Ittri

Ittri tal-Ħadd 17 t'Awwissu 2014

“Bejn abbuż” u “l-era Vittorjana”

Minn Antoni Dato

Kalkara

Fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM tal-10 t’Awwissu, dehru żewġ artikli bit-titli ‘Żminijiet Vittorjani’ u ‘Bejn abbuż u ieħor’ mill-artikolisti regolari tal-ġurnal tiegħek, l-avukati ferm rispettati Toni Abela u Joe Ellis rispettivament. (Fejn ukoll nixtieq nieħu l-okkażjoni li nsellmilhom minn hawn). Wara li xtarrejt ftit dwar dak li qalu dawn it-tnejn, ġietni t-tentazzjoni li nżid ftit osservazzjonijiet magħhom.

Biex niġi mill-ewwel għal punt, it-tnejn li huma rreferew għal proposta tal-Għaqda ta’ Min Iħaddem, illi smajt kontra din il-proposta mhux ħażin. Bla dubju, dawn (min iħaddem) qegħdin jaraw li jkomplu jpoġġu lilhom infushom fuq nett billi joħorġu proposti li jiddefinixxu huma x’inhu sick leave. 

Dan ikompli jurina kemm l-għaqdiet ta’ min iħaddem qegħdin organizzati sew u qegħdin jiġbdu ħabel wieħed. Bħalma ntqal fl-istess artikli dwar ir-rapport tal-kamra tal-kummerċ, fejn allura tifhem li dawn jinsabu f’armonija waħda. Però din is-sitwazzjoni tħallik ftit konfuż, għaliex meta tirrealizza l-ġlieda kontra l-abbuż u l-prekarjat, dawn mhux huma l-awturi stess ta’ din is-sitwazzjoni? Jiġifieri li l-ħolqien tal-prekarjat u l-abbuż mhux mis-sidien stess ġej? M’hemmx loġika li tgħid il-ħaddiem qiegħed iġibu b’idejh stess! Mhux hekk? 

Iżda dan mhux qiegħed jiġri biss f’pajjiżna. Għaqdiet tal-ħaddiema internazzjonali minn kull settur tax-xogħol, ilhom għaddejjin b’kampanji fuq bosta temi. Xi ftit jew wisq dawn ukoll qegħdin iħallu impatt fuq is-sitwazzjoni lokali. Imma biex ikolli nibqa’ mas-suġġett, ikolli nitlaq dak li għadni kif għidt għax dan itawwal l-argument u forsi għad jinstema’ wkoll dwaru, iktar ’il quddiem.

Hawn bżonn illi kemm jista’ jkun malajr ikompli jiżdied l-intervent governattiv sabiex ikompli jindirizza l-abbużi fis-suq tax-xogħol. Dan għaliex filwaqt li l-unjins se jkomplu jaħdmu għal benefiċċju tal-ħaddiem inġenerali, ma jistax ikun li dak li qiegħed fil-prekarjat/abbużat jibqa’ għaddej minn sitwazzjonijiet li ssemmew f’wieħed mill-artikli.

Jidher li wasalna fi żmien fejn aħna l-ħaddiema naraw riformi fil-liġijiet tax-xogħol li jħarsu l-kundizzjonijiet minimi. Filwaqt li nistaqsu wkoll; ċertu liġijiet qegħdin jiġu eżerċitati fil-prattika?

Floriana jew il-Furjuna?

Minn Edward Torpiano 

Kunsillier - floriana

Nagħmel referenza għar-rapport li jġib l-isem, ‘Floriana jew il-Furjuna?’ (In-Nazzjon, is-Sibt 9 ta’ Awwissu, 2014) fejn, dejjem fl-imsemmi rapport, intqal li reġgħet feġġet il-kwistjoni dwar kif għandha tissejjaħ din il-lokalità. 

“Billi ngħid li wara diskussjoni mal-uffiċjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti” dwar dan is-suġġett, fl-ittra indirizzata lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Pierre Cassar (KLF 084-14) data 21 ta’ April, 2014), il-Kunsill Lokali Floriana avża li hu, (bħala kunsill lokali), mhux preokkupat għall-mod kif in-nies jirreferu għal din il-lokalità, iżda huwa obbligu tiegħu li jikkonserva l-isem storiku (uffiċjali) ta’ din il-lokalità: Floriana. Dan ġej minn isem l-inġinier militari Pietro Paolo Floriani (1585–1638) minn Macerata (Italja) liema Floriani bena s-swar li jiċċirkondaw din il-lokalità glorjuża.

Iċ-ċaqliq temporanju tal-monti tar-Rabat

Minn Charles Azzopardi

Sindku - Rabat

Matul dawn l-aħħar sena u nofs, il-Kunsill Lokali tar-Rabat Malta, ħadem bla heda biex iwettaq proġett ambizzjuż fi Triq Santa Rita u Misraħ San Katald. Dan il-proġett wassal għal bosta laqgħat u diskussjonijiet kif ukoll għal għażliet u deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. Frott għal din il-ħidma, il-proġett tant mistenni, sejjer jibda fil-jiem li ġejjin. Biċċa wġigħ ta’ ras li kellu l-Kunsill Lokali tar-Rabat kienet dik dwar it-trasferiment tal-monti minn Triq Santa Rita għal post ieħor li jkun l-aħjar għar-residenti u għall-bejjiegħa tal-monti.

Wara li l-Kunsill esplora u ra l-postijiet alternattivi, huwa unanimament qabel, li l-monti kellu jmur fi Triq tal-Plieri. Dan minħabba l-fatt li l-monti jirrikjedi spazju kbir, li jrid jilqa’ fih madwar mitt bejjiegħ. Il-Kunsill għażel din it-triq minħabba l-ispazju biex jilqa’ fih il-bejjiegħa flimkien mal-vannijiet u t-trakkijiet tagħhom. Ried jinstab post spazjuż ħafna, ikun aċċessibbli għar-residenti, ma jintilifx parkeġġ fir-Rabat u fl-istess ħin il-monti ma jispiċċa wara l-bieb ta’ ħadd. Deher ċar mal-ewwel li r-residenti ma ridux il-monti wara biebhom. Hawn nixtieq nirringrazzja l-bejjiegħa tal-monti li fehmu l-bżonn li l-monti jiġi trasferit. Il-bejjiegħa ffirmaw petizzjoni fejn urew il-kunsens tagħhom li l-monti jmur temporanjament fi Triq tal-Plieri. Il-bejjiegħa li qablu ma’ dan kienu aktar minn 90%. Huma ffirmaw petizzjoni biex juru l-pożizzjoni tagħhom. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat sejjer jiprovdi servizz ta’ trasport, minn misraħ il-parroċċa għal tal-Plieri. Dan sejjer ikompli jaqdi lir-residenti u jgħin lill-bejjiegħa. L-iskop tagħna huwa li l-proġett jitwettaq fl-anqas żmien possibbli, mingħajr ma’ jkun ta’ wisq inkonvenjent. Iżda nifhmu li kulħadd irid jagħti s-sehem tiegħu. Dan il-proġett irid ikun lest fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat sejjer ikompli jaħdem bi sħiħ fuq proġetti simili. Bil-għan li jkompli jtejjeb il-ħajja tar-residenti, jgħin lill-komunità kummerċjali u jkompli jagħti spinta lis-settur turistiku fil-lokal.

Bħala sindku ta’ din il-lokalità nirringrazzja lil dawk li kienu ta’ fejda bl-ideat u s-suġġerimenti tagħhom. 

More in Ittri