Editorjal | L-ikbar sfida li għandu Robert Abela

Ħadd m’hu jifhem għalfejn il-Prim Ministru wera daqstant insensittività. Biex tgħaxxaq, ftit wara l-vot fil-parlament, il-preżenza tiegħu f’kunċert fil-Girgenti u imbgħad id-dehra tiegħu fuq id-dgħajsa tiegħu l-Ġimgħa waranofsinhar biex iqatta’ weekend Sqallija ħalliet togħma ħażina ma’ ħafna nies, inkluż dawk Laburisti

Jekk xejn dawn il-ġranet urew aktar dwar il-karattru veru tal-Gvern tal-Labour u t-tmexxija tiegħu.   

Id-deċiżjoni li ma ssirx inkjesta pubblika kixfet tliet affarijiet ewlenin:   

1) Li l-Gvern ma kkalkulax ir-reazzjoni negattiva mill-pubbliku għad-deċiżjoni li l-Gvern ma jagħmilx inkjesta pubblika    

2) Li l-Prim Ministru Robert Abela kellu fuq medda ta’ ġimgħat jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu u jxejjen allegazzjonijiet li kien qed jaħbi d-dnubiet ta’ xi persuni.   

3)  Li l-miżuri li kellhom jidħlu fis-seħħ wara disgrazzji simili (eż: Miriam Pace) fil-qasam tal-kostruzzjoni ma daħlux u bdew deħlin biss wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia. 

Nuqqas ta’ esperjenza politika kellu jwassal biex Robert Abela bħala Prim Ministru ma jindunax li l-perjodu pjuttost twil tal-mixja politika mingħajr trikki trakki wassal biex hu jimmaġina li l-każ ta’ Sofia kien bħal każijiet oħra. 

Illum ir-rabja li hemm fil-kamp politiku, inkluż dik Laburista kontra Robert Abela huwa ċar daqs il-kristall. 

Ħadd m’hu jifhem għalfejn il-Prim Ministru wera daqstant insensittività. Biex tgħaxxaq, ftit wara l-vot fil-parlament, il-preżenza tiegħu f’kunċert fil-Girgenti u imbgħad id-dehra tiegħu fuq id-dgħajsa tiegħu l-Ġimgħa waranofsinhar biex iqatta’ weekend Sqallija ħalliet togħma ħażina ma’ ħafna nies, inkluż dawk Laburisti. 

Bħal ma qalu osservaturi politiċi viċin l-Partit Laburista, il-Gvern Laburista wera li kien dgħajjef ma min hu kbir u b’saħħtu, stinat u indeċiż ma min hu żgħir u bla poter. 

U wisq aktar uriet il-karattru tal-Gvern li ma jieħux deċiżjonijiet iebsa. 

Fuq livell politiku Abela ħa falza stikka, is-sħana tas-sajf tista tikkontribwixxi biex jintesew ftit l-affarijiet.   

Imma l-ħsara politika saret u l-ferita mhux ser titlaq f’daqqa. 

More in Politika