Alex Agius Saliba | Saltna tad-dritt à là carte!
Is-saltna tad-dritt mhux a’ la carte – jekk taqbel mal-prinċipju, taqbel u tiddefendih dejjem. Jekk le, allura nuża l-frażi li jħobbu jużaw tal-Partit Nazzjonalista, min jiddefendi l-korruzzjoni, u korruzzjoni li hija pprovata mhux sempliċiment allegata, huwa korrott!
Wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ kull Stat demokratiku modern hu bla dubju r-rispett lejn is-saltna tad-dritt, u r-rispett totali bla riżervi. Dan huwa wkoll mnaqqax fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jgħid bl-aktar mod ċar li r-rispett lejn is-saltna tad-dritt huwa prinċipju fundamentali li jifforma parti integrali mis-sisien tal-Unjoni, u għaldaqstant huwa prinċipju li jrid jiġi mħares u rrispettat minn kull Stat Membru u mill-Unjoni f’kull deċiżjoni u azzjonijiet li jagħmlu.
Naturalment, irridu nitilqu mill-premessa li l-ebda sistema mhi perfetta u huwa fatt magħruf li kull Stat Membru għandu difetti u lok għal titjib f’dan il-qasam. F’Malta wkoll, writna diversi sistemi u liġijiet li ilhom magħna minn qabel l-Indipendenza u li Gvern wara ieħor baqa’ qatt m’aġġorna. Gvern Laburista irrikonoxxa dan kollu u f’dawn l-aħħar sebgħa snin u b’mod speċjali f’dawn l-aħħar sentejn, qala’ mill-qiegħ liġijiet arkajki u beda riforma olistika biex tiġi msaħħa s-saltna tad-dritt, xi ħaġa li Gvern Nazzjonalista għal snin twal ħalla fuq l-ixkaffa.
Ftit tal-jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ħarġet ukoll l-ewwel Rapport Annwali dwar l-istat tas-Saltna tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea, u rrapportat diversi nuqqasijiet li nnutat fl-Istati Membri. Hemm bosta lezzjonijiet li l-Unjoni tista’ titgħallem minn dan l-eżerċizzju orizzontali li qed twettaq il-Kummissjoni, ewlenin fosthom li l-punt tat-tluq m’għandux ikun li nippuntaw subgħajna lejn pajjiżi li għandhom bżonn jirriformaw rwieħhom għaliex fl-aħħar mill-aħħar kull pajjiż għandu x’jirranġa, ovjament hemm min għandu x’jaqdef aktar minn ħaddieħor. Punt ieħor li wieħed jinnota minn dan l-eżerċizzju huwa li waħda mill-isfidi ewlenin f’dan il-qasam hu li diffiċli wieħed jikkwantifika l-problemi u jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni fi Stat Membru. Pero’ huwa importanti ferm li tkompli l-ħidma u tiġi ntensifikata l-komunikazzjoni diretta mal-Istati Membri kkonċernati sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u fl-aħħar mill-aħħar titjieb is-sitwazzjoni fil-konfini u b’rispett lejn is-sistemi legali varji. Fuq kollox, din hija kruċjali għall-kredibbiltà tar-Rapport u l-eżerċizzju ġenerali nnifsu, u aktar minn hekk, kruċċjali għar-reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Dan kollu huwa importanti fuq il-livell tekniku u nemmen li dan l-eżerċizzju huwa wieħed utli li għandu jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej. Pero’ biex nassiguraw li ngawdu l-frott irridu nagħmlu ċert li ma nħallux dan l-eżerċizzju jiġi mtappan minn politiċi bla prinċipji, ipokriti u għatxana għall-poter u li moħħhom biss biex jaraw kif ser jiggwadanjaw xi ftit punti politiċi.
Lil Malta, lil pajjiżha, tattakkah u ssalbu, imma lill-Gvern Bulgaru, għax huwa parti mill-familja tal-Partit tal-Popolari Ewropej, dik storja differenti għal Metsola u sħabha
Ilkoll nafu kemm il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola ilhom jaħdmu bla heda biex jagħmlu ħsara lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew, u kemm-il intervista għamlu ma’ stazzjonijiiet Ewropej biex jiżżufjettaw f’pajji żhom. Pero’ oħroġ il-għaġeb, ma’ pajjiżi oħra u pajjiżi li huma fost l-agħar fejn jidħol rispett tad-drittiijet umani u saltna tad-dritt jużaw riga differenti. Sal-ġimgħa l-oħra stess, Roberta Metsola ddefendiet lill-Bulgarija, pajjiż ikklassifikat bħala Stat korrot bil-fatti. Saħansitra ressqet emendi hi stess u vvutat kontra Reżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew li kienet qed tiddefendi l-interessi taċ-ċittadini Bulgari kontra l-Gvern ta’ Boyko Borrisov. Lil Malta, lil pajjiżha, tattakkah u ssalbu, imma lill-Gvern Bulgaru, għax huwa parti mill-familja tal-Partit tal-Popolari Ewropej, dik storja differenti għal Metsola u sħabha.
Din hi l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista, u din id-darba, ċittadini Ewropej u anke Membri Parlamentari oħra kollegi tagħna li żgur m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ Malta u aktar u aktar max-xena politika Maltija, qegħdin jindunaw ukoll xi jsarrfu. Ċittadini mill-Bulgarija saħansitra spiċċaw jiktbu fuq il-midja soċjali biex jgħajjru lil Metsola għall-ipokrezija sfaċċata tagħha u saħansitra fi protesti kontra l-korruzzjoni li għandhom f’pajjiżhom spiċċaw iduru fit-toroq b’wiċċ Metsola u wiċċ il-Kap tal-Popolari Mafred Weber imweħħla fuq kartelluni li laqqmuhom bħala “Mr and Mrs Mafia”. Dawn huma d-doppia faccia li jridu jippridkaw u jagħmluha tad-difensuri tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt. Nies bla ebda kredibilita’ li moħħhom biss biex ikissru l-progress u r-riformi kbar li pajjiżna qiegħed jagħmel, riformi li qed jiġu mfaħħra mill-Kummissjoni Venezja u l-Kummissjoni Ewropea.
Is-saltna tad-dritt mhux a’ la carte – jekk taqbel mal-prinċipju, taqbel u tiddefendih dejjem. Jekk le, allura nuża l-frażi li jħobbu jużaw tal-Partit Nazzjonalista, min jiddefendi l-korruzzjoni, u korruzzjoni li hija pprovata mhux sempliċiment allegata, huwa korrott!