Jerome Caruana Cilia | Irridu pajjiż normali: irriżenja issa

Dan huwa ż-żmien li ningħaqdu flimkien kontra l-korruzzjoni

Dan l-artiklu ġie ppubblikat il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM

Din il-ġimgħa smajna u rajna affarijiet xokkanti kif ilna naraw fix-xena politika matul dawn l-aħħar xhur. Laqgħat fis-satra tal-lejl, riżenji, Keith Schembri jiġi arrestat, jerġa’ jiġi rilaxxat, membri tal-kabinett imħawdin kif dan ġie rilaxxat, l-attentat biex il-Ministru Chris Cardona jeħel bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, flejjes kbar jitħallsu biex tinqatel il-ġurnalista u ħafna aktar. 

Dan kollu ma ħasadx biss lill-poplu Malti u Għawdxi. Dan kollu xxokkja lid-dinja meta tara rapporti fuq mezzi tax-xandir madwar l-Ewropa, l-Istati Uniti, l-Awstralja, l-Asja, l-Afrika u saħansitra l-Karibew. 

Bid-deċiżjonijiet politiċi ħżiena ta’ Joseph Muscat tkissret ir-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna.

Kull ġurnata li tgħaddi u li fiha Joseph Muscat ma jerfax ir-responsabbiltà politika u jibqa’ fil-kariga tiegħu ta’ Prim Ministu, se tibqa’ ssir il-ħsara lil pajjiżna. 

Responsabbiltà politika u dik kriminali

Hemm distinzjoni netta bejn ir-responsabbiltà politika u dik kriminali li tiddeċiedi l-Qorti. 

Biex inti tkun responsabbli u tinstab ħati li wettaqt att kriminali, jeħtieġ li l-provi jkunu b’saħħithom ħafna, dik li kemm-il darba smajna beyond reasonable doubt (l-avukati li jaħdmu fil-kriminal kapaċi jispjegaw dan bl-aħjar mod). 

Min-naħa l-oħra, jien li studjajt il-politika, nista’ ngħid li r-responsabbiltà politika għandha tinġarr għal raġunijiet kompletament differenti. L-etika u l-morali hekk jitolbu.

Ħa nagħti tliet eżempji li seħħew f’pajjiżna biex nifhmu aħjar xi tfisser responsabbilità politika:

1. Is-Segretarju Parlamentari Laburista Michael Falzon, refa’ r-responsabbiltà politika u rriżenja mill-kariga tiegħu. Dan minkejja li ma kien hemm l-ebda prova li wettaq xi att kriminali. Falzon ma kellux għażla oħra ħlief li jerfa’ r-reponsabbiltà politika u jirriżenja. Il-Prim Ministru Joseph Muscat aċċetta r-riżenja tiegħu.

2. Il-Ministru Laburista Manuel Mallia, kien imġiegħel jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja mill-kariga tiegħu. Dan minkejja li ma kien hemm l-ebda prova li hu personalment wettaq xi att kriminali. Fil-każ tal-Onor. Mallia, il-Prim Ministru Muscat ma qagħadx jaħsibha u ġiegħlu jerfa’ r-reponsabbiltà politika u jirriżenja. 

3. Fl-2010, is-Segretarju Parlamentari Chris Said irriżenja bħala membru tal-kabinett u dan sabiex ikun jista’ jiddefendi ismu fil-Qorti. Said ma qagħadx jistenna li jispiċċa l-proċess legali biex jirriżenja, imma ħass, u sewwa għamel, li l-etika u l-korrettezza fil-politika titlob li tirriżenja mill-kariga tiegħek. Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi aċċetta r-riżenja tiegħu.

Iżda fil-każ tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi, il-Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma talabhom pubblikament biex jerfgħu r-reponsabbiltà politika u jwarrbu, imma saħansitra baqa’ jiddefendihom jum wara l-ieħor, ġimgħa wara l-oħra. 

