Editorjal | 100 jum: Bidu tajjeb għal Abela bi żbalji li seta' evita!

Dawn il-100 jum x'urewna dwar il-Gvern il-ġdid ta' Abela? X'deċiżjonijiet ittieħdu li kienu pożittivi u x'deċiżjonijiet oħrajn ħa li ma kinux daqstant tajbin?  

Għaddew l-ewwel tliet xhur mit-tielet rebħa Laburista, mill-ġdid bi proporzjonijiet kbar ħafna, fil-fatt - minkejja l-aktar livell baxx ta' nies li vvotaw fi snin - id-distakk li bih rebaħ il-Partit Laburista jibqa' wieħed storiku u huwa probabbilment riflessjoni ta' diversi fatturi, mhux l-inqas l-approvazzjoni tal-maġġoranza tal-poplu għat-tmexxija ekonomika ta' Robert Abela waqt l-agħar kriżi li qatt setgħet tinqala' permezz tal-pandemija.  

Iżda dawn il-100 jum x'urewna dwar il-Gvern il-ġdid ta' Abela? X'deċiżjonijiet ittieħdu li kienu pożittivi u x'deċiżjonijiet oħrajn ħa li ma kinux daqstant tajbin?  

Nibdew minn tal-aħħar. Il-Leġiżlazzjoni li qed tittratta emendi fil-Liġi tal-IVF bla dubju kienet l-ewwel u l-aktar pass pożittiv u kuraġġuż, anke jekk kontroversjali, tal-Gvern. Permezz ta' dawn il-bidliet aktar koppji se jkunu qed isiru ġenituri, proċessi se jitaffu fejn hemm bżonn u fejn huwa meħtieġ se tkun evitata ħafna tbatija. Fil-fatt il-liġi tfisser aktar ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, se tingħata estensjoni tal-età ta’ ġenituri prospettivi eliġibbli għas-servizzi, se jibda servizz tal-IVF offrut għat-tieni wild ukoll, ċiklu addizzjonali  lill-persuni li diġà użaw it-tlett ċikli sabiex jgawdu mid-definizzjoni l-ġdida u donazzjonijiet mingħand persuni li jiġu mill-ġenitur prospettiv, biż-żwieġ - fil-każ ta' koppji li jkunu t-tnejn nisa.  

L-aktar parti tal-bidliet li qajmu kontroversja kien l-ittestjar ġenetiku (PGT-M) f'każ ta' persuni li għandhom mard ereditarju serju. Dan l-editorjal jaqbel illi f'każ fejn hemm mard ereditarju li jista' jwassal għal tbatija kbira, kemm fuq it-tfal u anke l-ġenituri, jew saħansitra mewt, isiru dawn it-testijiet. Għalfejn - ladarba hemm il-possibilità li toffri x-xjenza - ma għandniex nassiguraw li jkun hemm inqas tbatija?  

Pero' l-aktar deċiżjoni pożittiva ta' dan il-Gvern li laqtet l-aktar li firxa wiesgħa ta' nies f'dawn il-100 jum huwa l-fatt li l-Gvern daħal, permezz ta' €200 miljun, għall-prezzijiet tal-enerġija sabiex il-kontijiet tad-dawl ma jogħlewx kif fil-fatt ġara fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif tixhed statistika tal-Eurostat. Fil-fatt b'indiċi ta' 96, il-prezzijiet domestiċi tal-enerġija f'Malta kienu l-inqas fl-UE kollha sa April u baqgħu stabbli, bl-ogħla prezzijiet jiġu rreġistrati fid-Danimarka fejn l-indiċi jitla' għal 416, in-Norveġja (316), il-Belġju (287) u l-Olanda (263). Din kienet deċiżjoni li tagħmel sens, speċjalment quddiem ir-realtà ta' għoli tal-ħajja li qed twassal biex il-prezz tal-ikel jiżdied b'mod li ilna ħafna ma naraw bħalu. Żieda fil-kontijiet ukoll, żgur li kienet twassal għal inkwiet ekonomiku serju.  

