Editorjal | Għamlu sew ma resqux lejn il-protesta l-politiċi! Ma jistgħux jipproteġu dak li qerdu huma stess!

Mela le, hemm min jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Hemm min għandu skopijiet politiċi partiġġjani ... Imma hemm min hu ġenwin. Hemm min huwa vera mxebba’ sal-ponta ta’ mnieħru b’politiċi u politika li f’artna tara fonti ta’ pjaċiri, rgħiba u konkos! 

Ilbieraħ saret protesta l-Belt Valletta. Protesta illi għaliha attendew l-aktar ċittadini komuni li m’għandhomx karigi politiċi jew li mhumiex fil-Parlament.

In-nuqqas tal-politiċi fil-fatt, Nazzjonalisti jew Laburisti (għajr Micheal Fenech Adami) huwa l-aqwa ħaġa li seħħet f’din il-protesta. Il-politiċi mhux posthom f’dimostrazzjoni dwar l-ambjent għaliex huma l-politiċi tal-PN u l-PL, li allura kienu fil-Gvern, li wasslu għas-sitwazzjoni li qegħdin fiha.

Tajjeb kieku wieħed staqsa lil Fenech Adami fejn kien meta l-Gvern li jappoġġja estenda ż-żoni tal-iżvilupp b’żona daqs is-Siġġiewi. Ikun hemm min jgħid, ‘imma dik issa għaddiet hux! Żball.’ Għal dak l-iżball għadna qed inħallsu sal-lum.

Iqumu filgħodu jisimgħu bil-prospett li nibnu fuq l-baħar, xħin jieklu jisimgħu li biex niftħu l-mina se neqirdu wieħed mill-isbaħ widien ta’ Malta, joħorġu minn darhom (speċjalment jekk jgħixu Buġibba, pereżempju!) isibu mintna u ħmieġ ma’ kull rokna, mat-te jsiru jafu li hemm permess għal aktar gaġeġ tat-tonn

Però ejja ma noqogħdux nistaħbew wara subgħajna. Jekk Gvern Nazzjonalista kien vroma fl-ambjent, dan il-Gvern mhux bil-wisq aħjar. F’sitt snin rajna wiċċ dan il-pajjiż jinbidel u f’ċerti żoni, litteralment imħassar. 13,000 permess f’sena waħda biss, blokok tal-flats telgħin kullimkien, li mal-proċess iħassru t-tessut tradizzjonali tal-irħula Maltin. Krejnijiet kull fejn tħares u jkun hemm min jgħid ‘imma dan riżultat tas-suċċess.’ U din il-gazzetta taqbel! Però skużi, is-suċċess fih prezz u dak il-prezz irridu nilqgħu għalih, mhux trabijiet kullimkien, proprjetajiet jiġġarrfu, persuna tmut u qisu ma ġara xejn! Irħula sħaħ qed jinbidlu f’kaxxi tas-sulfarini. Sbieħ, imma kaxxi tas-sulfarini xorta. U qisu ma ġara xejn?

Din l-idea assoluta ta’ rassenjazzjoni li jew il-progress mingħajr regoli jew xejn, jew inkissru jew xejn, jew kulħadd jagħmel li jrid jew inkella nistaġnaw, trid tieqaf.

Iva tajjeb li s-settur tal-kostruzzjoni kiber u fjorixxa, imma tajjeb ukoll li kollox isir f’ambitu legali u b’infurzar u b’rispett sħiħ lejn in-nies u lejn in-natura.

Tagħtihom tort lin-nies ta’ rieda tajba li mhumiex in-nagħaġ tal-partit jiddejqu, igergru jew jipprotestaw? Iqumu filgħodu jisimgħu bil-prospett li nibnu fuq l-baħar, xħin jieklu jisimgħu li biex niftħu l-mina se neqirdu wieħed mill-isbaħ widien ta’ Malta, joħorġu minn darhom (speċjalment jekk jgħixu Buġibba, pereżempju!) isibu mintna u ħmieġ ma’ kull rokna, mat-te jsiru jafu li hemm permess għal aktar gaġeġ tat-tonn f’baħar li ħammġu mhux darba u qabel jorqdu jisimgħu li art barra mill-iżvilupp se ssir pompa tal-petrol, jew kamra se ssir villa bil-pixxina. U mhux biss; iqumu l-għada filgħodu u jaqraw illi nqagħtet siġra, jew tnejn jew 10. U dan mhux qed immissu mal-problemi li qed noħolqu aħna stess, bl-għażliet tagħna stess, bħal pereżempju l-użu tal-karozzi li qed iwassal għal traffiku kullimkien.

Mhux kollox ħażin, dażgur u miżuri pożittivi ttieħdu kif saru proġetti li ambjentalment jagħmlu ħafna sens (il-Power Station bil-gass) però, fir-realtà, fuq in-naħa l-oħra n-negattiv huwa bil-wisq ikbar.

Għalhekk minkejja l-ħafna ċiniżmu, il-protesta tal-bieraħ kienet importanti, jekk xejn għax qed turi li għad hawn  kuxjenza ambjentali u għad hawn min verament jinteressah u min verament jixtieq li jara l-bidla.

In-nies li jużaw id-dritt demokratiku tagħhom li jipprotestaw mhux inkissruhom u ngħajruhom u nirredikolawhom. Mela le, hemm min jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Hemm min għandu skopijiet politiċi partiġġjani (Malta qegħdin!), hemm min qed jipprotesta mhux għax taħarqu qalbu għall-ambjent imma għax hemm il-Labour fil-Gvern. Imma hemm min hu ġenwin. Hemm min huwa vera mxebba’ sal-ponta ta’ mnieħru b’politiċi u politika li f’artna tara fonti ta’ pjaċiri, rgħiba u konkos! 

minkejja l-ħafna ċiniżmu, il-protesta tal-bieraħ kienet importanti, jekk xejn għax qed turi li għad hawn kuxjenza ambjentali u għad hawn min verament jinteressah u min verament jixtieq li jara l-bidla.

Għamlu sew ma marrux il-politiċi lbieraħ! Xogħolhom issa huwa li jisimgħu u jirriflettu fuq l-iżbalji li għamlu huma jew li ħallew lil ħaddieħor jagħmel.

Wara kollox qegħdin fejn qegħdin grazzi għalihom u għal snin ta’ politika sal-ponta tal-imnieħer!

Plus ca change!

More in Politika