Editorjal | Hemm establishment jew le?

Ma rridux ninsew li minkejja l-antipatija li jista’ jkollu l-grupp Repubblika, il-każ tal-Vitals huwa dell ikrah fuq l-amministrazzjoni Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat

Fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li hemm “Establishment”. B’“establishment” fhimna li trid tmexxi l-pajjiż akkost ta’ kollox u lest tuża l-metodi kollha biex jinżel il-LABOUR mill-Gvern. 

Dan qalu fil-kuntest li qabel ma ħarġet l-aħħar inkjesta tal-VITALS mill-Maġistrat Gabriella Vella, kien hemm bosta mossi li jindikaw li l-kontenut tal-inkjesta kien magħruf minn xi nies. 

L-inkjesta dwar il-VITALS wasslet biex numru mdaqqas ta’ persuni u kumpaniji tinħarġilhom attachment u freezing order b’konfront ta’ suspett ta’ ħasil ta’ flus. Dawn il-persuni jinkludu l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. 

Hekk kif tlestiet l-inkjesta, is-soltu tfesfis fil-widnejn beda mill-istess karattri magħrufa dawk li bħala avukati ma jiddejqux jiddefendu l-istess korrotti li jiġu akkużati fil-qrati tagħna. Dan wassal biex ċertament ikun hemm reazzjoni mill-protoganisti b’mod speċjali għax l-inkjesta ġiet fl-istess żmien li bdiet il-kampanja tal-Parlament Ewropew. 

Apparti hekk, ġiet ukoll meta ngħalqu n-nominazzjonijiet għall-kandidati f’isem il-Partit Laburista. 

Ma rridux ninsew li minkejja l-antipatija li jista’ jkollu l-grupp Repubblika, il-każ tal-Vitals huwa dell ikrah fuq l-amministrazzjoni Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.  

Jekk fil-proċess ġudizzjarju jinstab li kien hemm korruzzjoni dak argument ieħor, li saru żbalji kbar politiċi iva ... imma fl-inkjesta u mill-affarijiet li ħareġ jidher li l-Maġistrat, biex taqbad min kien fiċ-ċentru ta’ din il-kwistjoni, firxet xibka enormi u tefgħet lil kulħadd fl-istess keffa. 

Dan huwa perikoluż immens. 

Qed ngħidu dan b’mod speċjali fil-konfront tal-Eks Ministru Chris Fearne li fir-rapport tan-NAO kien ċertament skolpat minn kull responsabbiltà. 

Il-fall out politiku fil-kamp Laburista huwa wieħed inkwetanti. 

U d-diffikultà li għandu Robert Abela hija minħabba li f’dan il-każ tal-VITALS hemm Joseph Muscat involut; persuna li għad għandha rilevanza kbira mas-segwaċi tiegħu. 

Abela, b’mod politiku, qed jipprova jirbaħ kemm jista’ jkun punti politiċi billi jenfasizza li l-kontenut tal-inkjesta kien magħruf qabel u li hemm strateġija biex il-PL jingħata daqqa mortali. Abela qed jagħmilha ċara li dan qed isir minn dawk li jobogħdu l-Labour u jridu l-Labour ma jibqax fil-Gvern. 

Jista’ jkun li din hija spjegazzjoni aħjar mill-kelma establishment.  

Huwa minnu li hawn min jobgħod lil-Labour. 

Forsi minflok il-kelma “Establishment”, il-kelma li ried juża Abela hija li tagħmel x’tagħmel, il-Labour huwa dimonju u intrinsikament ħażin. 

Hemm bla dubju mistoqsijiet fuq l-approċċ tal-inkjesta u l-atteġġjament stilo di Pietro, kif ukoll l-intenzjonijiet tal-grupp Repubblika u l-avukat tagħhom, imma ħadd ma jista’ jiċħad li fil-każ tal-VITALS kien hemm episodju ta’ amministrazzjoni diżastruża. Pajjiżna rema parti mis-sistema tas-saħħa tagħna lill-grupp ta’ briganti u ħallelin meta dawn, minkejja d-due diligence ta’ grupp ta’ awdituri rinomati u rispettati, kienu xejn ħlief nies b’intenzjonijiet ħżiena. 

 

 

More in Politika