Editorjal | Trasport: bejn titjib, toroq u bżonn ta’ metro

M’hemm xejn bħalissa, jew għallinqas xejn konkret biżejjed, li qed jidiżinċentiva lin-nies milli jużaw l-karozzi u minflok jużaw it-trasport pubbliku

Kontinwament waħda mill-akbar uġigħ ta’ ras li jiffaċċjaw diversi persuni f’Malta huwa t-traffiku. It-traffiku f’dan il-pajjiż m’għandux kawża waħda, għandu bosta.

Ċertament li l-akbar kawża hija ż-żieda fin-numru ta’ karozzi f’dan il-pajjiż, primarjament minħabba l-‘kultura tal-karozza’ jiġifieri dan il-faxxinu nazzjonali illi mal-ewwel sigħat tat-18-il sena f’ħajtek trid tixtri karozza u kemm jista’ jkun tkun karozza mill-isbaħ li tkun bħal simbolu tal-ġid u l-poter tiegħek. Hawn min imur fl-estrem u saħansitra lill-karozza jagħtiha isem jew ikellimha, imma għall-grazzja t’Alla dawk huma l-eċċezzjonijiet. 

It-tieni kawża hija l-kultura tal-għażż. Jekk sejjer il-knisja, bil-karozza, jekk s’għand il-grocer bil-karozza, jekk trid tammira l-kampanja, mhux timxi fiha (ma tarax!!), tmur b’karozza u ssuq. Din l-idea, li jkollna nammettu li hija popolari, illi dak li tista’ tagħmel b’karozza, aħjar milli tagħmlu b’saqajk. Imbagħad nistagħġbu għax għandna rati għoljin ta’ obeżità.

It-tielet kawża hija dik li mhux relatata mal-inizjattiva tal-individwu, imma marbuta mar-rieda tal-istat, Gvern wara ieħor, wara ieħor wara ieħor, ma ridux jidhru koroh u ma ridux jitilfu voti. Allura ma sarx ippjanar! Tela’ l-bini kullimkien, issa qed intellgħu l-isky scrapers ukoll, imma kemm it-toroq jifilħu għal dawn il-karozzi kollha u għaż-żieda fil-karozzi li se jġibu magħhom, dik nittratawha qisha addendum għas-suġġett, bħala xi ħaġa sekondarja. Minflok ippjanar kellna partiti fl-Oppożizzzjoni li użaw liċenzji ogħla bħala ballun politiku, minflok kellna partiti li akkost ta’ kollox riedu jintgħoġbu ma’ dawk li jġibu l-karozzi u dawk li jsuquhom.

Qed inwessgħu t-toroq u fil-proċess neqirdu aktar art għammiela, naqtgħu aktar siġar u ninkoraġixxu aktar karozzi

U x’inhi r-risposta għal dan kollu? Qed inwessgħu t-toroq u fil-proċess neqirdu aktar art għammiela, naqtgħu aktar siġar u ninkoraġixxu aktar karozzi! Soluzzjoni li se tibqa’ tajba biss għal ftit żmien, sakemm anke t-toroq ikbar ma jkunux jifilħu u jkollna bżonn nerġgħu nwessgħu!

Inraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar!

M’hemm xejn bħalissa, jew għallinqas xejn konkret biżejjed, li qed jidiżinċentiva lin-nies milli jużaw l-karozzi u minflok jużaw it-trasport pubbliku, li mbagħad iwassalna għar-raba’ kawża.

It-trasport pubbliku għamel progress qawwi matul dawn l-aħħar snin, progress li ntlaħaq b’aktar puntwalità ta’ aktar rotot u app li tgħidlek fiex waslet tal-linja. Kuntrarjament għar-romatiċizzar ta’ wħud għas-sistema antika, dan jimmarka titjib enormi mis-sitwazzjoni fejn persuna kient tmur  fuq stejġ u lanqas kien ikollha idea jekk tal-linja hix se tgħaddi jew le!

Minkejja dan, it-titjib xorta għadu mhux biżżejjed. Hemm rotot li minn issa, għadna f’Marzu, diġà qed ibatu minn iffullar f’ħafna mill-ħinijiet tal-ġurnata. Immaġina kif se nkunu minn Ġunju lil hemm.

Is-sistema għad fiha lakuni li jeħtieġu jimtlew. Iktar faċli tmur mill-Imġarr sal-Mosta, milli mill-Imġarr sax-Xemxija għax bejn dawn tal-aħħar tal-linja waħda hemm. Bejn San Ġwann u n-Naxxar, bi triq waħda biss tifridhom, jgħaddu d-diretti biss (tlieta kull siegħa – jiġifieri jekk titlifhom jaf iddum tistenna aktar minn nofs siegħa). Bejn Birżebbuġa u Marsaxlokk l-istess, jaqbillek timxiha jew issuqha. Naturalment dawn huma affarijiet li jistgħu jitranġaw  b’aktar vjaġġi.

Jiġifieri għad hemm xi jsir, għalkemm sar ħafna u sar progress.

It-titjib xorta għadu mhux biżżejjed. Hemm rotot li minn issa, għadna f’Marzu, diġà qed ibatu minn iffullar f’ħafna mill-ħinijiet tal-ġurnata. Immaġina kif se nkunu minn Ġunju lil hemm

Naturalment imbagħad il-poplu jeħtieġ jifhem l-kunċett ta’ trasport pubbliku. L-ebda trasport pubbliku fid-dinja ma jwaqqfek eżatt quddiem il-parapett tad-dar. Billi nimxu ħames minuti, jekk inkunu nifilħu, mhux se niżlugaw!

Il-metro, jekk ġeoloġikament possibbli, tibqa’ l-aqwa soluzzjoni għal dan il-pajjiż. Magħha naturalment tibqa’ ddur is-sistema tat-trasport pubbliku, kif jiġri kullimkien fid-dinja, speċjalment fi bliet kbar bħal Londra.

Il-PM qal li għaliha hemm bżonn iktar taxxi, ironikament dak li Gvern Laburista ilu jevita li jagħmel permezz ta’ fondi mill-UE u Public Private Partnerships.

Ċerti illi ladarba xtrajna l-isem kummerċjali, nistgħu nibdew inħarsu lejn possibilitajiet biex inwettqu dak li jista’ jkun l-akbar proġett infrastrutturali li qatt rat Malta, mill-Indipendenza ’l hawn.

Bi proġett bħal dan lest, b’10 minuti jew 20 l-aktar biex taqsam Malta, il-Gvern imbagħad ikollu l-lussu li jidiżinċentiva l-użu tal-karozzi.

More in Blogs