Ittri Il-punt Blogs

Ittri tat-3 t'Awwissu 2014

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Ibagħtu l-ittri tagħkom fuq [email protected] jew Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann

4 t'Awwissu 2014 12:57
Flok ma nkomplu nisimgħu ċuċati!

Lino Ellul

San Ġwann

Jekk b’fidi assoluta jiena nemmen fi Kristu bħala Alla Bin il-Missier kif ukoll bħala Alla u bħala Bniedem Bin il-Verġni Marija; żgur li jiena nemmen ukoll li fil-Knisja li waqqaf l-istess Kristu minn dejjem kienu jeżistu u għadhom jeżistu l-piki u l-ambizzjonijiet, li allura dawn wasslu għal firdiet kbar fostna l-Kristjani! Iżda għalija żgur li dan ma jfissirx li din id-diżordni fil-Knisja ta’ Kristu jaħti għaliha Kristu!

Illum f’pajjiżna qed nisimgħu ħafna tfesfis dwar it-tmexxija tal-Knisja Kattolika li mhux qed jagħmel ġid fil-Knisja ta’ Kristu f’pajjiżna! Aktar u aktar meta skont il-ġurnal ILLUM tad-29 ta’ Ġunju, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2014, dan it-tfesfis fil-miftuħ u ferm perikoluż, qed isir minn xi saċerdoti ministerjali!

Jiena għandi rispett assolut lejn is-saċerdoti ministerjali kollha, għaliex dawn kollha jirrappreżentaw lil Kristu, dawn kollha jaħfru d-dnubiet f’isem Kristu u dawn kollha jikkonsagraw il-ħobż u l-inbid fil-ġisem u fid-demm ta’ Kristu, f’isem Kristu! U jekk allura jiena ma nista’ qatt nippretendi minn dawn is-saċerdoti l-perfezzjoni u l-qdusija li kellu Kristu, żgur li b’daqshekk ma jfissirx li jiena nista’ nippretendi li xi saċerdoti ministerjali għandhom ikun xewka fil-Knisja ta’ Kristu!

Għalhekk żgur li jiena ma nista’ qatt nippretendi, li jiena jew xi ħadd fostna għandu jindaħal min għandu jkun l-Arċisqof tad-Djoċesi ta’ pajjiżna, jew min għandu jkun il-Kappillan tal-Parroċċa tagħna! 

Fil-fatt bir-rispett kollu nixtieq ngħid lil dak is-saċerdot li skont Illum tat-13 ta’ Lulju “qed iqaddes biex jimla l-vojt” li dan suppost li jaf, li la l-Ewkaristija u l-anqas ħadd minn dawk il-ministri staordinarji li qed iqarbnu fl-isptar Mater Dei u fl-isptar Karin Grech, ma jistgħu qatt jaħfru d-dnubiet tal-morda tagħna; u meta allura l-esperjenza b’ħames ġimgħat fl-isptarijiet għallmitni, li fiż-żewġ sptarijiet tagħna hemm nuqqas kbir ta’ saċerdoti ministerjali, (qabel ma jkompli jkun tard u tard wisq) ikun ferm aħjar għalih u għal ħafna saċerdoti oħra bħalu, jekk dawn imorru jieħdu ħsieb lil dawk ix-xjuħ fostna li jinsabu viċin biex jidħlu fl-eternità; flok ma nkomplu nisimgħu aktar ċuċati!

 

Residenti ta’ Marsaskala fil-periklu

Resident imxebba

Albert Bugeja

Wied il-Għajn

Dan l-aħħar qed ikun innutat li tal-ħwienet fi Triq ix-Xatt f’Marsaskala qed joħorġu l-imwejjed bis-siġġijiet taħt il-bankini. Qed jitpoġġew tabelli ‘Reserved’ fil-post fejn is-soltu jipparkjaw il-karozzi taħt il-bankini. Dan qed isir fi tmiem il-ġimgħa.

Donnu li tal-ħwienet mhux biżżejjed li qegħdin jingumbraw il-bankini b’mod li n-nies ma jkunux jistgħu jgħaddu minn fuq il-bankini, imma issa qed jazzardaw ukoll ipoġġu l-imwejjed u s-siġġijiet anke taħt il-bankini. Dan ifisser ukoll li min jgħaddi min-naħa tal-ħwienet ikun irid jgħaddi minn nofs it-triq b’riskju kbir għalih.

Mhux hekk biss, imma barra milli hu ta’ riskju kbir għan-nies, huwa wkoll riskju għal dawk li jkunu fuq dawn l-imwejjed u siġġijiet. Għaliex filwaqt li dawn ikunu fuqhom, minn ħdejhom, u biex ngħid hekk imissu magħhom, jgħaddu wkoll il-karozzi. 

Min hu responsabbli għal dan? Il-Pulizija jew id-Dipartiment tal-Lands? Ma nafx min minnhom, qiegħed jiġġennen biex jagħti permessi bħal dawn. U min hu responsabbli għandu jerfa’ r-responsabbiltà għaliex illum jew għada se jkun hemm inċidenti żgur. 

