Editorjal | Għamel x’seta’ għamel hu, Hyzler għandu raġun!

Għal flus li qed inħallsu biex politiċi jokkupaw karigi li mhumiex ikkwalifikati fihom jaqblilna aktar nagħtuhom aktar flus biex jagħmlu xogħolhom aħjar fil-Parlament, full time

Waħda mill-istejjer fil-faċċata tal-gazzetta ILLUM titratta l-possibilità, liema possibilità George Hyzler qed jiċħad, illi anke hu meta kien Segretarju Parlamentari u allura Deputat, kien gawda minn kuntratti u konsulenzi mill-Gvern ta’ dakinhar. Fil-fatt, li l-kumpanija li tagħha huwa fundatur daħlet, fiż-żgur, mal-€165,000 kienet ikkonfermata minn diversi Ministri fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat. 

Minkejja dan, Hyzler għandu raġun! Nistgħu nibqgħu niddiskutu jekk kienx dejjem konsistenti fuq dan il-punt sakemm jiġi d-dubbien l-abjad! Dan ma jneħħi xejn mill-fatt iżda li l-prattika li dwarha nħoloq preċedent fi żmien Gvern Nazzjonalista u li dan il-Gvern biddel kważi f’norma hija ġenn assolut u għandha tkun abolita llum qabel għada. 

Din is-sistema, permezz ta’ liġi introdotta mill-Gvern preżenti, tfisser illi backbenchers jew Deputati mhux fl-Eżekuttiv jistgħu jokkupaw karigi jew imexxu, numru ta’ entitajiet pubbliċi. 

Nistgħu nibqgħu niddiskutu jekk kienx dejjem konsistenti fuq dan il-punt sakemm jiġi d-dubbien l-abjad! Dan ma jneħħi xejn mill-fatt iżda li l-prattika li dwarha nħoloq preċedent fi żmien Gvern Nazzjonalista u li dan il-Gvern biddel kważi f’norma hija ġenn assolut u għandha tkun abolita llum qabel għada

Din l-iskema u idea mhi xejn għajr bravura oħra simili bħal dik tal-Assistenti Parlamantari li kien ġie biha l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li biex jilluppja rivolta interna, ħoloq karigi li ma kinux jeżistu u frankament hemm dubju kemm kien hemm bżonnhom. 

Terġa’ u tgħid il-prattika li Deputati u backbenchers jingħataw karigi fil-quċċata ta’ entitajiet pubbliċi hija ġennata akbar. Għaliex? 

L-ewwel u qabel kollox dawn il-persuni mhumiex qed jintgħażlu, neċessarjament, minħabba l-kapaċitajiet u l-esperjenza tagħhom fil-qasam, imma għall-konvenjenza purament politika u bħala rigal għal snin ta’ lealtà u lagħqiżmu! 

It-tieni. Ejja nivvintaw karattru. Pinu Psaila, li huwa deputat fuq il-ħames distrett. Dan jitpoġġa bħala Kap tad-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Ħaddiema (qed nivvintaw għall-eżempju). Jiġi xi ħadd mill-istess distrett ta’ Pinu u li għal ħafna snin ta appoġġ volontarju u anke finanzjarju lill-istess Deputat. 

Hu mhux qed isegwi r-regoli kollha u l-liġijiet li jittrattaw drittijiet tal-ħaddiem. Imur ikellem lil Pinu u jgħidlu biex iħallih bi kwietu u ma jibgħatx uffiċjali tal-infurzar, inkella ma jerġax jappoġġjah u ma jagħtihx flus għall-kampanja. Pinu, ta’ politiku li hu, jibża’ li jitlef ħafna mill-appoġġ u allura jaċċetta.

Jeħtieġ li din il-prattika tieqaf hawn. U iva naqblu li l-Kummissarju tal-Istandards kellu raġun jipproponi dak li ppropona din il-ġimgħa.

Dan apparti li Pinu, issa b’pagatella minn din l-awtorità, qajla għandu l-kuraġġ idardar l-għajn li jixrob minnha u biex l-istil ta’ ħajja tiegħu jibqa’ kif inhu, iddeċieda li meta ma jaqbilx mal-Gvern li poġġieh fil-kariga, jigdem ilsienu bil-flus!

Tajna dan l-eżempju, għax huwa reali u qed iseħħ, kif ukoll biex nuru kemm hu faċli illi sistema bħal din tipperpetwa l-mentalità tal-pjaċiri, nepotiżmu (għax Pinu jista’ jħaddem nies tad-distrett) u prattiċi korrotti. 

Għalhekk jeħtieġ li din il-prattika tieqaf hawn. U iva naqblu li l-Kummissarju tal-Istandards kellu raġun jipproponi dak li ppropona din il-ġimgħa. 

Minkejja dan nifhmu li dan ikun ifisser li ħafna Deputati jkollhom jitilfu biċċa konsiderevoli mid-dħul tagħhom. Nifhmu għalhekk li din waħedha ma tkunx biżżejjed. 

Għal flus li qed inħallsu biex politiċi jokkupaw karigi li mhumiex ikkwalifikati fihom jaqblilna aktar nagħtuhom aktar flus biex jagħmlu xogħolhom aħjar fil-Parlament, full time. Id-Deputati għandhom ikunu ffukati primarjament u qabel kollox fuq xogħolhom bħala rappreżentanti tal-poplu, minn filgħodu sa filgħaxija, ħlief fil-vaganzi bħal kull persuna oħra. 

Hija din is-soluzzjoni l-aktar effiċjenti jekk irridu Parlament li jiffunzjona tajjeb u li verament qiegħed jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tal-poplu. 

U naturalment għal din il-professjoni jeħtieġ ħlas ġust u tajjeb mhux ċejċa. 

Konxji tal-fatt li aktar paga lill-politiċi dejjem kienet għadma iebsa li l-poplu ma tantx se jaċċetta. 

Imma ċerti illi jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni jagħmlu xogħolhom sew, ineħħu lid-Deputati kollha minn entitajiet u jitfgħu ħarsithom lejn Parlament full time, li jagħmel riċerka profonda u kuntatt kontinwu man-nies, il-votanti jibdew jaċċettaw żieda fil-paga tad-Deputati biex din tirrifletti l-pożizzjoni li jinsabu fiha. 

Il-proposti tal-Kummissarju Hyzler huma pass fid-direzzjoni t-tajba. 

More in Politika