Owen Bonnici | Talent Malti fuq livell internazzjonali

Inħossni kburi li bil-ħolqien ta’ opportunitajiet, miżuri meħuda u għajnuna li jagħti l-Ministeru; qed ngħollu ’l fuq it-talent tal-artist Malti

Parti mill-wirja Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18.
Parti mill-wirja Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18.

Waħda mill-prijoritajiet li naħdmu għaliha fil-Ministeru, hija dik li nagħtu spinta lill-kultura u talent lokali mhux biss f’pajjiżna, imma wkoll ngħinu biex it-talent Malti nxerrduh b’mod internazzjonali.

Fis-snin li għaddew rajna artisti Maltin f’kull sfera tal-kultura jagħmlu ġieħ lil pajjiżna f’pajjiżi oħra billi jesponu t-talenti tagħhom u għalhekk it-talent Malti. L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tat kunċerti tista’ tgħid madwar id-dinja, dejjem milqugħa b’applaws mistħoqq. L-istess entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru.

Għalhekk inħossni kburi li bil-ħolqien ta’ opportunitajiet, miżuri meħuda u għajnuna li jagħti l-Ministeru, qed ngħollu ’l fuq it-talent tal-artist Malti.

Okkażjoni li tatni pjaċir immens din il-ġimgħa kienet dik li matulha ħabbarna l-produzzjoni lokali Storbju, li x-xogħol fuqha se jibda fi ftit jiem. Produzzjoni Maltija b’artisti Maltin dwar storja mill-passat tagħna u mżewqa wkoll b’artisti ta’ fama dinjija l-atturi ta’ Hollywood Harvey Keitel u Malcolm McDowell.

Ispirat mir-rewwixti ta’ Ġunju fl-1919, il-film huwa taħt id-direzzjoni ta’ Davide Ferrario (After Midnight, We all Fall Down) u miktub minn Jean Pierre Magro (Bulgarian Rhapsody). 

Mhux biss se jkun ta’ esperjenza eċċellenti għall-artisti Maltin, imma l-film se jxerred parti mill-istorja rikka tagħna madwar id-dinja. Fil-fatt kif qal Davide Ferrario, id-direttur li qiegħed imexxi dan il-proġett, dan il-film huwa opportunità tajba biex il-barranin jifhmu aktar lil Malta u lill-Maltin. Qal ukoll li filwaqt li din hija storja intrinsikament Maltija, jħoss ukoll li hija storja universali.

Aħna onorati ferm li nagħmlu parti minn dan il-proġett. Il-film huwa ta’ importanza kruċjali għalina minħabba li jirrifletti s-soċjetà, kemm preżenti kif ukoll tal-imgħoddi. Inħoss li huwa d-dmir tiegħi bħala Ministru għall-Kultura  li nagħti l-appoġġ għal inizjattiva importanti bħal din u nawgura lit-tim tiegħu l-aħjar possibbli. Għalhekk nappella lill-poplu Malti biex jingħaqad wara din il-produzzjoni u jkun ta’ għajnuna bi kwalunkwè mod possibbli. 

Storbju, huwa prodott minn Aaron Briffa, Pedja Miletic u Jean Pierre Magro, b’artisti Malti fosthom Godwin Scerri, Ryan Debattista, Jane Marshall, Narcy Calamatta, Marc Caboudain, Peter Galea, Jesmond Mizzi u Erica Muscat. Il-produtturi eżekuttivi ta’ dan il-film huma Roland Joffe, Shayne Putzlocher u Sara Shaak, u l-film huwa skedat li jinħareġ fil-ħarifa tal-2020.

Dan huwa dak li rridu u li qed inressqu ’l quddiem. Li l-artisti kapaċi Malti jħallat it-talent tiegħu flimkien ma’ dak ta’ sħabu fuq livell internazzjonali, mhux biss għall-esperjenza personali, imma wkoll biex Malta tkompli tissoda ruħha fuq il-mappa dinjija kulturali

Id-drittijiet ta’ distribuzzjoni dinjija ta’ Storjbu ġew akkwistati minn Electric Entertainment, il-kumpanija ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u post-produzzjoni bbażata f’Los Angeles, filwaqt li Konstantin Ishkhanov mill-Fondazzjoni Ewropea għas-Sapport tal-Kultura kien strumentali bl-appoġġ lejn dan il-film mill-bidu tiegħu.

