Carmel Cacopardo | Is-silġ qed idub

Malta għandha interess (dirett) ovvju biex it-tibdil fil-klima jkun indirizzat

Is-silġ qed idub kullimkien. Iktar kmieni din il-ġimgħa fl-Iżlanda saret kommemorazzjoni tal-glaċier Okjökull li dab wara madwar 700 sena li ilu jeżisti.

Kien hemm ċerimonja ta’ tifkira u twaħħlet plakka bi twissija għall-futur li tgħid: “Okjökull hu l-ewwel glaċier fl-Iżlanda li spiċċa. Matul il-mitejn sena li ġejjin il-glaċieri ewlenin li għandna ser tmisshom l-istess xorti. Dan il-monument jirrikonoxxi li nafu x’qiegħed jiġri kif ukoll x’jeħtieġ li jsir. Intom biss tafu jekk għamilniehx.” 

Din id-dedika tispiċċa bid-data taċ-ċerimonja u l-konċentrazzjoni attwali tad-dijossidju tal-karbonju fl-arja, 415 parti minn kull miljun.

Mappa ġeoloġika tal-1901 tal-Iżlanda tindika li dan il-glaċier kien ikopri 38 kilometru kwadru. Issa spiċċa: dab u sparixxa fl-oċeani. 

It-tibdil fil-klima qiegħed magħna. Illum diffiċli biex dan jitwaqqaf. It-tibdil fil-klima m’għandux xi eżerċizzju teoretiku li jbassar il-futur: hu r-realtà li qed tiżviluppa quddiemna u li rridu niffaċċjaw.

Anke Malta u Għawdex qegħdin fil-kju għax in-natura ma taħfira lil ħadd, ma timxix b’mod diskriminatorju. Ser tolqot lil kulħadd mingħajr eċċezzjoni

Il-kommemorazzjoni simbolika ‘tal-mewt’ tal-glaċier Iżlandiz hi twiddiba għal kulħadd: it-tibdil fil-klima teffettwa lil kulħadd, min mod u min ieħor. Iż-żieda fit-temperatura globali qed iddewweb il-glaċieri u l-icebergs. Dan iwassal biex jogħla l-livell tal-baħar u dan b’theddida serja għal kull attività fuq l-art li hi qrib tal-livell tal-baħar. L-effetti mhux ser ikunu biss mal-kosta, imma iktar ’il ġewwa wkoll. 

Kontinwament naqraw kif ibliet kbar li qegħdin mhux wisq ’il fuq mil-livell tal-baħar qed jaħsbu u jitħassbu dwar kif jistgħu jilqgħu għal din it-theddida: bliet bħal New York, Miami, Tampa, Boston, New Orleans, Amsterdam, Mumbai, Stokkolma, Buenos Aires, Dakar, Shanghai, Hong Kong, Cancun u bosta oħrajn jistgħu jisparixxu. Miljuni ta’ bnedmin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

U f’Malta? 

L-għoli tal-livell tal-baħar jeqred il-faċilitajiet mal-kosta, bit-turiżmu jaqla’ l-ikbar daqqa. Numru ta’ żoni residenzjali mal-kosta wkoll jistgħu jkunu effettwati:  bħal Marsalforn, ix-Xlendi, San Pawl il-Baħar, l-Għadira, Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex, l-Imsida, Birżebbuġa, Marsaskala u Marsaxlokk, flimkien ma’ partijiet minn lokalitajiet oħra lkoll jintlaqtu skont kemm jogħla l-livell tal-baħar. 

Jiena infurmat li l-power station ta’ Malta f’Delimara, qiegħda madwar 4 metri ’l fuq mil-livell tal-baħar.

Żieda żgħira fil-livell tal-baħar tista’ tillimita l-ħsara għall-infrastruttura turistika u l-faċilitajiet kostali

Żieda żgħira fil-livell tal-baħar tista’ tillimita l-ħsara għall-infrastruttura turistika u l-faċilitajiet kostali. Imma jekk iż-żieda fil-livell tal-baħar tkun waħda sostanzjali ż-żoni residenzjali mal-kosta, u bosta iktar, jistgħu jkunu effettwati. 

It-tbassir dwar kemm ser jogħla l-livell tal-baħar jiddependi fuq iż-żidiet reali fit-temperaturi. Fis-Summit dwar il-klima f’Pariġi kien hemm it-tama li ż-żieda massima fit-temperatura ma taqbiżx il-1.5 gradi Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. Sfortunatament, illum, dan jidher li hu ħolm għax mexjin lejn żidiet ferm ogħla fit-temperaturi. 

It-tbassir minimu hu dwar żieda fl-għoli tal-baħar ta’ madwar 500 millimetru imma hemm il-possibiltà li dan jista’ jilħaq żieda fl-għoli ta’ anke 7 metri!  Dan hu tbassir li qed ikun revedut kontinwament mill-komunità xjentifika u jiddependi miż-żidiet reali fit-temperaturi u proġezzjonijiet reveduti.

Malta għandha interess (dirett) ovvju biex it-tibdil fil-klima jkun indirizzat, imma fl-istess ħin issegwi politika li twassal il-messaġġ ċar li tiġi taqa’ u tqum, ma jimpurtahiex. Eżempju ta’ dan huma l-proġetti infrastrutturali konnessi mat-toroq li ser iservu biss biex iżidu n-numru tal-karozzi fit-toroq. Iktar karozzi, iktar emissjonijiet: kontribut dirett ikbar għat-tibdil fil-klima.   

Fejn diġà beda jinħass l-għoli fil-livell tal-baħar diġà sparixxew numru ta’ gżejjer (mhux abitati) fil-Paċifiku. Hemm gżejjer oħra mill-Fiji sal-gżejjer Marshall, mill-Maldives sal-Bahamas, Tuvalu, il-Kiribati u bosta oħrajn li qegħdin taħt theddida imminenti.

Anke Malta u Għawdex qegħdin fil-kju għax in-natura ma taħfira lil ħadd, ma timxix b’mod diskriminatorju. Ser tolqot lil kulħadd mingħajr eċċezzjoni.

Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika

More in Socjali