Ittri Il-punt Blogs

Malta fil-Vatikan għall-Milied

Bħalissa, kull min jgħaddi mill-Pjazza tal-Vatikan se jkun jista' jammira presepju Malti, bil-luzzu, is-salib ta' Malta u San Ġorġ Preca b'kollox!

Ministru Owen Bonnici / 15 ta' Diċembru 2016 14:34
Il-presepju Malti fil-Vatikan, li jinkludi wkoll luzzu u lil San Ġorġ Preca flimkien mat-tfal tal-Museum
Bħalissa, kull min jgħaddi mill-Pjazza tal-Vatikan se jkun jista' jammira presepju Malti, bil-luzzu, is-salib ta' Malta u San Ġorġ Preca b'kollox!

Dan il-presepju se jibqa' għall-wiri matul il-festeġġjamenti tal-Milied fl-iktar Pjazza sabiħa fl-Ewropa u fl-iktar żmien fejn din il-Pjazza tattira interess minn ħafna viżitaturi.

Il-presepju laqat ħafna l-għajn anke tal-Papa li f'kummenti li ta f'udjenza miftuħa għal kulħadd fil-Vatikan tkellem dwar is-sbuħija ta' dan il-presepju, il-ġenerożità tal-Maltin u...il-luzzu!

Il-luzzu qal ifakkru fid-dgħajjes u allura fil-fenomenu tal-immigrazzjoni. Hu sabiħ ħafna kif biċċa xogħol artistika tibgħat messaġġi tant b'saħħithom.

Bl-istess mod hi sabiħa ħafna s-siġra li rregalat il-Provinċja Awtonoma ta' Trento. Verament impressjonanti. Ħadt gost nisma’ bil-ħidma li saret biex din is-siġra tinqala' b'reqqa u tinġieb il-Vatikan ħdejn il-Presepju Malti.

 

Artist Għawdxi

Għall-artist li ngħażel, wara sejħa, biex jagħmel il-presepju kienet opportunità kbira għalih biex juri x'nafu nagħmlu quddiem pjattaforma tant kbira.

L-artist hu Għawdxi - Manwel Grech li hu verament simpatiku u ġentili. Fuq kollox artist bravu ħafna wkoll.

Il-Ministru Owen Bonniċi jieħu b'idejn il-Papa Franġisku, fil-preżenza tal-Arċisqof Charles J Scicluna
M'għandix dubju li din il-vetrina stupenda se tkun ta' ġid għall-fama tal-artisti kollha ta' pajjiżna, mhux l-inqas Manwel stess.

 

Ħidma tas-servizz ċivili

Il-ħidma tas-servizz ċivili f'dan kollu kienet impekkabbli. Bħala Ministru ma stajtx nitlob għal xi ħaġa aħjar.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien ta' sostenn enormi. Id-Direttorat tal-Kultura, immexxi minn Catherine Tabone, kien effiċjenti mmens. L-istess id-diplomatiċi- sija d-diplomatiċi fil-Vatikan - il-kirurgu George Buttigieg u Dun Mario ewlenin fosthom, sija d-diplomatiċi f'Ruma - immexxija mill-bravissima Vanessa Frazier - kienu fundamentali.

Kruċjali fost kulħadd kien il-Vatikanista Frank Zammit- bniedem li jaf dwar il-Vatikan probabbilment iktar mill-aqwa Kardinal u persuna li tħobb ħafna lil Malta. Kien hu li ħolom b'din l-idea madwar sena u nofs ilu u kien hu li xpruna lil kulħadd biex din l-idea ssir realtà.

 

Il-Knisja f'Malta

S'intendi, attività sabiħa bħal din ma setgħetx issir mingħajr l-għajnuna kruċjali tal-Knisja f'Malta u b'mod partikolari tal-Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna.

L-Arċisqof Scicluna tana l-appoġġ kollu biex dan il-proġett seta' jirnexxi u anke fil-Vatikan offrielna kontinwament għajnuna u appoġġ.

Ħadt gost li anke l-Kardinal Prospero Grech attenda għall-inawgurazzjoni. Apprezzajt ħafna l-preżenza tiegħu, kif ukoll tad-diversi Kardinali, Isqfijiet u persuni distinti li onorawna bl-interess u l-ħin tagħhom.

 

Il-Vatikan

Din kienet it-tieni żjara uffiċjali tiegħi fil-Vatikan wara li iktar kmieni f'din il-legiżlatura kont akkumpanjajt lill-Prim Ministru u l-Ministru George Vella f'laqgħat mal-Papa Franġisku dwar il-bidliet li xtaqna nagħmlu (u fil-fatt għamilna b'mod spedit u effiċjenti) fejn jidħlu s-setgħat tat-Tribunal Ekkleżjastiku komparat mal-Qrati Ċivili.

"Din il-vetrina stupenda se tkun ta' ġid għall-fama tal-artisti kollha ta' pajjiżna"
Ħadt gost nerġa' niltaqa' mal-Papa Franġisku. L-umilta' u s-sens umoristiku tiegħu huma eċċezzjonali. Kien unur u privileġġ kemm għalija u kemm għall-Maltin kollha li ltaqgħu miegħu.

S'intendi l-Papa Franġisku ma tilifx l-opportunità jiċċajta miegħi fuq xi ħaġa li jixtieq li nġiblu minn Malta. Biss, dan sigriet li se jibqa' mistur mal-Mons Arċisqof Scicluna u miegħi!

 

Kritika

Ħadt gost li l-Papa Franġisku f'intervista li ta, kellu kliem iebes ħafna kontra min jivvinta l-istejjer.

Il-mezzi tax-xandir għandhom obbligu li jfittxu l-verità u mhux jingħaqdu f'korijiet studjati u kalibrati bil-għan li jkissru u jċaqqmu t-tajjeb li qed isir.

Wara kollox għall-ġid tal-mezzi tax-Xandir stess u l-kredibbiltà tagħhom!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook