Ittri Il-punt Blogs

Ittri tal-Ħadd 21 ta' Settembru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email [email protected]

21 ta' Settembru 2014 12:17
Mal-ħaġra t-tajn!

Minn Kav Joe M Attard

Victoria, Għawdex

Xi ftit taż-żmien ilu kont ktibt dwar l-istat batut tal-lapida kommemorattiva li hemm fil-Ġnien ta’ Villa Rundle Victoria. L-ittri ta’ fuq din il-lapida li tfakkar il-ftuħ mill-ġdid ta’ dan il-Ġnien Pubbliku wara xogħol estensiv ta’ restawr mill-Gvern ta’ qabel, kien għoddu sparixxa u ma kienx għadu jinqara. 

Dawn il-jiem kont għaddej minn quddiem din il-lapida u nnutajt li l-ilment tiegħi ma damx wisq fuq il-karta. Veru kif ngħidu bil-Malti: mal-ħaġra t-tajn; hekk għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-pajjiż! Il-Ministeru għal Għawdex jidher li għandu lil xi ħadd għassa tal-ilmenti li jidhru fuq il-ġurnali għax fi żmien qasir, tqabbad xi ħadd biex jirranġa din il-ħsara. Tassew prosit u grazzi lil Ministru għal Għawdex u lill-ħaddiema tiegħu li fihom sibt ukoll kull għajnuna u koperazzjoni meta dan l-aħħar twebbilt intella’ serata letterarja f’waħda mis-swali tal-Ministeru għal Għawdex fi pjazza San Franġisk, li wegħduni wkoll kull għajnuna għal ġejjieni!

Kjarifika dwar l-intervista

Minn John Bencini    

Ċermen MCESD

B’referenza għall-intervista miegħi tal-Ħadd li għadda, 14 ta’ Settembru dwar l- MCESD, nixtieq nagħmel din il-kjarifika. Meta kont qed inwieġeb għall-mistoqsija: ‘X’qed jinkwetakom l-iżjed fejn jidħlu ħaddiema?’ - Jien kont qed nirreferi għall-etika tax-xogħol u xejn aktar.

Dan peress li fis-settur turistiku, qed ikollna ħaddiema li minkejja li jiġu offruti overtime s-Sibt u l-Ħadd bi ħlas ġust, xorta waħda qed insibu li vqed ikun hemm min jirrifjuta li jaħdem il-Ħadd jew is-Sibt! Dan qed jiġri

l-aktar fil-lukandi u r-ristoranti. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li ma jistax ikollok pulizija, infermiera, ħaddiema li jaħdmu l-ajruport u oħrajn li jirrifjutaw li jaħdmu matul tmiem il-ġimgħa. Iva, l-MCESD għax tfittex dejjem il-ġid tal-ħaddiema u l-ħolqien tax-xogħol, qiegħda tappella għal aktar etika u sens ta’ responsabbiltà miż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għandna eluf kbar ta’ ħaddiema Maltin li għandhom sens ta’ dover u responsabbiltà u hekk nixtiequ miż-żgħażagħ tagħna.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook