Roberta Metsola | It-tagħlim irid jantiċipa l-qabżiet u mhux ilaħħaq mal-pass tal-passat

Il-Gvern ma jistax u m’għandux jilgħab bl-edukazzjoni u l-ambjent ta’ pajjiżna

Bdiet is-sena skolastika u akkademika għall-eluf ta’ tfal u żgħażagħ, fejn jieħdu l-parti l-kbira tal-edukazzjoni formali tagħhom. Kull skola u istituzzjoni edukattiva tkun bejta ta’ attivitajiet, entużjażmu, enerġija, ħolm, tamiet u anki tħassib ukoll f’xi waqtiet. Kull omm, kull missier, kull min hu responsabbli tal-ħarsien u l-aqwa żvilupp tal-ulied u tat-tfal irid l-aħjar għalihom.

Espressjoni li nisma’ ta’ spiss meta nkun qed nitkellem ma’ ġenituri waqt il-house visits u nitkellmu dwar it-tfal, hi “irrid li t-tfal ikunu aħjar minni”. F’sitt kelmiet jiġbru u jpoġġu responsabbilità kbira mhux biss fuqhom infushom imma anki fuq il-politiċi, fuq il-policy makers. 

It-tagħlim, kull sistema edukattiva trid tantiċipa l-qabżiet li jkunu ġejjin u mhux tirreaġixxi biex tlaħħaq mal-pass tal-passat. Filwaqt li t-tfal irid jibqa’ jkollhom bażi soda fis-suġġetti li ta’ spiss insejħulhom tradizzjonali, jeħtieġ li jissaħħaħ it-tagħlim u t-taħriġ fl-iżvilupp tal-ħiliet.

Għandha tiġi indirizzata l-burokrazija żejda fuq l-għalliema

Diġà hu stabbilit li fost l-aktar li se jkun rikjest minn dawk li bħalissa qed jaħsbu biex jidħlu f’impjieg huma firxa ta’ ħilietdifferenti li jgħinu lill-persuna tkun aktar flessibbli, taddatta aktar malajr, kapaċi tibqa’ titgħallem, taħdem ma’ ħaddieħor, toħroġ b’ideat ġodda u innovattivi, taħseb b’mod kreattiv, kritiku u analitiku. Il-World Economic Forum f’rapport li ħareġ, qal li dawn se jkunu fost l-aktar ħiliet importanti fis-sena 2022. Tliet snin oħra huma wara l-bieb. Filwaqt li dawn il-ħiliet se jkunu aktar importanti, qed jonqos il-bżonn ta’ xogħol ta’ rutina u xogħol li hu bbażat fuq il-memorja.

Il-ħtieġa ta’ dawk li huma ħiliet tas-seklu 21 u ħiliet soċjali se jkunu aktar kruċjali fis-snin li ġejjin. In-natura tal-postijiet tax-xogħol qed tinbidel. Mhix qed tinbidel waħedha. Qed jibdilha l-bniedem. U t-tagħlim fl-iskejjel mhux biss irid ikun aġġornat, għaliex meta taġġorna ħafna drabi tkun qed tirrispondi, iżda jrid jaħseb bil-quddiem għal dak li jkun ġej. 

Il-ħiliet tas-seklu 21 iridu jkunu żviluppati fl-iskejjel ukoll

Dawn il-ħiliet ġodda li l-importanza tagħhom qed jiżdiedu jeħtieġ li l-istudenti jiżviluppawhom u jipprattikawhom. Bħal kull ħila oħra, kull waħda minn dawn il-ħiliet jeħtieġ li tiġi pprattikata mill-istudenti. It-tfal u ż-żgħażagħ m’għandhomx jiksbu dawk il-ħiliet biss bl-attivitajiet extra-kurrikulari li jagħmlu imma jakkwistawhom bl-aktar mod strutturat u parti mill-edukazzjoni tagħhom fuq fl-iskola.

Dawn it-tibdiliet ma jistgħux isiru waħedhom. Sakemm l-għalliema se jibqgħu mtaqqla b’sillabu vast li jridu jlaħħqu għaliex iħossu wkoll il-pressjoni tal-eżamijiet u sakemm ma jkunx hemm ħin allokat biex dawn il-ħiliet jiġu żviluppati s-sitwazzjoni se tibqa’ diffiċli. Il-Gvern qal li jrid li l-edukazzjoni obbligatorja tiżdied b’sena oħra. Tajjeb li ma’ din niddiskutu għaliex? Kif? Xi rridu li nilħqu? X’ħiliet ġodda se jiksbu l-istudenti – mhux fis-sena li se tiżdied imma tul is-snin kollha li t-tfal u żgħażagħ jgħaddu mill-esperjenza skolastika u akkademika? 

L-għalliema jsemmulek it-tensjoni li jkollhom biex ilaħħqu ma’ dak kollu li jridu jgħallmu lill-istudenti. Din il-kwistjoni tal-pressjoni u tensjoni trid tiġi indirizzata. Kulħadd jirrikonoxxiha. Isir ħafna diskors dwarha imma mbagħad is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess. Bl-istess mod għandha tiġi indirizzata l-burokrazija żejda fuq l-għalliema.

Din il-kwistjoni tal-pressjoni u tensjoni trid tiġi indirizzata. Kulħadd jirrikonoxxiha. Isir ħafna diskors dwarha imma mbagħad is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess. Bl-istess mod għandha tiġi indirizzata l-burokrazija żejda fuq l-għalliema

Kull tibdil, inkluż fl-edukazzjoni għaliex dan jolqot il-futur tat-tfal, irid isir bil-ħsieb u b’għaqal. Jekk pajjiżna jkaxkar saqajh jew jagħmel pass falz jieħu tisbita. Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien poġġa l-edukazzjoni bħala wieħed mill-pilastri li fuqhom ried jinbena pajjiżna – Viżjoni 2015.

Gvern Nazzjonalista firex l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ f’kull livell – qabel il-primarja, is-sekondarja, il-post-sekondarja u t-terzjarja. Iddaħħlu suġġetti vokazzjonali. Żied il-korsijiet f’kull livell għal firxa wiesgħa.

Ġab fondi Ewropej biex jiżdied l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u żvilupp ta’ faċilitajiet ġodda. Pajjiżna taħt Gvern Nazzjonalista attira istituzzjonijiet edukattivi serji biex komplew żiedu aktar l-opportunitajiet u l-għażliet.

Il-Gvern ma jridx jagħti widen

Dan il-Gvern jeħtieġ li jagħti aktar widen lejn dak li jgħidu l-għalliema. Inutli li jorganizza laqgħa darba fis-sena biex jgħid ‘Gvern li jisma” u mbagħad jagħmel 364 ġurnata ma jagħtix kas. Jeħtieġ li jisma’ l-edukaturi u kull min b’xi mod jew ieħor imiss mal-istudenti, jeħtieġ li jisma’ l-istudenti, lill-unions, lill-korpi kostitwiti, lill-għaqdiet edukattivi u tal-istudenti, lill-Oppożizzjoni. 

Meta l-Gvern ma semax falla. Riċentament il-Ministru tal-Edukazzjoni ammetta li d-diskors tal-Università Ġordaniża f’Malta u l-ħafna wegħdiet li kienu għamlu kien duħħan. Il-Gvern ma semax mit-twissijiet li kienu ngħatawlu. Dak li wegħdu ma mmaterjalizzax. Il-miri li kienu qalu li se jilħqu, ma onorawhomx.

Deputat laburista wkoll qal li l-Gvern jagħfas il-break. Ir-residenti tal-Kottonera pprotestaw kontra l-għoti ta’ aktar art. Il-Prim Ministru Joseph Muscat jimxi mod ieħor. Dan kien firxilhom it-tapit l-aħmar. Ried jagħtihom kulma riedu.  L-Oppozizzjoni Nazzjonalista sa mill-bidu kienet wissiet li dan kien biss eżerċizzju ta’ spekulazzjoni. Ippruvajna niftħulu għajnejh. Sabbat saqajh. Il-Gvern ma jistax u m’għandux jilgħab bl-edukazzjoni u l-ambjent ta’ pajjiżna.

Nieħu din l-opportunità biex nawgura lill-edukatturi kollha, studenti  u ġenituri għas-sena skolastika u akkademika biex l-ambizzjonijiet u x-xewqat tagħhom jintlaħqu.

Roberta Metsola hija l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew 

More in Politika