Roberta Metsola | Ġimgħa li qatt ma rajna bħalha

Irridu nkunu aħna l-politiċi, li qabel xejn nuru li hemm futur ċar, serju u b’direzzjoni billi nwarrbu l-estremiżmu u l-isteriżmu fil-politika

Din kienet ġimgħa li qatt ma rajna bħalha qabel fl-istorja ta’ pajjiżna. Issa, aktar minn qatt qabel, qed naraw kemm huwa importanti li aħna membri tal-Unjoni Ewropea. 

Dejjem emminna li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hi tal-aqwa ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

F’dawn l-aħħar ftit snin, xtaqt li nara r-rankatura li kien hemm qabel fi żmien Gvern Nazzjonalista ta’ proġetti u programmi ffinanzjati b’fondi Ewropej tiżdied, u li jkun hemm aktar diversifikazzjoni ta’ benefiċjarji biex il-benefiċċji tal-Unjoni jinħassu u jilħqu lil aktar nies. 

Riċentament rajna sejħiet mill-Unjoni Ewropea biex Malta u pajjiżi oħra fejn kien hemm nuqqas ta’ ġustizzja u nuqqas ta’ saltna tad-dritt jiġu indirizzati. Xtaqt li l-Gvern jagħti widen u jaġixxi. Il-korruzzjoni tal-ftit m’għandux jeħel biha l-poplu Malti.

Il-Partit Nazzjonalista kkonvinċa dwar l-Unjoni Ewropea u saħansitra anki l-Partit Laburista li tant kien kontra, illum ukoll għandu pożizzjoni differenti minn dik li kellu 15-il sena ilu. Saħansitra l-eks mexxej Laburista Alfred Sant, li mexxa l-kampanja kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea llum hu membru tal-Parlament Ewropew.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea qed ngħixuha kuljum, b’inizjattivi għall-eluf ta’ studenti fl-edukazzjoni, taħriġ għall-ħaddiema, skemi għall-SMEs u proġetti fil-qasam soċjali, infrastrutturali u bini ta’ networks ta’ toroq fost l-oħrajn. Il-fondi u l-proġetti li jsiru f’pajjiżna b’fondi Ewropej qed jgħinnu wkoll biex ikollna tkabbir ekonomiku.

Nemmen li hemm futur għall-Unjoni Ewropea. Irridu nkunu aħna l-politiċi, li qabel xejn nuru li hemm futur ċar, serju u b’direzzjoni billi nwarrbu l-estremiżmu u l-isteriżmu fil-politika. 

Biex in-nies jemmnu fil-politika, jemmnu fil-politiċi u fl-Unjoni Ewropea rridu nassiguraw li l-politika tkun mibnija fuq il-prinċipji u mhux fuq il-populiżmu. 

Dan tal-aħħar jaf iġibilek il-voti u ċ-ċapċip għal ftit żmien imma jgħarraq il-futur ta’ pajjiż u ta’ poplu. 

Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kkunsidra l-qies ta’ pajjiżna bħala ostakolu. Aħna dejjem emminna fil-poplu Malti u Għawdxi, fil-ħiliet tal-poplu u f’pajjiżna. Dejjem emminna li huma l-ideat u l-kredibbilità tagħna li jagħmlu differenza

Dak li għaddej fir-Renju Unit jurina li hu dmir tagħna l-politiċi li nkunu qrib in-nies il-ħin kollu, nispjegaw aktar dak li jkun qiegħed jiġri fl-Unjoni Ewropea u ngħinu biex in-nies – ħaddiema, anzjani, pensjonanti, self-employed, negozji, SMEs, tfal, NGOs, u tant oħrajn – igawdu mill-benefiċċji li toffri l-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea hu proġett politiku li ħadem. Proġett li ta riżultati. Proġett li ġab l-għaqda u l-paċi wara tant snin ta’ ġlied u mwiet– dawk li kienu meqjusa għedewwa ta’ xulxin poġġew u jpoġġu fuq l-istess medja tad-deċiżjonijiet. 

L-Unjoni Ewropea hu proġett soċjali u ekonomiku li ġab riżultat pożittivi għaċ-ċittadini tiegħu. Irridu nkomplu naħdmu fuq it-tajjeb tal-Unjoni u nirranġaw fejn hemm bżonn.

 Malta tinsab fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kkunsidra l-qies ta’ pajjiżna bħala ostakolu. Aħna dejjem emminna fil-poplu Malti u Għawdxi, fil-ħiliet tal-poplu u f’pajjiżna. 

Dejjem emminna li huma l-ideat u l-kredibbilità tagħna li jagħmlu differenza. U għalhekk meta jkunu qed isiru n-negozjati fl-Unjoni Ewropea ħafna jistrieħ fuq il-kredibbilità u dak li qed tipproponi. 

Fil-Parlament Ewropew, membri Maltin ġew magħżula wkoll biex imexxu ’l quddiem politika, iħejju rapporti u jikkordinaw inizjattivi importanti. 

Irridu nkunu aħna li naħdmu biex ir-relevanza tagħna tissaħħaħ. Dan nagħmluh ukoll billi nagħżlu li nipparteċipaw f’kumitati li l-aktar jgħoddu għal Malta. Riċentament ġejt magħżula biex nikteb il-liġi Ewropea dwar il-fruntieri. 

Din lilna bħala Maltin tinteressana bil-kbir għaliex aħna bħala pajjiż ġżira f’nofs il-Mediterran irridu soluzzjonijiet effettivi għall-immigrazzjoni u s-sigurtà. Irridu li tintuża l-aqwa teknoloġija biex il-fruntieri jiġu mħarsa. Barra minn hekk 10,000 gwardjan tal-fruntiera se jiġu impjegati biex iħarsu l-fruntieri.

L-esperjenza tagħna bħala pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea kienet waħda pożittiva. Dan ukoll mertu tal-poplu tagħna, poplu ħawtiel u ħabbrieki. Poplu li jħares ’il quddiem. 

Is-sħubija għenet fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Raġuni oħra għaliex il-Partit Nazzjonalista ried li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea hi biex jitjiebu l-istandards fosthom dawk ambjentali bħalma huma arja aħjar, kwalità tal-ilma aħjar, aktar faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u sportivi għat-tfal u għaż-żgħażagħ. 

Nixtieq nara proċess fejn intejbu l-istandards ambjentali għall-ġid ta’ saħħitna. 

Għawdex jeħtieġ azzjoni immedjata fl-oqsma tat-trasport. Il-Gvern għandu jinnegozja biex bil-baġit li ġej tal-Unjoni Ewropea, isaħħaħ il-konnettività bl-introduzzjoni tar-raba’ u l-ħames vapur tal-Gozo Channel u l-fast ferry service. 

Il-kredibbilità ta’ pajjiżna rridu naħdmu għaliha kuljum b’dak li nagħmlu u dak li ngħidu u għalhekk irridu naraw li jkollna politika tajba f’pajjiżna biex ħaddieħor iħares lejna u jikkonsidra lil Malta biex jinvesti aktar u joħloq aktar impjiegi. 

Irridu nkunu ambizzjużi għal pajjiżna. Hekk jixraqlu l-poplu tagħna u pajjiżna.

More in Politika