Editorjal | Qegħdin f'vantaġġ ekonomiku ... sitt punti li l-PM Robert Abela għandu jikkunsidra!

Il-pajjiż, anke jekk ma xtaqniex, jiflaħ jonfoq mill-ħafna ġid li nħoloq anke jekk ma nagħmlux surplus din is-sena biex ngħinu u nagħtu wens lill-aktar batut u vulnerabbli bħalissa. 

Robert Abela
Robert Abela

Iż-żmien li qed ngħixu fih huwa wieħed straordinarju. Straordinarju fil-kruha tiegħu, fil-prospetti aktar koroh li qed joffri u straordinarju fl-effett tiegħu llum u għal ġenerazzjonijiet tal-futur.

Il-Coronavirus u l-imwiet li kkawża kif ukoll il-fatt li tant u tant eluf madwar id-dinja kollha ntlaqtu minn din il-pandemija, qed tpinġi stampa apokaliptika tad-dinja. Dinja vulnerabbli, villaġġ wieħed u globali li huwa ostaġġ tiegħu nnifsu, tal-progress li ra jseħħ.

Dan huwa mument verament straordinarju li ma nafux fejn se jeħodna, f'liema sqaq se jrekkinna u liema mrar se jdewwaqna. 
Hawn Malta qed naraw dak li ma immaġinajniex li qatt jista' jseħħ, jew għall-inqas li immaġinajna li jseħħ fuq medda ta' żmien: daħlet il-Coronavirus, qajmet paniku liema bħalu- paniku ġġustifikat - u l-ekonomija ġġammjat, waqfet, iffiriżat u issa bil-mod il-mod, tibda riesqa lejn il-bidu ta' kroll. Iva, l-istess ekonomija li tant ħadnieha forgranted li l-fatt li konna sejrin tajjeb lanqas biss baqħet aħbar. 

In-negozji l-ewwel li ħassew id-daqqa, speċjalment dawk fid-divertiment, ikel, turiżmu u anke xorb. Għal dawn il-familji dan huwa żmien ta' inċertezza kbira. Min huwa miljunarju u kuntrattur kbir, iħossha imma jsalva. Imma d-daqqa li se jaqilgħu dawk kollha- li huma ħafna - illi għandhom negozju tal-familja, se tkun enormi jekk is-sitwazzjoni ttul. L-ewwel li se jbatu huma l-ħaddiema.

L-istess il-lukandi u dawk kollha li b'xi mod huma servizzi anċillari. It-turiżmu se jieħu l-akbar daqqa li qatt ħa mill-eżistenza tiegħu bħala settur ekonomiku fis-sittinijet. Dan se jhedded eluf ta' impjiegi, u jaf jhedded ukoll id-dħul ta' familji. 

Ejja ma niħdux dawn l-affarijiet b'leġġerezza. Din li deħlin fiha jaf tkun l-akbar kriżi ekonomika li qatt ra dan il-pajjiż u l-akbar riċessjoni f'deċenji. Ejja ma nkunux indifferenti lejn il-fatt li din il-marda, apparti li tista' teqred ħajjiet - jekk ma nilqgħux sew għaliha taf tfaqqar setturi sħaħ u tkisser il-ħidma ta' diversi fl-aħħar snin.

Il-Gvern għamel sew li beda jħabbar numru ta' miżuri biex jgħin lin-negozji, tal-inqas ikollhom biex iħallsu l-pagi. 

Huma tajbin u juru kemm il-Gvern ta' Abela qed jieħu bis-serjetà, b'kawtela u b'livell ta' professjonaliżmu s-sitwazzjoni u dak li hemm bżonn isir.  Iżda dak li tħabbar mhuwiex biżżejjed.

Kemm jista' jkun malajr il-PM għandu jikkunsidra miżuri ta' emerġenza, biex jilqa' u jtaffi mid-daqqa lill-ħaddiem. 

1 - L-ewwel u qabel kollox għandu jwaqqaf il-ħlas tas-self fuq ir-residenzi u negozji, speċjalment ta' dawk li se jkollhom jagħlqu n-negozju tagħhom jew jispiċċaw bla xogħol. Dan ikun nifs ’il ġewwa għal bosta li għandhom futur inċert.

2 -  il-Gvern jekk is-sitwazzjoni ttul, għandu jara illi l-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol (jew fuq unpaid leave) u li taħt ebda ċirkostanza ma jistgħu jaħdmu d-dar jingħataw għajnuna finanzjarja.

3 - Il-Gvern jeħtieġ jaċċerta li kulħadd ikollu dħul diċenti anke meta mhix dieħla l-paga, bi dħul li ma jlaħħaqx il-paga imma li jirrifletti l-ispiża bażika biex tħallas il-kontijet u tixtri l-ikel. Il-ħlas ikun skont kemm hemm membri fil-familja.

4 - Il-Gvern għandu jara li l-perjodu li fih għandhom jitħallsu kontijiet tad-dawl u ilma u miżati jittawwal filwaqt li l-kumpaniji tat-telefonija u internet jagħmlu l-istess.

5 - L-anzjani għandu jitwasslihom l-ikel - flimkien mal-mediċina biex huma ma joħorġux. U din għandha tkun estiża għal kull anzjan u anzjana f'Malta u f'Għawdex.  Din fil-fatt kienet proposta li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u li nemmnu illi tagħmel ħafna sens. 

6 - L-infermiera - il-ġellieda qalbiena f'din il-gwerra mal-mard - għandhom jingħataw rikonoxximent billi jingħataw kumpens xieraq tar-riskju li qed jieħdu u inċentivi fiskali biex jaħdmu aktar fit-tul. Jekk nitilfu lill-infermiera, nitilfu l-battalja.

 Qed nibdew din ir-riċessjoni bla ħsieb b'vantaġġ ta' surplus u ekonomija li kienet qed tiġri.ż

Il-pajjiż, anke jekk ma xtaqniex, jiflaħ jonfoq mill-ħafna ġid li nħoloq anke jekk ma nagħmlux surplus din is-sena biex ngħinu u nagħtu wens lill-aktar batut u vulnerabbli bħalissa.  

Fl-aħħar ta' dan it-test, mill-ġdid, se tkun il-kuxjenza soċjali l-akbar u l-aqwa kejl li jiddetermina kemm ħriġna minn din  l-isfida b'suċċess.

 

More in Politika