Riżultati pożittivi fl-immaniġġjar tal-iskart

L-iskart mormi fil-borża s-sewda mid-djar naqas bi 23 fil-mija, l-inqas livell li qatt kellna f’dawn l-aħħar 20 sena. Minkejja r-rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku, xorta waħda pajjiżna rnexxielu jnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet

Bdejna s-sena 2024 b’riżultati pożittivi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, frott il-kontribuzzjoni ta’ kulħadd, b’deċiżjonijiet kuraġġużi li mhux neċessarjament huma mill-aktar faċli li jittieħdu.  

F’dawn l-aħħar snin ħadna deċiżjonijiet ambjentali biex l-immaniġġjar tal-iskart iqarreb lejn proċessi aktar sostenibbli. Is-sena li għaddiet il-WasteServ ipproċessat 20,000 tunnellata skart li ġie esportat biex jiġi riċiklat u użat mill-ġdid. Daqs il-piż t’10,000 karozza. Dan huwa l-akbar ammont f’dawn l-aħħar 20 sena. Mingħajr id-direzzjoni politika, l-investiment u l-impenn ta’ parti kbira mill-poplu tagħna lejn is-separazzjoni u r-riċiklaġġ, dan l-iskart kien jispiċċa fil-miżbla. 

Ma’ dawn irridu nżidu wkoll l-iskart li qed jiġi sseparat u rriċiklat permezz ta’ inizjattivi tas-settur privat, ewlenin fosthom l-iskema tal-kontenituri tax-xorb irregolata minn Circular Economy Malta u operata mill-kumpanija privata BCRS. Hemm ukoll diversi kumpaniji li jesportaw direttament l-iskart tagħhom għar-riċiklaġġ.     

F’waste streams oħra, WasteServ rat riżultati rekord. L-iskart mormi fil-borża s-sewda mid-djar naqas bi 23 fil-mija, l-inqas livell li qatt kellna f’dawn l-aħħar 20 sena. Minkejja r-rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku, xorta waħda pajjiżna rnexxielu jnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet. 

Anke l-iskart organiku sseparat żdied b’35 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. B’hekk, WasteServ setgħet tipproċessa dan l-iskart u minnu tiġġenera biżżejjed elettriku għal sena għal 570 dar. 

Dawn ir-riżultati inkoraġġanti ma nkisbux b’kumbinazzjoni. Wasalna s’hawn grazzi għall-ħidma kollaborattiva ta’ ħafna u ħafna individwi, familji, azjendi, kunsilli lokali, entitajiet governattivi, għaqdiet u l-komunitajiet tagħna. Nibqa’ nsostni li kulħadd għandu kontribut importanti biex nassiguraw ekonomija ċirkolari. Nemmen li jekk nibqgħu naħdmu flimkien, fis-snin li ġejjin se jkollna riżultati aktar pożittivi, sabiex finalment nilħqu l-mira finali li l-iskart muniċipali fil-miżbliet jinżel għal 10 fil-mija biss.  

Fl-istess waqt, il-WasteServ qed tkompli tinvesti fl-infrastruttura tagħha. Is-sena l-oħra, b’investiment totali t’aktar minn €26 miljun, WasteServ fetħet żewġ faċilitajiet ewlenin ġodda, fosthom il-Material Recovery Facility (MRF) fil-kumpless Ecohive l-Magħtab u l-kumpless Multi Material Recovery Facility (MMRF). 

Dawn iż-żewġ faċilitajiet għenu lil WasteServ ittejjeb l-operat tagħha biex tipproċessa aktar skart u tibdlu f’materjal ta’ kwalità għar-riċiklaġġ jew użu mill-ġdid.   

L-investiment tal-istrateġija Ecohive se jkompli din is-sena, b’aktar investimenti importanti. Ewlenin fosthom l-impjant waste-to-energy, li se jgħin lil pajjiżna jipproċessa 192,000 tunnellata ta’ skart li ma jistax jiġi rriċiklat, biex bih niġġeneraw enerġija nadifa u nipprovdu 4.5% tad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż. Dan se jkun wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali f’pajjiżna. 

Inizjattiva oħra li wriet kemm nistgħu nnaqqsu skart billi nagħtu ħajja ġdida lil dawk l-oġġetti li ma jkollniex bżonn aktar, billi noffruhom għal ħaddieħor, huma r-ReUse Centres. Minn meta nfetħu dawn iċ-ċentri, aktar minn 18,150 oġġett ġew salvati mill-miżbla biex issa jistgħu jerġgħu jintużaw. Huwa pożittiv ukoll li madwar il-pajjiż qed naraw aktar inizjattivi ta’ dan it-tip minn għaqdiet u individwi, bħal pereżempju t-thrift shops, li qed isiru popolari anke maż-żgħażagħ.     

Ir-riżultati pożittivi jkomplu jibnu fuq il-kampanja li nediet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar is-separazzjoni tal-iskart mandatorja. Din is-sena, l-Awtorità se tkompli bl-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti, ħalli niżguraw li aktar skart jiġi sseparat kif suppost.  

Matul din is-sena qed nestendu wkoll l-iskema għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ reverse osmosis għall-ilma tax-xorb fid-djar, ħalli nkomplu nnaqqsu l-plastik li jintuża darba.  

Anke fl-ilma, l-2023 kienet ikkaratterizzata minn sensiela ta’ kisbiet li laħqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) fl-immaniġġjar u s-sostenibbiltà ta’ din ir-riżorsa. Il-KSI rat tnaqqis rekord fin-Non-Revenue Water – ilma li jiġi prodott iżda jintilef qabel jasal għand il-konsumatur – bi tnaqqis ta’ 3.5% oħra fuq is-sena rekord ta’ qabel. B’hekk, l-effiċjenza tan-network issa qed tilħaq 72.7%, minn 52% fl-2011. Qed titnaqqas il-ħela tal-ilma, b’infrastructure leakage index ta’ 9.5% tal-produzzjoni tal-ilma, meta mqabbel mat-13% fl-2013. 

Il-KSI laħqet rekord ukoll f’każijiet ta’ abbuż tal-ilma, li ġew solvuti u mħallsa.  

Għaddejjin b’investimenti kapitali biex ikollna żieda fil-provvista tal-ilma, żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u żieda fir-riservi tal-ilma. 

Dan il-pjan ikompli jibni fuq dak li ħabbarna wkoll ftit taż-żmien ilu dwar l-ilma tal-pjan, bil-ħruġ ta’ green paper bi pjan għar-regolazzjoni tal-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, biex niżguraw li fis-snin li ġejjin nagħtu ċ-ċans li din ir-riżorsa tirriġenera u tissaħħaħ. Fil-fatt, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tkompli tinvesti biex tkabbar is-servizz tan-New Water, għal skopijiet agrikoli, u toffrih lil ħafna aktar bdiewa f’ħafna aktar postijiet. Matul l-2023, il-KSI pproduċiet kwantità rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water li ġie fornut lill-komunità tal-biedja. Dan is-servizz se jkompli jiġi estiż f’diversi żoni agrikoli fit-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ Malta.  

Ir-riżultati miksuba matul l-2023 huma inċentiv qawwi sabiex inkomplu nistinkaw għal aktar riżultati pożittivi fis-snin li ġejjin. 

More in Politika