Il-poplu ilu jistaqsi

Bir-raġun li n-nies qed jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet: Għalfejn baqgħu jokkupaw il-karigi rispettivi tagħhom għal xhur sħaħ? Għalfejn Joseph Muscat baqa’ jiddefendihom akkost ta’ kollox meta ilna xhur nafu li dawn posthom fil-politika mhux tenibbli? 

Għalfejn Muscat ma’ Schembri u Mizzi mexa b’riga kompletament differenti? Jafu xi ħaġa fuq Joseph Muscat? 

Kif jista’ jkun li Joseph Muscat iħalli lill-aqwa ħabib tiegħu, l-eks Chief of Staff tiegħu, il-persuna l-aktar viċin tiegħu minn mindu nħatar Mexxej tal-Partit Laburista jiġi arrestat, interrogat u jitressaq il-Qorti? 

Kif jista’ jkun li Joseph Muscat,  fil-pożizzjoni tiegħu ta’ Prim Ministru, iħalli l-proċess tal-ġustizzja jibqa’ għaddej b’mod trasparenti? 

Allaħares politiku biex jirriżejna u jerfa’ r-responsabbiltà politika jrid joqgħod jistenna li l-ewwel jinstab ħati ta’ att kriminali, għax verament inkunu waqqajna l-politika fl-iktar livell baxx tagħha. 

Kunflitt ta’ interess

Bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa bħal ħafna ġurnalisti, attivisti, opinjonisti u Maltin u Għawdxin oħrajn, bqajt imqajjem nistenna l-laqgħa tal-kabinett tispiċċa. 

Kulħadd kellu aspettattivi differenti. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Muscat qal li l-kabinett irrifjuta li japprova l-Maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech. 

Qabel il-laqgħa tal-kabinett, l-avukati ta’ Yorgen Fenech irrikorrew għand il-President ta’ Malta fejn talbuh jaġixxi u jagħti l-Maħfra Presidenzjali lil Fenech. 

L-ittra, li ressquha nhar l-Erbgħa, tgħid li l-informazzjoni li hu lest li joffri hija, inter alia, “fil-konfront ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn, kollha persuni viċini ħafna tal-Prim Ministru u li sal-bieraħ filgħodu kienu qed jattendu għal-laqgħat tal-Kabinett.” 

L-avukati saħqu li Joseph Muscat għandu kunflitt ċar u peress li jitratta “dwar persuni viċini ħafna tal-Prim Ministru, huwa pależi li m’għandux ikun hu jew membru tal-Kabinett li jagħti din ir-rakkomandazzjoni.”

Mhux żmien ta’ elezzjoni ġenerali

Dan mhuwiex żmien li tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Dan huwa żmien li l-Partit Laburista jneħħi dawk il-politiċi li huma moralment korrotti u jkompli l-mandat elettorali tiegħu. Dan huwa żmien li ningħaqdu flimkien kontra l-korruzzjoni. Dan huwa żmien illi verament nerġgħu nibdew nirranġaw u nsewwu l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni u d-deċiżjonijiet ħżiena li ħa Joseph Muscat. 

Din il-ġimgħa Konrad Mizzi rriżenja minn Minsitru, Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu u Keith Schembri rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. 

Joseph Muscat għandu jagħmel l-istess u jerfa’ r-responsabbiltà politika kif missu għamel żmien ilu.

Il-fatt kif ġie rrappurtat, li lejlet li kien arrestat Keith Schembri, dan kien fid-dar personali tal-Prim Ministru, fis-satra tal-lejl, hu eżempju ieħor ta’ kif il-pożizzjoni politika ta’ Joseph Muscat mhix tenibbli. 

Ħadd ma jista’ jara dan kollu u jibqa’ ħalqu magħluq. Ħadd ma jista’ jiddeċiedi li jdawwar wiċċu n-naħa oħra. Ħadd ma jista’ jara dan kollu u ma jagħmel xejn. Jekk tħobb lil pajjiżek għandek titkellem u taħdem qatigħ favur il-ġustizzja u l-verità, favur pajjiż normali, favur iż-żgħir u l-vulnerabbli, favur il-politika tas-sewwa. 

More in Politika