Bernard Cauchi | Edukazzjoni: f’liema salib it-toroq? (1)

Jidher li qed isir sforz makkjavelliku biex l-edukaturi jiġu diskreditati mal-massa bħala nies li għażlu l-professjoni għall-vaganzi

Għal ħafna edukaturi dan huwa żmien il-kontijiet. Is-sena d-dieħla, b’għażla, se nibda l-għoxrin sena tiegħi fil-klassi, bit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Ovvjament, bħala prodott tas-soċjetà li ngħixu fiha, l-edukazzjoni hi spazju ta’ ħafna kontradizzjonijiet, kuntrasti u interessi li jaħbtu ma’ xulxin.

Apparti minn hekk, kif kien jgħid sieħbi Charles Miceli, l-edukazzjoni ma tistax titqies bħala soluzzjoni għal kull għelt fis-soċjetà. Però min-naħa l-oħra, dejjem qist il-qasam edukattiv bħala spazju importanti fejn nistgħu naħdmu għal soċjetà iktar ġusta; proċess li idealment jagħti setgħa lill-vuċi ta’ min hu dgħajjef, lill-azzjoni demokratika, lid-differenzi ta’ bejnietna, lis-sens miftuħ ta’ komunità, lis-sens ta’ mħabba. Fl-aħħar mill-aħħar, għalija l-edukazzjoni hi post fejn it-teorija tingħaqad mal-azzjoni. Għalija hi spazju ta’ tama u fidi.  

L-ewwel nett is-sistema edukattiva qed tobżoq ’il barra numru mhux żgħir ta’ għalliema validissimi b’valuri ċari ta’ emanċipazzjoni u ġustizzja soċjali. Grupp ħafna ikbar ta’ għalliema qed jitilfu l-fidi f’dak li qed jagħmlu, qed ikunu eżawriti kemm mentalment, fiżikament u anke spiritwalment

Sfortunatament, f’dawn is-snin kollha ma niftakar l-ebda żmien ieħor fejn il-qtigħ il-qalb fost min hu mdaħħal fl-edukazzjoni hu daqshekk iġġeneralizzat, minn fuq s’isfel, daqs issa. Għal ħafna żmien emmint li bħala edukaturi, li naqtgħu qalbna kien lussu li ma stajniex inċedu għalih. It-tama, kif enfasizzaw ħassieba li lili jdawluli t-triq, bħal Paolo Freire u Lorenzo Milani, hi essenzjali għall-edukazzjoni. Imma jiġu mumenti fejn dan tibda tiddubitah bis-serjetà.

Dawn li ġejjin huma ftit punti li qed itaqqluli moħħi jien u nirrifletti fuq is-sitwazzjoni preżenti. Ovvjament dawn mhumiex affarijiet li nqalgħu din is-sena, ilhom ġejjin, u f’dak li ser ngħid ser ikolli niġġeneralizza ftit.

Il-kaġun

Nixtieq nibda bina l-edukaturi. Spiss nitfgħu t-tort fuq ‘is-sistema’, imma rari nanalizzaw din is-sistema sew, u inqas u inqas nippruvaw inbiddluha. Ngħidu aħna, l-akkuża serja li s-sistema tidher li qed tagħmel dnub mejjet billi taġevola lil min hu diġà aġevolat, u li tħalli fejn hu jew teskludi lil min jinsab żvantaġġjat, ma tantx qajmu kontroversji fostna l-għalliema. Aktar donnu moħħna fil-loġistika, fid-dixxiplina u fir-riżorsi; affarijiet importanti li imma fl-aħħar mill-aħħar mhumiex fundamentali. Għal min għandu s-setgħa, dawn it-tip ta’ edukaturi huma ta’ vantaġġ kbir għax forsi ngergru ħafna, nagħtu ħafna kas tat-tfal (xi kultant b’mod żbaljat għax jaġixxu magħhom ta’ ġenituri, li mhumiex) imma affarijiet bħalma huma l-kurrikulu (kemm dak li jiġi mgħallem u enfasizzat u dak li ma jiġix) u s-sistemi inġusti nħalluhom bażikament kif inhuma u nilleġittimizzaw is-sistemi ta’ poter. 

F’dawn is-snin kollha ma niftakar l-ebda żmien ieħor fejn il-qtigħ il-qalb fost min hu mdaħħal fl-edukazzjoni hu daqshekk iġġeneralizzat, minn fuq s’isfel, daqs issa

Iżda lil hinn mill-edukaturi, l-akbar akkuża tiegħi tmur lejn is-sistema edukattiva nnifisha, li ovvjament mhix xi struttura astratta imma mibnija u mbuttata minn nies partikolari li fl-aħħar mill-aħħar iħarsu l-interessi tal-poter. Hi sistema kuntradittorja għall-aħħar, qasba tixxejjer mal-irjiħat ta’ min jiflaħ jonfoħ l-iktar. F’iktar dettall, dawn huma xi punti li fuqhom l-akkuża tiegħi tistrieħ:

  1. L-ewwel nett is-sistema edukattiva qed tobżoq ’il barra numru mhux żgħir ta’ għalliema validissimi b’valuri ċari ta’ emanċipazzjoni u ġustizzja soċjali. Grupp ħafna ikbar ta’ għalliema qed jitilfu l-fidi f’dak li qed jagħmlu, qed ikunu eżawriti kemm mentalment, fiżikament u anke spiritwalment. Insewwed qalbi niltaqa’ ma’ sħabi li jħossuhom imdejqa, bla saħħa jew morda bis-sitwazzjoni. Ir-raġunijiet għal dan nemmen li huma ħafna. Ngħidu aħna, is-sens ta’ fiduċja fix-xogħol tal-għalliema donnu hu nieqes, u mhux mogħti l-valur mistħoqq minn min qiegħed imexxi. Issa, sistemi edukattivi li qed jagħmlu suċċess, bħal dik tal-Finlandja, għandhom fil-qalba tagħhom il-fiduċja fl-edukatur u fil-ħiliet tiegħu li jmexxu ’l quddiem valuri komuni. Il-pataflun konsulenti li nġiebu u skambji ma’ barra għadhom ma wasslux għal dan f’pajjiżna. Iktar minn hekk jidher li qed isir sforz makkjavelliku biex l-edukaturi jiġu diskreditati mal-massa bħala nies li għażlu l-professjoni għall-vaganzi u għas-sigħat qosra ta’ xogħol.
  2. It-tieni, il-livell għoli ta’ standardizzazzjoni.  Minkejja l-kliem sabiħ dwar li l-istudent irid ikun fiċ-ċentru u dwar kemm qed niġġieldu s-sistema ta’ ‘one size fits all’, fir-realtà qed jiġri bil-maqlub. Kont involut ftit fit-tfassil oriġinali tal-istrateġija tal-Learning Outcomes li kellha twassal biex, filwaqt li kulħadd kellu jilħaq ċerti ħiliet u kontenut importanti, kulħadd seta’ jasal għalihom minn toroq differenti, skont il-gosti, l-abbiltajiet u l-esperjenzi tiegħu jew tagħha. X’ġara? Grazzi għall-forzi konservattivi b’saħħithom li hemm fl-edukazzjoni, imma anke għall-ħsieb burokratiku u normattiv li lokalment jirfed il-politika edukattiva, dan il-livell ta’ awtonomija ġie skartat. Inħolqu riċetti kontra riċetti ta’ kif dawn il-Learning Outcomes kienu se jitwettqu (assessjar kontinwu b’xeba’ dokumenti x’wieħed jimmarka u riżorsi komuni li jridu jitħaddmu l-istess sa l-anqas punt u virgola) li wasslu biex ir-riforma li kellha twassal naħa, marret naħa oħra. U biex tgħaqqad, min kellu jibbenefika minn dan l-assessjar biex jitgħallem minnu, qed jintilef fil-karti, fil-kliem tqil u tekniku u fil-burokraziji.

Dan l-artiklu se jkompli

More in Politika