Ittri Il-punt Blogs

Ittri tal-Ħadd 1 ta' Frar

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]

5 ta' Frar 2015 09:05
Carmelo Bugeja (Reġen)
Viċi Sindku
Marsaxlokk


Nixtieq nistqarr li meta smajt lill-Prim Ministru jgħid li jaqbel mal-vot ta’ l-IVA, għax kienet wegħda fil-Programm Elettorali, u iżjed u iżjed lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li wkoll kien se jivvota IVA għax tħabat ħafna biex ġab id-deroga, apparti li wkoll kienet fil-Programm Elettorali tal-Partit tiegħu; jiena fraħt mhux ftit, u ħadt pjaċir. Iżda li ż-żewġ kapijiet tal-partiti l-kbar jgħidu li se jagħtu l-Free Vote lill-membri tal-parlament, xejn ma niżlitli sewwa, għax qed inħoss li huma kontradittorji.

Il-poplu vvota għall-membri fil-parlament abbażi tal-programm elettorali; liema programm kellu fih il-wegħda li jkompli bid-deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Partit tal-Alternattiva biss kellu fil-programm tiegħu li jneħħi l-kaċċa u l-insib għal kollox minn fuq wiċċ Malta; u ħoloq l-għaqda li ħadmet għar-referendum.

 Wieħed irid iżomm f’moħħu li meta ġiet l-elezzjoni ġenerali, barra li dak li jkun ikollu l-partit tiegħu, jistudja l-Manifest Elettorali, biex dak li jkun jara ftit il-partit tiegħu x’beħsiebu joffri. Bħal ma diġà għidt iż-żewġ partiti l-kbar qalulna li ma kinux se jmissu l-kaċċa u l-insib, u ħallew lill-poplu Malti kollu b’dik it-tama u kulħadd ivvota skont il-kuxjenza tiegħu abbażi tal-manifest elettorali, u tella’ fil-parlament, membri li qalu li huma favur li l-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’ ssir. Għalhekk jiena ma naqbilx li l-membri parlamentari għandhom jingħataw Free Vote, għax meta dawn jintalbu jivvutaw fuq xi liġi ma jingħatawx Free Vote. Jiena nħoss li dawk il-membri parlamentari li ma jaqblux mal-kapijiet tagħhom, m’humiex jaqblu mal-manifest elettorali tal-partit tagħhom, u għalhekk ma jaqblux mar-rieda tal-poplu li tellagħhom fil-parlament.

Minn sentejn ’l hawn rajna jinbtu dawn il-ħafna taparsi għaqdiet li jgħidu li jirrispettaw in-natura u l-ambjent li kull m’għamlu kien li ħadmu biex joħolqu dan ir-referendum. Kieku dawn indenjaw ruħhom li jaħdmu u jaqsmu flimkien mad-dilettanti tal-kaċċa u l-insib l-ambjent Malti, kieku mhux aħjar kien ikun, milli jaqbduha qatta’ bla ħabel kontra dawn id-dilettanti? 

Il-kaċċaturi u n-nassaba veru jirrispettaw l-ambjent Malti, għax dejjem tarahom jirranġaw il-ħitan, iħawlu s-sigar u jieħdu ħsiebhom, u jagħmlu l-ambjent ta’ madwarhom isbaħ mill-bqija tal-kampanja, biex jattiraw lejhom l-għasafar li jridu jikkaċċjaw. Jiena nista’ ngħid li dawn it-taparsi ambjentalisti kull ma qed nieħdu minnhom huwa ħmieġ u skart li jħallu warajhom meta jiġu jagħmlu xi picnic, jew xi kampijiet għal tmiem il-ġimgħa mingħajr ma jitolbu permess mingħand ħadd. 

Dawn kull ma verament iridu huwa li jkeċċu lid-dilettanti mill-kampanja Maltija, biex joqogħdu jgawduha huma biss. Dan imur kontra l-prinċipju fundamentali tal-PL li jgħid li Malta hija Tagħna Lkoll. Għalhekk jiena nappella lil dawk il-membri parlamentari kollha li jemmnu f’Malta Tagħna Lkoll li għandhom jifhmu u jirrispettaw dan id-delizzju tant għażiż għal ħafna Maltin u Għawdxin.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook