Michael Grech | L-akbar dnub mhux ta’ Patri Deo

La għandna Knisja fejn kollox għadu jdur mal-kleru, almenu nippretendi li din tara li l-kleru jkun ta’ kwalità tajba

Ritratt (Il-Knisja f'Malta)
Ritratt (Il-Knisja f'Malta)

Il-biċċa tal-Patri Kappillan ta’ Sant Wistin ma setgħetx ma tqanqalx reazzjoni. Issa l-każ inqata’ u l-ġustizzja ħadet il-kors tagħha. Il-problema ewlenija tal-biċċa madanakollu tmur lil hinn minn dak li għamel jew m’għamilx Patri Debono.

Il-problema hi marbuta ma’ strutturi (jew nuqqas ta’ strutturi) fil-Knisja u ma’ attitudni li għandu 95% tal-kleru lokali. 

Problema ta’ kontabbilità 

L-ewwel nett hemm problema ta’ kontabbilità f’diversi aspetti ta’ kif jitmexxew il-parroċċi. Milli smajt, fid-djoċesi ta’ Malta jeżistu strutturi serji f’dik li għandu x’jaqsam mal-proprjetà li l-Knisja fadlilha. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ parroċċi, dawn l-istrutturi mhux dejjem huma hemm jew jitħaddmu sew.

Hemm parroċċi li m’għandhomx inventarju ta’ dak li għandhom f’opri ta’ arti, oġġetti antiki u jiswew, u anke dokumenti. (U la semmejt id-dokumenti, ix-xempju li għamlu l-Franġiskani Minuri reċentement minn dokumenti li kellhom il-Belt hu tal-biża’. L-ispjega bla sens tal-Provinċjal għamlet l-affarijiet agħar). Nissuspetta li fil-passat mhux darba jew tnejn li kien ikun hemm xi pittura mwarrba f’xi sagristija li tispiċċa f’xi dar ta’ saċerdot jew ta’ xi ħadd midħla tal-Knisja. 

Imbagħad hemm numru ta’ parroċċi li, tneħħi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ festa, ma jagħtux, rendikont pubbliku ta’ dak li jdaħħlu u joħorġu, kemm fuq bażi regolari (ħruġ/dħul ta’ kull ġimgħa/xahar) u kemm fuq bażi eċċezzjonali.

U jekk jeżisti kont ta’ dan kollu (mhux dejjem; kien hemm każi ta’ kappillani li ħaddmu u amministraw mingħajr ma żammew kont jew dokumenti) hi kwistjoni li tinvolvi biss il-kappillani u l-Kurja (jew fil-każ ta’ parroċċi mmexxija minn ordnijiet kappillani u l-Ordni inkwestjoni). F’ċerti parroċċi lanqas biss hemm il-proċedura li tingħata rċevuta jekk wieħed jagħti donazzjoni għall-parroċċa lill-kappillan jew arċipriet.

Il-marda tal-klerikaliżmu 

Li hemm agħar f’dan kollu imma, hu li l-poplu t’Alla, li suppost hu l-Knisja u l-parroċċa fl-aħħar mill-aħħar, jgħodd karawetta. Saċerdot hu minstru tal-kelma u xi ħadd maħtur biex jamministra s-sagramenti. M’hemmx għalfejn li f’parroċċa jew fil-Knisja, ikun il-factotum li jiddeċiedi u jamministra kollox.

Jekk immur fuq il-Kappillan u nitlob kont ta’ x’jidħol u joħroġ, kemm għandha dejn/tfaddil il-parroċċa, x’sar minnha t-tali opra jew oġġett, hemmx flus il-Kurja, u l-bqija, dan jista’ jibgħatni nixxejjer

Aktar u aktar meta, wara l-Konċilju Vatikan Tnejn, il-parteċipazzjoni tal-lajċi fit-tħaddim tal-parroċċa u l-Knisja suppost ġiet imseddqa. Malta imma, fuq livell parrokkjali din donna ssarrfet l-aktar f’kumitati ta’ festi. Meta tittieħed deċiżjoni jew fil-mod kif tkun amministrata l-parroċċa, aħna li jaqbel kienu jgħidulna li aħna l-Knisja, ma ngħoddu xejn. Niswew biss (jew kważi) għall-ġarr tal-antaljoli. 

Kif kien innotali ħabib tiegħi (saċerdot) ftit tax-xhur ilu, każin tal-banda għandu modi kif imexxi, ħafna aktar b’saħħithom u ġenwini, għax jeżistu strutturi bħal-laqgħa ġenerali u mhux biss, fejn l-iċken membru jista’ jitlob kont lil min imexxi ta’ kull ħaġa. Madanakollu, f’parroċċa dan mid-dehra mhux dejjem il-każ.

