Ittri Il-punt Blogs

Ittri tal-Ħadd 14 ta' Settembru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew [email protected]

16 ta' Settembru 2014 15:38
Taqgħux fin-nassa tan-Nazzjonalisti

Minn Carmelo Bugeja (Regen)

Viċi Sindku

Marsaxlokk

Mela kont qed naqra ġurnal tal-PN u xxukkjajt ruħi waħda sew. Rajt ritratt kbir fuq il-faċċata tal-ħabib tiegħi Philip Vella; is-sindku ta’ Sannat u b’ittri kbar jgħidu li ommu ntgħażlet mill-bord tal-għażla għal xi rwol fil-film li qed jinġibed bħalissa f’Għawdex. Fil-gazzetta hemm miktub li fid-dikjarazzjoni li qed jagħmlu l-kunsillieri sħabu, li hemm kunflitt ta’ interess.

Jiena nifhem li kien hemm sejħa ta’ interess, u li omm is-sindku ntgħażlet mill-bord tal-għażla, li ma nistax nifhem hu kif kumpanija privata li hija wkoll barranija jista’ jindaħliha l-Gvern u wisq aktar kunsill lokali x’tagħmel u lil minn tagħżel.

Stagħġibt meta rajt li kunsillieri jiddikjaraw li din il-mara, għax omm is-sindku, m’għandhiex dritt taħdem; anke ma’ kumpanija privata. Iżda nifhem li n-nies ta’ Sannat, li naf li tliet kwarti minnhom iħaddnu twemmin Laburista u li vvutaw lil Philip Vella biex imexxihom, mhux se jemmnu lil dawk il-kunsillieri li qed jaqilgħu din il-qlajja.

Hija ħaġa tajba li s-sindku jinnegozja f’isem il-Kunsill u jagħmel minn kollox biex iġib flus lejn il-Kunsill tiegħu biex jużahom f’pajjiżu. Huwa obbligat ukoll; kif naħseb li għamel, li jinforma lil Kunsill tiegħu bin-negozju li jkun għamel u xi jkun akkwista għal pajjiżu. Dawn ikunu flus imberkin li jista’ jsir ħafna ġid fir-raħal tiegħu.

Jien nixtieq inwissi lil sħabi l-kunsillieri biex joqogħdu attenti li ma jdaħħlux f’moħħ il-poplu li jekk tiġi vvutat għal sindku jew kunsillier, inti u l-familjari tiegħek m’għandkom l-ebda dritt li jieħdu dak li ħaqqhom bħal kull ċittadin ieħor; saħansitra xogħol bħal ħaddieħor; għax niġu f’sitwazzjoni li l-poplu ma jazzardax joħroġ aktar għal xi elezzjoni, tkun xi tkun, għax jekk jiġi li jitla’ ma jibqagħlu dritt għal xejn, inklużi l-familjari tiegħu u ħbiebu. Din hija ħaġa kontra d-drittijiet tal-bniedem u saħansitra kontra l-kostituzzjoni. Din hija n-nassa li qed jonsbu n-Nazzjonalisti, ma nafx kif ħadd m’huwa qed jinduna biha.

Nappella lil sieħbi Philip Vella biex ma jaqtax qalbu, u jkompli għaddej bix-xogħol tajjeb u siewi li qed jagħmel, għax dawk li vvutawlek kienu u għadhom kburin bik. Tħabbilx rasek u jekk tħoss ruħek malafamat iftħilhom libell; għax wara kollox inti tad-demm u l-laħam bħal kulħadd, u għandek id-drittijiet u l-integrità tiegħek x’tiddefendi bħal kulħadd.

Pensjoni tas-servizzi soċjali miċħuda

Joseph Grech

Birkirkara

Nirreferi għall-ittra “Sejħa lill-għaqdiet tal-pensjonanti u unjins” ta’ G. Schembri tal-Ħadd 7 ta’ Settembru. Tajjeb li wieħed jgħid mingħajr ma joqgħod jomgħodha li dawn l-għaqdiet fir-rigward tal-pensjonanti li kellhom impjieg mal-gvern qabel l-1979 aċċettaw l-istatus quo u qatt ma tniffsu u m’hemmx ħsieb li jitniffsu. L-għaqdiet tal-pensjonanti qed iservu biss ta’ paraventu għall-unjins. Jien ili tmien snin pensjonant u ma rajt l-ebda bidla. Bqajt niġi misruq. Huma u xejn, xejn.

Tajjeb li nżid li qabel tlaqt mis-servizz mal-gvern saret riorganizzazzjoni li suppost kellha tkopri l-perjodu ta’ 6 snin mill-2005 sa l-2010. Jien kont fi skala 7 u rtirajt fl-2006. Meta għoddejt l-għoli tal-ħajja għall-2005 u l-2006 sibt li ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja kienu Lm15 ekwivalenti għal €35 ogħla mill-ammont propost mir-riorganizzazzjoni għal dawn is-sentejn. U jekk jogħġbok, kien hemm klawżola li tgħid li min jieħu l-benefiċċju tar-riorganizzazzjoni ma jiħux tal-għoli tal-ħajja. Nitlob spjega mingħand l-MUT u l-kaptan ta’ dak iż-żmien u dak tal-lum, kif ukoll mingħand Dottor Gonzi. Dan mhux każ personali. Kien hemm mijiet li kienu ingannati mill-unjins tagħhom f’konfoffa mal-gvern u għadhom isofru minn pensjoni inqas b’madwar €2,000 minn dik ta’ sħabhom.

Rigward il-pensjoni tas-servizzi soċjali (NI) jien nirċievi ammont annwali ta’ €4,622 meta l-ammont dovut skont il-kuntratt tax-xogħol kellu jkun ta’ €11,875. Sintendi hawn eluf oħra li huma ngannati b’dan il-mod u l-gvern huwa frisk bħal ħassa għax l-unjins qegħdin hemm biex jiġbru l-miżata. X’sar mill-MUT u mill-UĦM? Nerġa’ ntenni: l-għaqdiet tal-pensjonanti qegħdin hemm għalxejn. Anzi, kieku ma kinux jeżistu, l-unjins ma kienx ikollhom wara xiex jistaħbew! Ta’ min isemmi wkoll il-pensjoni tat-teżor.

Fil-biċċa l-kbira tal-każi din tkun komutata għal nofs flok żewġ terzi tal-aħħar paga biex il-pensjonant jagħżel li jieħu somma akbar meta jispiċċa bil-61. Klawżola fil-kundizzjoni tal-impjieg tgħid iżda, li pensjoni komutata tkun riveduta meta wieħed jagħlaq it-72 sena. Din il-kundizzjoni qed tkun miċħuda mit-teżor.

Il-każ tal-parlamentari huwa differenti. Dawn ma jsofru l-ebda tnaqqis mid-dipartiment tas-servizzi soċjali u ż-żewġ terzi tal-onorarja tagħhom bħala pensjoni, tinħadem fuq l-onorarja ta’ sħabhom li jkunu għadhom iservu fil-parlament.

Bħala konklużjoni, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja għal min jaħseb li tali pensjonanti ta’ qabel l-1979 qed jitolbu xi dritt divin. Il-politikanti tagħna xebgħu jippriedkaw is-second u t- third pillar pension. Allura min ġa għandu nisirquhielu?

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook