Josianne Cutajar | L-aċċess għall-internet għal kulħadd

'Wasal iż-żmien li nieħdu passi konkreti lejn triq diġitali inklussiva għal kulħadd, u li nirrikonoxxu l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali huwa ħolqa importanti f’katina ta’ miżuri li kapaċi jwasslu għal dan'

Mhux kuljum tkun tista’ tgħid li proposta tiegħek ġiet addottata. Imma madwar ġimgħatejn ilu hekk ġara, hekk kif il-Partit Soċjalista Ewropej irrikonoxxa b’mod formali l-importanza tal-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali, u dan bħala parti mill-politika diġitali tiegħu. 

Forsi jkun hawn min jgħidlek, imma dawn id-drittijiet kollha x’importanza għandhom? Id-drittijiet fundamentali u umani kultant jittieħdu b’mod ovvju, pero’ huma essenzjali u aktar b’saħħithom minn kwalunkwe dritt ieħor. L-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa, per eżempju; li kieku ma ġewx rikonoxxuti mill-komunita’ internazzjonali, kieku nistgħu ninsew li għandna l-livell ta’ kura u edukazzjoni li għandna llum, livell li minkejja s-saħħa ta’ dawn id-drittijiet, ukoll għadu ma ntlaħaqx b’mod adegwat kullimkien.  

Jaf ikun hemm min jistaqsi jekk l-aċċess għall-internet huwiex importanti daqs dawn id-drittijiet fundamentali u umani l-oħra li semmejt. Ir-risposta tiegħi ċertament hi li iva, għaliex il-bżonn ta’ drittijiet fundamentali u umani ġodda jibqa’ jevolvi minn żmien għal żmien. 30 jew 40 sena ilu ma kontx biss toħlom dwar il-bżonn li l-aċċess għall-internet jiġi elevat għal dritt fundamentali. Illum, pero’, l-aċċess għall-internet sar bżonn u mhux kapriċċ; preċiżament għaliex id-dinja inbidlet. Dan f’kuntest fejn it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti, fejn ħafna mir-riċerka ssir onlajn, fejn is-servizzi offruti onlajn u x-xogħol remot żdiedu.  

Kif sħaqt riċentament waqt il-Kumitat għall-Istrateġija ta’ wara l-COVID, waqt il-pandemija, meta ma stajniex noħorġu u niltaqgħu mal-għeżież tagħna, kien l-internet li żammna f’kuntatt ma’ xulxin. Kien permezz tal-internet, li stajna nibqgħu naħdmu mid-dar, bl-edukazzjoni tkompli b’mod virtwali. Meta ma stajniex niltaqgħu b’mod fiżiku, kien l-internet li żamm id-dinja għaddejja. L-episodju tal-pandemija hu għalhekk tfakkira dwar l-importanza li nkomplu naraw li niggarantixxu r-riżorsi neċessarji biex kulħadd ikun jista’ jirriċerka, jikkomunika, jaċċessa servizzi essenzjali u jeduka ruħu. Filwaqt li ħafna minna ma naħsbux dwar dan kollu għax l-internet neħduh b’mod ovvju, mhux kulħadd jaffordja li jkun konness mal-internet u mhux kulħadd jgħix f’żoni li għandhom il-konnettivita’ meħtieġa biex jaqbdu mal-internet. 

Kien għalhekk li fl-2021 kont jien li ħeġġiġt lill-Kummissjoni Ewropea tiddikjara liema inizjattivi huma ippjanati biex nassiguraw l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali. Fl-2022, flimkien ma’ diversi Membri Parlamentari Ewropej oħrajn, iffirmajt ukoll ittra li tappella għal Karta Ewropea għad-Drittijiet Diġitali u f’din l-ittra assigurajt li jiġi nkluż l-importanza tal-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali, punt li imbuttajt ukoll fil-Konferenza għall-Futur tal-Ewropa. Issa kien imiss li nara li l-Grupp tas-Soċjalisti jinkludi dan id-dritt fil-politika diġitali tiegħu, punt li sħaqt dejjem fuqu, u li se nkompli nisħaq fuqu f’ħidmieti. 

Intant, fiż-żmien li qed ngħixu fih, hu l-obbligu tagħna li nkomplu nistinkaw għal drittijiet diġitali aktar b’saħħithom. Bħala Unjoni Ewropea u bħala pajjiż irridu nkomplu ninvestu fit-teknoloġija, fil-konnettivita’, fil-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u l-ħaddiema tagħna, fl-affordabbilita’ għal kulħadd.  

Għalhekk, wasal iż-żmien li nieħdu passi konkreti lejn triq diġitali inklussiva għal kulħadd, u li nirrikonoxxu l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali huwa ħolqa importanti f’katina ta’ miżuri li kapaċi jwasslu għal dan. Inħares ‘il quddiem għal aktar ħidma biex niggarantixxu aktar drittijiet, li jinkludu aktar aċċessibilita’ għal kulħadd.  

More in Politika