U la semmejna l-kontijiet, ma nistgħux ma nirreferux għal deċiżjoni tal-Qorti din il-ġimgħa li sabet lill-ARMS ħatja illi kienet qed taħdem il-kontijiet ta' żewġ klijenti b'mod ħażin u sistema li kienet qed twassal biex iħallsu aktar, u filwaqt li ordnat li l-kumpanija tirrfondi l-flus "misruqin" lura appellat ukoll li r-rifużjonijiet jingħataw lura lill-klijenti kollha tal-ARMS, fi kliem ieħor lill-poplu. 

Il-Gvern ta' Abela ħabbar li jinsab fl-aħħar stadji biex ibiddel is-sistema li tibda tgħodd b'mod retroattiv minn Jannar li għadda. Filwaqt illi s-sitwazzjoni ekonomika hija dik li hi, wara xhur ta' pandemija u issa kunflitt li qed jimpatta fuq il-prezzijiet, serq jew żball jibqa' serq jew żball. U allura l-Gvern irid jieħu kunsiderazzjoni tal-fatt li jekk il-kontijiet ilhom mill-2017 (biex nużaw l-istess deċiżjoni tal-Qorti) jinħadmu ħażin, dan ifisser li l-konsumaturi ilhom minn dakinhar iħallsu għal konsum li ma wżawx. Għalhekk in-nies għandhom jingħataw lura dak kollu li tteħdilhom u li mhux suppost. Kif wara kollox għamel l-istess Gvern Laburista meta kien elett wara l-2013 b'VAT fuq karozzi ġodda. L-istess prinċipju għandu jgħodd hawnhekk.  

Il-Gvern ta' Abela mexxa 'l quddiem ukoll leġiżlazzjoni tal-Femiċidju, pass ieħor pożittiv li jibgħat sinjal ċar kontra l-vjolenza fuq in-nisa.  

Ċerta deċiżjonijiet jew "żbalji" mill-Avukat Ġenerali f'dawn il-100 jum - għalkemm huwa uffiċċju awtonomu mill-Gvern - ma niżlu xejn tajjeb man-nies u bir-raġun, bl-aħħar waħda tkun l-iżball li ra żewġ avukati akkużati b'tixħim ta' ġurnalist jeħilsuha. 

L-akbar żball tal-Gvern kienet l-Avviż Legali dwar mużika fil-Belt Valletta u nagħmluha ċara li l-ħażin mhux neċessarjament kien l-Avviż innifsu daqs kemm kien in-nuqqas assolut ta' konsultazzjoni mar-residenti tal-Belt. Dan l-Editorjal huwa ċert illi kieku saret konsultazzjoni u forsi nstabet triq tan-nofs, dan l-Avviż Legali ma konniex nisimgħu ħossu! Xi kultant kif tagħmel u twettaq xi ħaġa tgħodd daqs - jew aktar - minn dak li twettaq. Il-PM wiegħed li mhux se jaċċetta arroganza, u nittamaw li din il-kwistjoni hija eċċezzjoni mhux in-norma li biha se jibdew jiddaħħlu ċerti tibdiliet fil-pajjiż.  

Finalment jidher li l-ekonomija reġgħet qed taqbad rittmu wara t-tneħħija ta' restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19, it-turiżmu qed jaqbad art ukoll u r-rota bdiet iddur. Issa huwa ż-żmien li l-Gvern jibda jaħseb għall-għada, għall-ekonomija li rridu, għas-sostenibbilità tas-setturi ekonomiċi diversi, mhux l-inqas tat-turiżmu. U allura x'tip ta' ekonomija rridu? Kif se neċċellaw? Kif se nnaqqsu mid-dipendenza fuq il-ħaddiem barrani? Kif se nattiraw turisti ta' kwalità? Kif se nkunu destinazzjoni ta' kwalità?  

Issa li l-akbar mewġ tal-pandemija għadda, il-Gvern għandu jieħu ħsieb l-issa, imma ħafna aktar minn hekk, il-futur.  

More in Politika