Michael Piccinino| Iffukati biex inġibu l-bidliet li għandu bżonn pajjiżna

Pajjiżna għandu bżonn, mhux biss Oppożizzjoni b’saħħitha, imma għandnu bżonn iktar u iktar Gvern alternattiv; Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm ħafna talent li jista’ jwassal f’kapaċitajiet u l-ħiliet biex ikun fil-Gvern

Illum, iktar minn qatt qabel, pajjiżna għandu bżonn, mhux biss Oppożizzjoni b’saħħitha, imma għandnu bżonn iktar u iktar Gvern alternattiv. Dak huwa l-irwol li jrid jara li kontinwament jimla l-Partit Nazzjonalista. 

Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm ħafna talent li jista’ jwassal f’kapaċitajiet u l-ħiliet biex ikun fil-Gvern. Gvern alternattiv li tant jistħoqqlu l-poplu Malti u Għawdxi.  

Dan huwa l-proċess li kompla lbieraħ il-Kap tal-Partit Bernard Grech bir-reshuffle fix-Shadow Cabinet.  

Shadow Cabinet li mhux biss tirrispondi għal dak li għamel il-Gvern imma turi wkoll il-viżjoni li għandu għal pajjiżna l-Partit Nazzjonalista. Bidla li tant teħtieġ f’pajjiżna.  

Reshuffle maġġuri li ħa jwassal għal iktar ħidma ffukata biex inżommu l-Gvern responsabbli f’dak kollu li jagħmel u nkomplu niżvelaw il-viżjoni tagħna. 

Il-ħidma mill-Partit Nazzjonalista hija waħda li se tkompli twettaq politika li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar, il-ħajja aħjar f’pajjiżna li lkoll irridu.  

Viżjoni 

Il-viżjoni tagħna, il-pjan ekonomiku ta’ eċċellenza qed jibqa’ jkun sostnut għax din il-viżjoni hija viżjoni li se tkun qed twassal għal ħajja aħjar f’pajjiżna.  

Eċċellenza ta’ poplu li jkollu l-għodda kollha meħtieġa biex jilħaq il-qofol, il-milja biex jirnexxi.  

Il-viżjoni tagħna hija waħda fejn se nkunu qed insaħħu r-reputazzjoni u l-integrità ta’ pajjiżna. Miġja, lejn il-prosperità li tirrestawra d-dinjità u l-kwalità tal-ħajja li jixirqilna lkoll bħala poplu. Il-viżjoni tagħna hija wegħda ta’ serħan tal-moħħ, stabbiltà ekonomika, u sens imġedded ta’ skop. Hija affermazzjoni li aħna lesti niggvernaw b’mod responsabbli.  

Inwettqu t-Tiġdid Ekonomiku meħtieġ biex naraw li jkollna ekonomija li taħdem għan-nies u mhux in-nies jaħdmu għall-ekonomija kif għandna taħt dan il-Gvern.  

Il-viżjoni tagħna hija wegħda ta’ integrità, li nibnu mill-ġdid il-fiduċja li tnaqqret fl-istituzzjonijiet tal-Gvern. It-trasparenza u r-responsabbiltà se jkunu l-karatteristiċi tagħna. 

1. Amministrazzjoni Ambjentali: Aħna impenjati li nirrestawraw u nippreservaw is-sbuħija naturali ta’ Malta. Il-pjan tagħna jinkludi miżuri biex niġġieldu t-tniġġis, nipproteġu l-kosta tagħna, u nippromovu prattiċi tal-enerġija sostenibbli. Aħna se naħdmu bla heda biex niżguraw ambjent aktar b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. 

2. Responsabbiltà Soċjali: Il-programmi tagħna ta’ benessri soċjali se jagħtu prijorità lill-ġustizzja u l-inklussività. Aħna nimmiraw li nipprovdu appoġġ għal dawk fil-bżonn, kemm jekk permezz tal-benefiċċji tal-qagħad, kura tas-saħħa, jew opportunitajiet edukattivi. L-għan tagħna hu li nibnu soċjetà fejn ħadd ma jitħalla lura. 

