Carmel Cacopardo | Il-parkeġġ fl-isptar Mater Dei

L-awtoritajiet tal-isptar Mater Dei għandhom ifasslu pjan li jindirizza l-ħtiġijiet tat-trasport ta’ dawk kollha dipendenti mill-isptar

Matul il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, wieħed mill-kandidati, il-Ministru għas-Saħħa  Chris Fearne, ħabbar li dalwaqt ser jitneħħa kull ħlas għall-parkeġġ tal-isptar Mater Dei. 

Mal-ewwel daqqa t’għajn din tidher proposta tajba u raġonevoli. Imma meta tibda taħseb ftit fuq l-implikazzjonijiet tagħha malajr tirrealizza li l-għan aħħari ta’ din il-proposta mhux faċli jintlaħaq. Il-problema tan-nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ hi ferm iktar ikkumplikata u mhux ser tissolva billi jinqata’ l-ħlas. 

Dawk li jużaw il-parkeġġ fl-isptar Mater Dei huma pazjenti li jżuru l-isptar għall-visti (out-patients), persuni li jkunu qed iżuru lill-morda f’kull ħin tal-jum, impjegati tal-isptar u ħaddiema ingaġġati fuq xogħol kuntrattwali fil-konfini tal-isptar.  Ilkoll kemm huma ta’ kuljum jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ parkeġġ, ħlief dawk li għandhom spazju riżervat għalihom tul il-ġimgħa kollha, irrispettivament minn kemm jużawh. 

Dawk il-pazjenti li jżuru l-isptar Mater Dei għal vista mal-ispjeċjalisti huma ġeneralment fost l-iktar persuni vulnerabbli, l-iżjed minħabba l-istat ta’ saħħithom. Għaldaqstant jagħmel ħafna sens li jkun iffaċilitat aċċess raġonevoli għas-servizzi tal-isptar. Iżda għalihom it-tneħħija tal-ħlas għall-parkeġġ mhi ser issolvi xejn. Anzi, aktarx l-affarijiet imorru għall-agħar.  

Il-problema tal-parkeġġ fl-isptar Mater Dei ġejja minn żewġ fatturi separati u distinti minn xulxin għalkollox. L-ewwel nett hi r-riżultat tal-użu mhux daqstant effiċjenti tal-ispazju tal-parkeġġ fil-konfini tal-isptar.  Il-problema qed tiġi kkaġunata wkoll mill-fatt li fit-toroq għandna għadd esaġerat ta’ karozzi, ħafna iktar milli jifilħu t-toroq tagħna. Dan, kif jirrimarka l-Pjan Nazzjonali għat-Trasport, jaħti għalih il-fatt li fil-qasam tat-trasport ma ppjanajna qatt fit-tul.  

L-awtoritajiet tal-isptar Mater Dei għandhom ifasslu pjan li jindirizza l-ħtiġijiet tat-trasport ta’ dawk kollha dipendenti mill-isptar

Kieku l-ispazju tal-parkeġġ fil-konfini tal-isptar Mater Dei kellu jintuża b’mod iktar effiċjenti, bla dubju l-problema kontinwa tan-nuqqas ta’ spazju tittaffa, avolja aktarx xorta ma tissolviex għalkollox.  Mhux biex nikkunslaw, imma tajjeb niftakru li l-problema tan-nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ mhix limitata biss għall-isptar Mater Dei, iżda hija mifruxa mal-gżejjer Maltin kollha. Din hi riżultat tad-dipendenza esaġerata mill-karozzi li qed ikomplu jiżdiedu jum wara l-ieħor u li allura jikkompetu għal spazji dejjem iżjed limitati. 

Dwar in-numru mhux żgħir ta’ pazjenti li jżuru Mater Dei għal xi vista huwa ovvju li ma nistgħux nistennew li dawn jużaw tranport alternattiv. Dan minkejja li għadd minnhom diġà jinqdew bit-trasport pubbliku b’mod regolari. Bosta minnhom ikunu jeħtieġu l-għajnuna biex ikollhom aċċess adegwat. Din l-għajnuna jsibuha mingħand il-qraba u l-ħbieb bl-użu ta’ karozzi privati. 

L-awtoritajiet tal-isptar Mater Dei għandhom ifasslu pjan li jindirizza l-ħtiġijiet tat-trasport ta’ dawk kollha dipendenti mill-isptar (pjan li jissejjaħ Green Transport Plan) biex ikun identifikat l-aħjar mod kif jistgħu jintużaw il-faċilitajiet tal-parkeġġ tal-isptar.  Dan għandu jindirizza mhux biss il-ħtiġijiet tal-pazjenti fis-sodod tal-isptar u tal-impjegati imma wkoll ta’ dawk kollha li jżuru l-isptar f’kull ħin tal-ġurnata.  

Dan il-pjan mhux biss jista’ jidentifika soluzzjonijiet prattiċi għat-titjib fl-infrastruttura tal-isptar iżda wkoll jindika l-aħjar mod kif din tista’ tintuża.  F’dan ix-xenarju mbagħad it-tneħħija tal-ħlas għall-parkeġġ tkun dettall pjuttost insinifikanti.

More in Politika