Dan huwa dak li rridu u li qed inressqu ’l quddiem. Li l-artisti kapaċi Malti jħallat it-talent tiegħu flimkien ma’ dak ta’ sħabu fuq livell internazzjonali, mhux biss għall-esperjenza personali, imma wkoll biex Malta tkompli tissoda ruħha fuq il-mappa dinjija kulturali.

* * *

Interessanti ferm hija l-wirja li inawgurajt f’dal-jiem fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu - Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18.

Wirja li hija mod ieħor kif nitfgħu dawl fuq l-aspetti storiċi ta’ pajjiżna li forsi mhumiex daqshekk magħrufa. Hija wirja interessanti li permezz tagħha nesploraw il-ħajja tal-Inkwiżitur permezz tal-porċellana, li kien meqjus bħala materjal tal-elit fis-seklu 18. Parti mill-istrateġija kulturali tagħna hija li niżguraw li l-komunità tagħna jkollha aċċess għall-istorja u l-wirt tagħna, li ffurmawna bħala pajjiż u kif ukoll l-identità tagħna – u permezz ta’ inzjattivi ta’ din is-sura qegħdin niżguraw li dan ikun verament possibbli.

Il-wirja hija mod innovattiv ta’ kif qegħdin jiġi ppreżentat materjal arkeoloġiċi misjub fi skavi li saru fl-1998 ta’ fossa u kif ukoll minn sejbiet oħra fil-parti tal-ħabs li saru aktar tard. Din il-wirja ġġib flimkien id-dixxipplini tal-arkeoloġija, storja tal-arti u l-antropoloġija storika, u titfa’ dawl b’mod speċifiku fuq grupp ta’ porċellana bikrija – grupp ta’ artefatti privileġġati li jagħtuna l-possibbiltà li nesploraw il-karattersitiċi kulturali u raffinati tal-istabbilment tal-Inkwiżitur f’Malta tas-seklu 18.

Il-wirja tiffoka fuq grupp żgħir iżda importanti tal-porċellana u frammetti ta’ artefatti magħmula mill-ġebel misjuba fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Apparti li hija wirja li tqanqal kurżità, qed tittella’ f’palazz meraviljuż u ta' min jgħid li huwa wkoll l-unika kumpless Inkwiżitorjali Barokk li għadu miftuħ għall-pubbliku fl-Ewropa.

Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18 hija parti minn studju li għaddej bħalissa li se jirriżulta f’fehim aħjar tal-istabbilment inkwiżitorjali f’Malta.

* * *

Semmejt l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Din il-ġimgħa flimkien mal-President tar-Repubblika nedejna kemm il-kunċert li bih tiftaħ l-istaġun tagħha l-orkestra – MPOpening Notes li ttella’ nhar il-Ġimgħa, u wkoll skema biex tħajjar iktar nies jattendu attivitajiet imtella’ mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u  fl-istess ħin permezz tagħha l-pubbliku jgħin lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) b’kontribut finanzjarju għax-xogħol li din il-Fondazzjoni qed twettaq ma’ dawk l-iktar fil-bżonn.

 Infaħħar din il-kollaborazzjoni minħabba li tkompli ssaħħaħ il-firxa ta’ avvenimenti artistiċi u kulturali ta’ dan it-tip li huma disponibbli għall-pubbliku, speċjalment għal kawża ġusta. Apparti li dan il-kunċert huwa żieda sabiħa għall-kalendarju kulturali li dejjem qiegħed jikber u huwa mfittex ħafna minn viżitaturi ta’ pajjiżna, kif ukoll Maltin, dan il-kunċert qiegħed jipprovdi wkoll opportunità lil artisti lokali biex jippromovu t-talent tagħhom. 

 L-aġġornament għall-Iskema tal-membri tal-MPO, toffri lill-membri, l-opportunità biex ikunu parti mill-ensemble mużikali nazzjonali ta’ Malta għal €10 filwaqt li jibbenefikaw minn biljetti limitati għal €1 u skonti ta’ 50%. Id-dħul imur kompletament għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

* * *

Kienet żjara pożittiva hafna dik li għamilt fis-Soċjetà Mużikali Maria Mater Gratiae ta' Ħaż-Żabbar. Matul iż-żjara rajt b'għajnejja l-pjani impressjonanti li din is-soċjetà għandha għall-binja, partikolarment għat-teatru miftuħ uniku li għandha.

Dawn iż-żjajjar ngħożżhom għaliex nara fihom frott il-ħidma tal-Ministeru. Għajnuna li nagħtu lill-għaqdiet volontarji mxerrda mal-pajjiż biex ikomplu jmexxu ’l quddiem dak kollu li huwa Malti.

More in Politika