanza ta’ Newman ma’ dik ta’ Santu Wistin u l-kitba tiegħu wasslet lil dan il-bijografu ta’Newman biex jistqarr il-konvinzjoni tiegħu li Newman għandu jkun magħdud fost id-Dutturi jew l-Għorrief tal-Knisja.

Fi żmienu Newman tant kien rispettat li l-Knisja Kattolika fl-Ingilterra gawdiet il-lussu ta’ żewġ kardinali preżenti fi ħdana fl-istess ħin! Newman kien profond fir-riflessjoni tiegħu dwar it-tagħlim tal-Knisja. Baqa’ msemmi sal-lum għall-ħsibijiet tiegħu dwar is-sovranità tal-kuxjenza bħala bażi tat-twemmin reliġjuż. 

It-tagħlim tiegħu dwar il-kuxjenza jinsab miġbur fil-pubblikazzjoni tiegħu Ittra lid-Duka ta’ Norfolk. Fiha jiddiskuti l-kuxjenza ta’ min jemmen f’rabta bejn il-kuxjenza ta’ min jemmen u l-awtorità Ekkleżjastika leġittma. 

Newman jistqarr ċar u tond li “l-kuxjenza hija l-Vigarju aboriġinali ta’ Kristu, hija profeta fit-tagħrif tagħha, hija sultana fil-kmandi tagħha, hija saċerdot fil-barkiet u l-iskomuniki tagħha u anke jekk is-saċerdot etern fil-Knisja jista’ ma jibqax sejjer, fiha l-prinċipju saċerdotali jibqa’ jsaltan... 

Minkejja l-fraġilità vulnerabbli tagħha, il-kuxjenza għandha ħajja starmba li ma tinqeridx.

Il-kuxjenza tal-Papa

U Newman hawn jagħmel stqarrija famuża: “Inżid kumment wieħed. Ċertament, jekk inkun obbligat indaħħal ir-reliġjon meta ngħolli t-tazza wara xi ikla (li tabilħaqq ma tantx tidher ħaġa flokha) jiena ngħolli t-tazza lill-Papa, jekk jogħġbok, però l-ewwel ngħolliha lill-kuxjenza u mbagħad il-Papa”.

Tajjeb li wieħed jiftakar li dan il-kliem intqal minn Newman fi żmien il-konċilju Vatikan 1 li fiha saret id-dikjarazzjoni dwar l-infallibilità tal-Papa!

20,000 ittra 

Ma ninswex li Newman kiteb ħafna u kiteb fil-wisgħa. Kiteb il-ktieb Apologia Pro Vita Sua, kiteb ħafna kitbiet awtobijografiċi... u kiteb iżjed minn 20,000 ittra li għadhom jeżistu. B’kollox il-kitba pubblika tiegħu tesa’ iżjed minn erbgħin volum. Hemm x’tagħżel u minn fejn tagħżel! 

Il-kitba ta’ Newman hija marbuta b’mod speċjali mal-iżvilupp u l-oriġinalità tal-ħsieb reliġjuż b’tali mod li wieħed jasal għall-konklużjoni mhux li fil-kitba tiegħu hemm il-kontradizzjoni imma hemm il-komplimentarjetà, tant li tista’ tidher daqqa konservattiva u liberali, daqqa progressiva tradizzjonali, daqqa prudenti u radikali, daqqa dommatika u fl-istess ħin pragmatika, daqqa idealistika u fl-istess ħin realistika. 

Jekk wieħed irid jifhem lil Newman għandu jiftakar li hu kien ħsiebu fir-realtà u mhux fil-maqlub tar-realtà.

Ħafna tbatijiet

Meta Newman sar Kattoliku, il-ħajja tiegħu għaddiet minn ħafna tbatijiet u mhux kulħadd fehmu u apprezzah. Ruma u l-Papa apprezzawh, tant li wrew l-apprezzament tagħhom billi għollewh għall-ġieħ ta’ Kardinal. Imnalla kien spiritwali ħafna u sens umoristiku qawwi għax b’hekk irnexxielu ma għamilx kompromessi u fl-istess ħin ikun prattiku fil-ħajja ta’ kuljum u man-nies li għexu qribu.

Fl-ambjent tiegħu

Mhux ta’ min iħalli barra l-ideat edukattivi tiegħu, speċjalment l-idea tiegħu ta’ kif għandha tkun università, ideat li kienu studjati u pprattikati fl-Irlanda u wara anke fl-Ingilterra. 

Il-kanonizzazzjoni tiegħu għandha sservi biex ix-xhieda ta’ ħajtu u l-għerf u l-qdusija li hemm fil-kitbiet u fit-talbiet tiegħu jilħqu iżjed nies li jemmnu u oħrajn li ma jemmnux u jiswew biex jiżdiedu dawk in-nies li jesponu rwieħhom għall-profondità tal-ħsieb u tar-riflessjonijiet tiegħu.

More in Socjali