Editorjal | Il-każ ta’ Jean Paul Sofia, każ ta’ ebusija tar-ras jew...

Politikament ma kinitx tweġġa’ l-Gvern li kieku Abela għażel ukoll li jagħmel Inkjesta Pubblika. Id-deċiżjoni ta’ Abela hija waħda mill-aktar stramba u tibgħat messaġġ ħażin b’mod speċjali lill-familjari ta’ Sofia

Il-weġa’ meta jkollok tidfen lit-tfal tiegħek u mhux bil-kontra hija weġa’ kbira wisq. Tant hu hu hekk li meta Jean Paul Sofia miet kaġun ta’ fabbrika li sfronda, l-ewwel għajta kienet ta’ inkjesta pubblika. L-għajta kienet xprunata minn numru kbir ta’ inċidenti fis-settur tal-bini. 

Ir-risposta tal-Prim Ministru Robert Abela kien li la darba hemm Inkjesta Maġisterjali ma kienx hemm bżonn ta’ Inkjesta Pubblika. L-ewwel inkjesta tfittex min hu kriminalment responsabbli, fit-tieni jkun hemm studju dwar min, għaliex, ir-responsabbilità u d-dmirijiet ta’ dawk involuti. 

Għalfejn il-Prim Ministru Robert Abela agħżel li jinsisti darba, darbtejn u aktar li Inkjesta Pubblika m’hemmx bżonnha. Din hija kurjuża ħafna. Għalfejn daqstant għebusija tar-ras? 

Min jaħdem u jaf lil Robert Abela jifhem li dan hu karattru tal-Prim Ministru, jiġifieri li jdaħħal xi ħaġa f’rasu u ħadd ma jbiddel il-feħma tiegħu. 

Min-naħa l-oħra hemm oħrajn illi jgħidu li hemm xi ħaġa li ma nafux. Kumment li jinkwetak.

Politikament ma kinitx tweġġa’ l-Gvern li kieku Abela agħżel ukoll li jagħmel Inkjesta Pubblika. Id-deċiżjoni ta’ Abela hija waħda mill-aktar stramba u tibgħat messaġġ ħażin b’mod speċjali lill-familjari ta’ Sofia. 

Turi wkoll nuqqas ta’ apprezzament għad-dwejjaq li hawn għall-industrija tal-bini li jaħsbu li għandhom il-liċenzja biex jagħmlu li jridu.

Fl-aħħar ma nistgħux ma nirrimarkawx dwar il-Maġistrata li qed tgħaqqad l-Inkjesta Maġisterjali. Għajb li din il-maġistrata damet daqshekk biex tlesti ix-xogħol tagħha. Konferma kemm il-ġudikatura, flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra, wkoll ibatu minn nuqqas ta’ ħeġġa u enerġija.

Tal-Love Island mhumiex ‘role models’

Barra minn Malta xandir nazzjonali ma xxandarx programmi ta’ din il-portata. Iktar stramba kif l-awtorità tax-xandir baqgħet siekta fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn il-programmi. 

Mingħajr ma ninstemgħu dojoq, li tara doża qawwija ta’ diskors fuq is-sess, persuni f’relazzjonijiet superfiċjali u xeni ta’ irġiel u nisa f’pożi provokanti ma jagħmilx ġih lill-stazzjon nazzjonali. B’mod speċjali meta nafu kemm hawn żgħar taħt l-età li raw dan il-programm.

Wisq aktar stramba kif il-kontestanti ta’ Love Island spiċċaw mistiedna fir-residenza tal-Prim Ministru fil-Girgenti. Persuni li ċertament ma setgħux jitqiesu bħala xi champions ta’ xi sport, jew eroj f’xi episodju sfortunat jew inkella nies f’xi azzjoni altruwista.

Xejn minnhu, kienu xejn ħlief champions ta’ vojeriżmu grottesk u ċarlatani ta’ kultura miskina li rnexxiela tinbet fil-midja globali ... B’mod speċjali f’dik kummerċjali u sensazzjonali.

More in Politika