3. Governanza Tajba: It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-kondotta etika se jkunu fil-qalba tal-governanza tagħna. Se nibnu mill-ġdid il-fiduċja li tnaqqret u nerġgħu nirrestawraw il-valuri li jsaħħu demokrazija b’saħħitha. 

4. Prosperità Ekonomika: Se nsegwu politiki li jrawmu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-investiment fl-innovazzjoni. L-għan tagħna huwa li nipprovdu futur stabbli u prosperu, kemm għan-negozji, kif ukoll għall-individwi. 

Negħlbu l-għoli tal-ħajja 

Din it-tema kuljum qed taffettwa lill-poplu Malti u Għawdxi. Filwaqt li l-Labour qed iġelled Malti ma’ Malti, negozjanti mal-konsumaturi Maltin, il-Partit Nazzjonalista huwa ffukat li jkollna ekonomija ta’ kwalità li taħdem għal kulħadd.  

Minflok qed insibu l-iskużi għall-problema kif qed jagħmel il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed joħroġ bis-soluzzjonijiet.  

X’inhuma l-proposti tagħna? 

• Iż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli; 

• PN fil-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA; 

• PN fil-Gvern joħloq Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt tal-għoli tal-ħajja. 

• Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna. 

Governanza tajba u integrità 

Kif kien sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fid-diskors li wassal fl-aħħar Kunsill Ġenerali,  

“Ma nistgħux inkunu konsumaturi biss tal-governanza t-tajba. Irridu nkunu parteċipi, irridu nkunu kokreaturi.” 

Nemmen bis-sħiħ li hi responsabbiltà ta’ kull ċittadin li jagħmel parti minn din is-soċjetà. Nibdew mill-familji tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel eċċ... Irridu ninkoraġġixxu ambjent fejn inkunu nistgħu ngħixu flimkien f’serenità u fil-paċi. Ambjent fejn nitħallew naħdmu, ħielsa, inwettqu d-doveri tagħna kif suppost. Irridu naħdmu biex ikollna pajjiż fejn il-ġustizzja soċjali tkun it-tmun ta’ dawk li jmexxu. Il-qofol. Il-qofol ta’ Governanza tajba u integrità fit-tmexxija.  

Is-saħħa f’pajjiżna 

Spiss nitkellem ma’ bosta nies li jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom f’Mater Dei. Dewmien esaġerat biex tieħu l-kura, u l-kura qed tingħata f’ambjent xejn xieraq u adegwat.  

Is-sitwazzjoni hija devastanti. Il-waiting list sabiex persuna tagħmel intervent jew saħansitra tingħata appuntament għall-outpatients hija lista li ma tispiċċa qatt. Issa jidher li hemm waiting list oħra biex pazjent ikun jista’ jingħata sodda meta jidħol Mater Dei. 

Operazzjonijiet on hold, b’operazzjonijiet ta’ urġenza mhux isiru mill-ewwel, imma anki ġimgħat u xhur wara. 

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-Partit li investa tant f’dan is-settur.  

• Naraw li jsir investiment fl-Isptar San Luqa, u li dan ikun inkorporat fis-sistema tas-saħħa. B’hekk ikun hemm żieda fl-ammont sostanzjali ta’ sodod bżonjużi għall-pazjenti, u ma nħallux pazjenti fil-kurituri, stores u canteens; 

• Ikun hemm apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent;  

• Li jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali, li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li qatt ma sar.  

• Li jkunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex ikunu attirati aktar nies lejn dawn il-professjonijiet;  

• Jinbena sptar ġenerali ġdid f’Għawdex; 

Pajjiżna għandu bżonn bidla u l-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jerbaħ il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi biex ikun Gvern alternattiv li jġib il-bidla f’pajjiżna. 

More in Politika