Jekk immur fuq il-Kappillan u nitlob kont ta’ x’jidħol u joħroġ, kemm għandha dejn/tfaddil il-parroċċa, x’sar minnha t-tali opra jew oġġett, hemmx flus il-Kurja, u l-bqija, dan jista’ jibgħatni nixxejjer minkejja li suppost il-parroċċa jien u li dak li hu tagħha hu tiegħi wkoll. Anzi, meta kien hemm każi ta’ amministrazzjoni ħażina fil-passat reċenti, u li saru investigazzjonijiet u tiftix li kienu jinvolvu biss lill-Knisja u mhux il-ġustizzja tal-Istat, spiss il-poplu t’Alla ngħata nofs spjegazzjoni jew tħalla b’xiber imnieħer, u min ħawwad ‘intbagħat jistudja barra’.

Il-klerikaliżmu, l-idea li s-saċerdot hu kollox u li aħna l-lajċi sempliċiment mistiedna fil-Knisja u mhux dak li jagħmel din, donnha għadha b’saħħitha bħal qatt qabel minkejja l-Konċilju. Hi marda din tal-klerikaliżmu, li f’pubblikazzjoni reċenti l-Papa ġustament sejħilha ‘tinwir tal-ħajja kkonsagrata’; xi ħaġa li toħloq l-elite u speċi ta’ aristokrazija u toħnoq il-ħsieb ta’ Knisja bħala l-poplu t’Alla.

 U la qed nitkellem dwar il-klerikaliżmu, jiddispjaċini nżid nota dwar il-kwalità tas-saċerdoti, speċjalment u ironikament dawk l-aktar żgħażagħ. Donnu hawn attitudni ta’ ‘kollox jgħaddi’; minn qassisin ifaħħru Neo-Nazzisti sa oħrajn bla ebda spiritwalità li moħħhom biex jilagħbu bil-ventartali, jirreċtaw bil-Latin, fil-pjaneti u fis-suppost tisbiħ tat-tempji. La għandna Knisja fejn kollox għadu jdur mal-kleru, almenu nippretendi li din tara li l-kleru jkun ta’ kwalità tajba.

Donnu hawn attitudni ta’ ‘kollox jgħaddi’; minn qassisin ifaħħru Neo-Nazzisti sa oħrajn bla ebda spiritwalità li moħħhom biex jilagħbu bil-ventartali, jirreċtaw bil-Latin, fil-pjaneti u fis-suppost tisbiħ tat-tempji

Donna nibżgħu wisq għan-numri. Imnalla hemm min jagħmel xogħol fejjiedi ma’ foqra, immigranti, ħabsin, nies bi problemi ta’ vizzji, vittmi ta’ bosta tipi ta’ vjolenza u anke pastorali tajba fil-parroċċa li imma, bosta minnhom, qed jikbru fl-età. L-agħar hi li l-Kurja donnha ma ndunatx li hemm kriżi u ħtieġa kbira ta’ riforma mill-qiegħ. Xi ftit tas-snin ilu kien hemm min ittama li r-referendum tad-divorzju ser jiftaħ l-għajnejn. Mid-dehra ma ġara xejn. 

Jalla dawk li għadhom kemm qaddsu jew waslu biex, jaqraw il-ktieb tal-Papa Franġisku fuq il-ħajja kkonsagrata biex ikollhom idea ta’ din il-marda. Nitlob għalihom biex jibdew jemmnu fi Knisja tat-Triq. 

Responsabbilità mistħoqqa

Qabel nagħlaq nixtieq nifraħ lill-Isqof t’Għawdex Mario Grech tal-inkarigu li ngħata mill-Papa ftit ilu. 

Meta tqis is-sens ta’ ġustizzja, il-ħila li kellu li jieħu pożizzjonijiet mhux popolari (ġieli waħdu) fil-passat, il-mod miftuħ kif beda jittratta persuni Nsara li għaddew mit-trawma tad-divorzju (wara li fil-bidu kellu pożizzjonijiet intransinġenti), u ċertu pastorali li pprova jħaddem fid-djoċesi tiegħu mhux dejjem bil-kollaborazzjoni (anzi spiss b’reżistenza) tal-kleru tal-gżira, kienet promozzjoni tassew mistħoqqa.

Michael Grech huwa opinjonista

More in Politika