Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Master plan Ewropew biex negħlbu l-kanċer

Nagħmlu żball jekk naħsbu li d-deciżjonijiet tas-saħħa huma xogħol il-membri stati biss

Francis Zammit Dimech / 15 ta' Mejju 2019 12:00
Is-saħħa hi kollox u mingħajrha ma aħna xejn. Matul is-snin bnejna servizzi nazzjonali tas-saħħa tajbin iżda l-iżviluppi li jsiru fil-qasam tas-saħħa jfissru li rridu nkomplu ninvestu f’dan il-qasam b’mod kontinwu.

Apparti d-dijabate fil-ħidma tiegħi, fi ħdan il-Parlament Ewropew poġġejt il-ġlieda kontra l-kanċer bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħi u servejt bħala membru tal-grupp ta' Membri Parlamentari Ewropej kontra l-kanċer.

Ta’ kull sena f’pajjiżna jkun hemm 2000 każ ġdid ta’ kanċer u 900 mewta. Rari nidħol ġo xi dar u l-qasam tas-saħħa ma jkunx diskuss inkluż il-kanċer. Kien għalhekk li fl-aħħar xhur fassalt 30 proposta konkreta biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer.

Fost il-proposti hemm li l-Gvern jikkunsidra population based screening tal-kanċer tal-prostata u li jkun hemm reġistri tal-kanċer estensivi u skambju ta' informazzjoni bejn membri stati tal-Unjoni Ewropea biex jittieħdu azzjonijiet ibbażati fuq informazzjoni vasta minn min joħloq il-politika, ir-riċerkaturi u l-professjonisti tas-saħħa.

Issa se nressaq dawn il-proposti fuq livell Ewropew biex permezz ta' masterplan Ewropew naħdmu sabiex inġibu flimkien ir-riżorsi kollha fl-Ewropa inkluż l-għerf u s-sejbiet tar-riċerkaturi biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer. Nemmen li flimkien nistgħu nsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer.

Dan il-pjan jinkludi strateġija Ewropea biex intejbu b'mod qawwi l-prevenzjoni, strateġija biex intejbu dijanjosi tal-kanċer fi stadju bikri, investiment kbir fir-riċerka tal-kanċer inkluż dak li jolqot lit-tfal, niffaċilitaw skambju ta' informazzjoni bejn ċentri għar-riċerka u tas-saħħa madwar l-Ewropa billi nagħmlu użu mill-għodda diġitali filwaqt li nassiguraw privatezza tal-pazjenti, naċċertaw l-ogħla livell fiċ-ċentri tal-kura tal-kanċer, u ngħinu aktar lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer.

"Is-saħħa dejjem kienet prijorità għall-Partit Nazzjonalista. Fil-manifest elettorali tiegħu, il-PN qed jipproponi skambju ta' informazzjoni, titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta' programmi ta' screening..."
Permezz tal-Unjoni Ewropea, irnexxielna noffru lill-poplu Malti u Għawdxi ċentru tal-onkoloġija tal-ogħla kwalità. Din il-ġimgħa żort iċ-Ċentru tal-Onkoloġija fejn iltajt mal-pazjenti u mal-professjonisti tant iddedikati.

Fi kliemhom stess qaluli li dan mhux xogħol li jgħodd għal kulħadd, trid tkun iddedikat. Matul din iż-żjara stajt nara b’għajnejja kif l-Unjoni Ewropea għamlet differenza fis-settur tas-saħħa f’Malta. Issa rridu nkomplu nibnu fuq dan ir-riżultat biex naħsdu aktar frott tal-isħubija fl-Unjoni Ewropea.

Is-saħħa dejjem kienet prijorità ghall-Partit Nazzjonalista. Fil-manifest elettorali tiegħu, il-PN qed jipproponi skambju ta' informazzjoni, titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta' programmi ta' screening, investiment akbar fir-riċerka tal-kanċer, aċċessibbilità akbar tal-ehealth, li tkun assigurata kwalità tajba tal-ikel li jkun disponibbli fis-suq u li jkun hemm implimentazzjoni fil-ħin tal-iskema tal-frott u ħaxix li jitqassam b'xejn fl-iskejjel, miżuri li huma kollha importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Anke l-manifest tal-Partit Popolari, li tiegħu hu membru il-PN jitkellem dwar is-saħħa u jagħmel impenn favur investiment fl-innovazzjoni - xi ħaġa li hi wkoll neċċessarja biex niġġieldu l-kanċer.

Anke Manfed Weber, l-ispitzenkandidaten, jew il-kandidat ewlieni tal-Partit Popolari Ewropew għall-President tal-Kummissjoni Ewropea poġġa l-ġlieda kontra l-kanċer bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu. Weber, li kien fostna l-Ħadd li għadda waqt il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN spjega kif hu jemmen li flimkien nistgħu negħlbu l-kanċer. Jien irrid naħdem spalla ma’ spalla ma’ Weber fuq l-ambizzjoni tiegħu li jqiegħed is-saħħa bħala prijorità tal-Unjoni Ewropea.

Il-messaġġ ta’ Weber hu ‘The Power of We’ (is-saħħa tal-għaqda) li jmur kontra n-nazzjonaliżmu u l-popoliżmu. Dan hu anke l-messaġġ li qed jagħti l-PN meta jgħid Flimkien għal Pajjiżna. Iva, flimkien biex intejbu l-ħajja tan-nies, iva flimkien bħala Ewropew, f’dak li dejjem emminna.

Nagħmlu żball jekk naħsbu li d-deciżjonijiet tas-saħħa huma xogħol il-membri stati biss. Kif qal il-Kummissarju tas-Saħħa preżenti f’laqgħa li kelli miegħu, l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti u rridu naraw li kif għamlet f’oqsma oħra, l-Unjoni Ewropea tkompli tintuża bħala għodda biex ittejjeb il-ħajja tan-nies. L-impenn tiegħi hu li jekk ningħata mandat ieħor inkompli naħdem biex nindirizza l-isfidi li hemm fil-qasam tas-saħħa bl-għan li ntejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Francis Zammit Dimech hu kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook