Owen Bonnici | Nesportaw il-kultura tagħna

Nippriservaw, imma naraw li dak li huwa tagħna, niftaħru bih imma fuq kollox inħalluh bħala legat għal dawk kollha li ġejjin warajna

Qatt daqs illum ma kien hemm opportunitajiet li permezz tagħhom il-kultura Maltija qed tiġi rikonoxxuta barra minn xtutna. Mill-ewwel jiem li dħalna fil-Gvern, rajna li nagħmlu minn kollox biex il-Patrimonju kulturali rikk tagħna jkun imxerred lil hinn minn pajjiżna ħalli dak li għandna u li bħala poplu magħqud kollha aħna kburin bih, naqsmuh u jingħata għarfien b’mod dinji.

Mal-ewwel infakkar fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, li propju llum jagħlaq sena minn meta fetaħ il-bibien tiegħu. 

Wara xogħol kbir li sar, mhux biss ir-rinovar, ir-restawr u r-riġenerazzjonni tal-bini, imma wkoll restawr fejn kien hemm bżonn tal-kollezzjoni Nazzjonali tal-Arti, kemm il-post u wkoll din il-kollezzjoni issa qed jitgawdew minn kulħadd – Maltin u barranin.

Proġett li ta ħajja ġdida lil din il-kollezzjoni tant għażiża għalina. Rajna li din tkun esebita b’mod modern u mħallta wkoll mat-teknika u teknoloġija moderna li tant hija meħtieġa llum – anki biex tattira lill-ġenerazzjonijiet żgħar li twieldu b’din it-teknoloġija magħhom u forsi qajla jagħtu kas l-antik. Imma b’din it-taħlita sana, qed nerġgħu naraw lill-ġenerazzjoni tal-lum jidħlu bi ħġarhom jaraw dak li fuq kollox huwa tagħhom.

Il-MUŻA għamel isem ukoll madwar id-dinja kulturali, tant li ġie deskritt bħala wieħed mill-mużewijiet li għandhom valur sinifikanti. Kitbu dwaru esperti fil-qasam, deher fuq rivisti ta’ isem u wkoll f’siti ta’ importanza.

Dan huwa x-xogħol tagħna fil-kultura. Nippriservaw, imma naraw li dak li huwa tagħna, niftaħru bih imma fuq kollox inħalluh bħala legat għal dawk kollha li ġejjin warajna.

***

Qed nesportaw mhux biss l-arti klassika u kontemporanja, imma qed nesportaw ukoll it-tradizzjonijiet li huma parti importanti mil-ħajja tagħna. Il-Presepju Malti.

Diġà kien espost fil-Pjazza tal-Vatikan, fil-Pjazza tan-Natività f’Betleħem u wkoll is-sena li għaddiet, fil-Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta. Dan wassal biex kemm ’il bogħod minn xtutna, imma wkoll f’pajjiżna stess, ikun apprezzat dan it-talent li għanda l-Maltin. 

Din is-sena wkoll se nkomplu nagħtu spinta lil din l-inizjattiva. Il-Ġimgħa ħabbart li l-presepju artistiku Malti issa se jkun għall-wiri fil-Villaġġ tal-Milied, tal-Kampus tal-Università ta’ Vjenna.  

Nippriservaw, imma naraw li dak li huwa tagħna, niftaħru bih imma fuq kollox inħalluh bħala legat għal dawk kollha li ġejjin warajna.

Għalhekk, kif għidt, għal darb’oħra qed inwasslu l-kultura tagħna lil hinn minn xtutna, opportunità oħra kbira biex il-ħila tal-artisti Maltin tintwera f’post ċentrali f’post li kull sena mas-600,000 persuna mill-Awstrija u eluf ta’ turisti jżuru dan is-Suq tal-Milied, li huwa wieħed mill-akbar fl-Awstrija. Dan huwa x-xogħol li qegħdin nagħmlu biex inkomplu nsaħħu d-diplomazija kulturali, kif ukoll nipprovdu pjattaforma internazzjonali usa’ għall-artisti tagħna. 

L-ambjent tal-post fi Vjenna, kif ukoll it-temp, kien jitlob li jkun hemm modifikazzjoni strutturali minn kif ġie mtella’ tliet snin ta’ qabel. 

Għalhekk, se jinżammu ħafna mill-istatwi orġinali li ġew maħluqa u mlibbsa mill-artist Għawdxi Manwel Grech. Ix-xenarju ċentrali fejn twieled Ġesù Bambin ġie maħluq mill-ġdid u ngħata dehra aktar tipika ta’ presepju Malti.  

Il-presepju Malti se jkun inawgurat fil-15 ta’ Novembru mill-President ta’ Malta George Vella.

Dan il-Ministeru, u t-tim li jaħdem bla heda biex ikompli jmexxi l-kultura Maltija ’l quddiem, qed ikompli għaddej biex dak li huwa Malti, filwaqt li ngħożżuh f’pajjiżna, imma naraw li jkollu l-apprezzament dinji kif mistħoqq.

***

Il-legat li qed inħallu lill-ġenerazzjoni li tielgħa tinsab fis-sens ta’ apprezzament u l-mod ta’ kif qed nerġgħu nindokrawhom fil-qasam kulturali.

Eżempju ta’ dan huwa l-pubblikazzjoni ta’ ktieb immirat għat-tfal ta’ bejn l-10 snin u t-12-il sena, ibbażat fuq l-installazzjoni ta’ Trevor Borg ‘Cave of Darkness – Port of No Return’, li tifforma parti mill-Padiljun ta’ Malta għall-Biennale di Venezia.

Ktieb li huwa mod eċċellenti biex nagħrfu aktar lill-ġenerazzjonijiet żgħar tagħna dwar l-użu ta’ modijiet artistiċi differenti, minħabba li dan il-ktieb tnissel mill-installazzjoni ‘Cave of Darkness’ u huwa ppreżentat b’mod li jressaq l-idea ta’ La Biennale di Venezia aktar viċin it-tfal Maltin. 

L-istrateġija tagħna hija li nedukaw u nrawmu kultura artistika fost il-membri żgħar tas-soċjetà tagħna biex jikkultivaw imħabba lejn is-settur kulturali minn età żgħira.

Fil-ktieb Smajna Isimna taħt l-Art, ta’ Loranne Vella, ġie żviluppat dan il-kunċett ma’ Trevor Borg. 

L-għan ta’ dan il-ktieb huwa li jagħti l-opportunità lit-tfal (u anka l-kbar) biex jesploraw aktar it-tifsiriet u l-interpretazzjonijiet relatati mal-installazzjoni tal-Biennale di Venezia. Din l-istorja hija wkoll estensjoni tal-workshops li ttellgħu f’Għar Dalam aktar kmieni din is-sena u l-poeżiji miktuba minn Elizabeth Grech u Giulia Privitelli.

***

Din-il ġimgħa, flimkien mal-Prim Ministru u ma’ Glenn Bedingfield, nedejna uffiċjalment l-istrateġija għall-Kottonera. Fl-intervent tiegħi għamilt referenza għall-inizjattivi numerużi li saru biex nirriġeneraw l-aspett kulturali tal-Kottonera, li huwa wieħed rikk għall-aħħar. 

Rajna li jsir restawr ta’ bosta monumenti u binjiet ta’ valur storiku f’din il-parti ta’ Malta, biex inkomplu nsaħħu l-ekoloġija kulturali tagħna. 

Sar ukoll xogħol maġġuri fuq Forti Sant’Anġlu ftit tas-snin ilu, mod ieħor kif qed naqsmu u nesportaw il-kultura tagħna, billi niftħu l-aċċess għal dawn il-binjiet kemm għall-Maltin, imma wkoll għat-turist li jiġi jara x’joffri pajjiżna.

More in Politika