Editorjal | Xbajna bil-paroli. Ngħidu le għar-regħba tal-ispekulaturi

Hemm limitu għal kollox u naħsbu li forsi f’dan il-mument, fejn familji kienu daqstant viċin il-mewt, huwa l-waqt li nagħmlu r-riformi 

Dak li ġara fi Gwardamangia huwa sintomu ta’ pajjiż li fetaħ il-bibien għal żvilupp bla rażan.

Żvilupp li huwa xprunat minn permessi, mingħajr kas tal-effetti li jistgħu jitħallew fuq bosta fatturi.

Konna nitkellmu fuq l-impatt estetiku, ambjentali u l-mod kif dan il-bini kollu qed iħassar il-karattru ta’ Malta u Għawdex. Hawn kilba kbira ddominata minn politika żbaljata li tagħtina l-liċenzja li nagħmlu li rridu biex tikber l-ekonomija. 

Laissez-faire, fejn min għandu l-flus jibqa’ għaddej u min ma għandux lanqas vuċi ma jkollu.

Dan kollu ma setax kien aktar illustrat mill-fatt li issa anki l-ħajja tan-nies saret bla valur.

Skavar bla rażan, żvilupp mgħaġġel u kostruzzjoni bla tmiem. U hekk seħħ it-tielet inċident li juri kif id-dinja tal-kostruzzjoni tiġi taqa’ u tqum.

Il-Gvern permezz tal-aġenziji tiegħu għandu responsabbilità kbira. Fl-opinjoni tagħna, abdika minn din ir-responsabbilità u ma rax kemm il-politika favur min jikkostruwixxi hija żbaljata u short term.

Is-soluzzjoni hija bidla radikali ta’ kif l-Awtorità tal-Ippjanar topera. Il-permessi saru qishom pastizzi u t-theddid tal-art jew inkella l-użu ta’ kull ċentimetru sar redikolu

Politika li hija bbażata fuq ir-regħba ta’ min irid jagħmel flus anki jekk jintilfu ħajjet in-nies. 

F’din il-kawlata kollha l-ewwel ħati huwa l-Gvern li abbraċċja politika ta’ permessi bl-addoċċ lil kull min irid iwaqqa’ dar jew djar.

Il-problema mhix biss li għandna spekulaturi irresponsabbli, persuni fil-proprjetà kapriċċużi, aġenżiji reqdin u pulizija bla interess, iżda li għandna policies skabrużi u żbaljati.

Huwa interessanti li tisma’ li l-Prim Ministru ħabbar li l-iskavar u t-twaqqigħ ta’ djar jew bini se jieqaf, imma din mhix is-soluzzjoni.

Is-soluzzjoni hija bidla radikali ta’ kif l-Awtorità tal-Ippjanar topera. Il-permessi saru qishom pastizzi u t-theddid tal-art jew inkella l-użu ta’ kull ċentimetru sar redikolu.

Għandna wkoll sitwazzjoni fejn is-saħħa monetarja tal-bini u dik tal-ispekulaturi tant hija kbira li l-Gvern huwa beżgħan li jieħu azzjoni biex inaqqas jew inkella jbiddel il-policies.

Dan il-pajjiż mhux ġungla biss imma baħar ta’ konkrit mingħajr pjan u b’filosofija waħda: jekk hemm proġett li se jrendi l-flus, it-tradizzjoni hija li jiġi rredikolat jew irriġettat kwalunkwe forma ta' kritika.

Mid-dehra ninsabu lesti biex inbigħu lil pajjiżna u lill-gżejjer tagħna biex erba’ sinjuri jsiru aktar sinjuri

Użajna l-kelma regħba, imma aħna ngħidulha wkoll injoranza u nuqqas kbir ta’ apprezzament għall-kultura ta’ pajjiżna.

Jeħtieġ li nqumu mir-raqda li qegħdin fiha u ngħidu le għall-istupru ta’ pajjiżna. Il-flus importanti imma mhumiex kollox.

Mid-dehra ninsabu lesti biex inbigħu lil pajjiżna u lill-gżejjer tagħna biex erba’ sinjuri jsiru aktar sinjuri. Kemm se jagħmlu flus? Tara safrattant anke l-atteġjament ta’ nies bħal Joe Portelli li Alla jbierek kieku jista’ anke triq fil-baħar jagħmel.

Imbagħad hemm il-mistoqsija importanti ta’ minn fejn ġejjin il-flus. Alla jbierek, fejn huma l-investigazzjonijiet fuq l-oriġini ta’ miljuni kbar? Wisq intriċċi u wisq ħabi.

Hemm limitu għal kollox u naħsbu li forsi f’dan il-mument, fejn familji kienu daqstant viċin il-mewt, huwa l-waqt li nagħmlu r-riformi u ngħidu le għal aktar distruzzjoni u stuprar.

Ejja flimkien nagħrfu x’inhuma l-problemi u x’inhuma s-soluzzjonijiet.

More in Politika