Jekk min qed joħroġ l-imwejjed u s-siġġijiet taħt il-bankini qed jagħmel hekk b’abbuż, jiġifieri mingħajr permess tal-Pulizija jew ta’ xi awtorità oħra, allura għandhom jittieħdu l-passi kollha stipulati fil-liġi. Mhux biżżejjed li jingħataw twissijiet. Twissijiet ingħataw biżżejjed f’Wied il-Għajn fejn jidħlu żgumbramenti ta’ bankini. Imma wasal iż-żmien li jittieħdu l-passi skont kif stipulati fil-liġi. Huma min huma dawk li jabbużaw.

Dan mhux qed ngħidu b’vendikazzjoni. Imma għaliex ir-residenti issa xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom b’dawn il-kummiedji kollha li qed iseħħu f’Wied il-Għajn. Nispera li l-ilment tar-residenti u ta’ dawk li jinżlu Wied il-Għajn għall-mistrieħ ma jaqgħux fuq widnejn torox.

Issa nistennew u naraw x’serjetà hawn fil-pajjiż. Bil-kliem nisimgħu ħafna fuq kemm aħna serji. Issa wasal iż-żmien li l-paroli jissarraf f’fatti.

Alleanza mhux iddikjarata

Michael Camilleri 

Birkirkara

It-tieni disfatta kbira wara l-oħra li sofra l-PN fl-elezzjoni tal-MEPs ta’ Mejju, ikkonfermat kemm qiegħda dejjem tikber l-isfiduċja tal-poplu fil-partit tal-Oppożizzjoni. Għalhekk l-istrateġisti Nazzjonalisti raw li aħjar jibdlu d-dehra u t-ton tal-partit, biex inessu l-iskandli li twettqu fl-era tagħhom fil-gvern. Intebhu wkoll li jaqblilhom jabbandunaw it-tattika negattiva u distruttiva, li kompliet tiskreditahom kemm ilhom fl-Oppożizzjoni.

Inqatgħu ħesrem id-diskorsi tal-kap tal-partit, li kienu mimlija tgħajjir baxx kontra l-gvern u l-uffiċjali li jikkoperaw miegħu. Id-deputati Nazzjonalisti jidher li baxxew leħinhom u qegħdin jevitaw dehriet fi programmi politiċi ma’ kelliema Laburisti.

Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li b’daqshekk tal-PN sejrin iħallu lill-gvern Laburista jmexxi bla tfixkil skont il-mandat elettorali li tagħtu l-maġġoranza ta’ 53% tal-poplu! Bit-tattika l-ġdida se jikkalmaw wiċċ l-ilma, bla ma jnaqqsu l-entużjażmu tal-għaddasa alleati, li għandhom lesti li jqanqlu l-ilma jobrom taħt il-bastiment tal-istat immexxi mill-PL. Din it-tattika tidher li diġà bdiet tattiva l-forzi moħbija tas-soltu għal kontra l-gvern tal-PL. Diġà rajna ċaqliq anti-Labour, minn ċerti unjins, NGOs, korpi, istituzzjonijiet, u mezzi tax-xandir, li lkoll jilgħabuha tal-indipendenti.

Xi NGOs u korpi magħrufa bdew ifittxu rqaqat makakki li jnisslu dubji f’riformi li qed jagħmel il-gvern b’viżjoni progressiva.

Istituzzjonijiet statali bdew joġġezzjonaw għal atti tal-gvern, li qatt ma kienu jidhru fihom qabel.

UHM u MUBE qegħdin jheddu servizzi pubbliċi essenzjali, billi jiżirgħu firda fost il-ħaddiema u diżgwid industrijali, fl-azjendi MPT u BOV.

Servizzi kruċjali statali qegħdin jiġu perikolati mill-assoċjazzjoni universitarja UMASA u xi għaqdiet ta’ professjonisti, li b’għemilhom qishom iridu jipprovokaw protesti mill-istudenti u minn xi kategoriji oħra ta’ ċittadini.

Ħafna qegħdin jistenbħu mir-raqda twila ta’ matul il-leġislaturi kollha tal-PN. Tassew ħasra l-ħsara li xi alleanzi qegħdin jagħmlu lir-reputazzjoni ta’ entitajiet importanti fit-tmexxija tal-pajjiż.

Milli rajna s’issa jidher li dawn l-alleati fidilissimi se jkomplu jqawwu l-buffuri tal-mewġ taħt il-vapur tal-istat immexxi mill-PL. Stennewhom jilagħbu b’kull virgola tal-liġi u jfittxu x-xagħra fl-għaġina, għal kull tentufa fi tista’ tqajjem għagħa fuq xejn, kontra l-gvern.

B’din it-tattika li jnessu l-iskandli kbar tal-era Nazzjonalista, se jirnexxilhom jagħtu l-impressjoni falza li huma anġli fl-art, bħalma kienu għamlu fl-1987? Taħt il-ħalel li jridu jqajmu bl-appoġġ tal-alleanza strateġika mhux iddikjarata, tgħid tal-PN jistgħu jaħbu l-politika negattiva u ta’ mibgħeda, li għandhom verament f’qalbhom?

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook