Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Il-politika dwar it-trasport: aġenda moħbija?

Carmel Cacopardo jistaqsi għalfejn il-Gvern qed iwessa t-toroq flok jaħdem biex inaqqas il-karozzi

Carmel Cacopardo / 3 t'April 2019 11:01
Il-Gvern kontinwament jibgħat sinjali kontra xulxin fuq kulma għandu x’jaqsam mal-politika dwar it-trasport. Sinjali li jvarjaw skont min ikun qiegħed jisma’.  Lura f’Settembru 2017 Joseph Muscat kien iddikjara li kienet il-politika tal-Gvern immexxi minnu li f’data fil-viċin kien ser jieħu passi biex fil-pajjiż ma jibqgħux jiġu impurtati karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diżil.  Price Waterhouse Coopers jidher li ġew imqabbda biex iħejju rapport dettaljat dwar dan. 

Minn dan is-sinjal ċar tistenna li toħroġ konklużjoni loġika.  Għax jekk ser jibda l-proċess biex fit-toroq tagħna ma jkollniex iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diżil, xi bżonn għandna tal-pompi tal-petrol u d-diżil iktar milli diġà għandna? Il-logika twasslek biex tikkonkludi li tal-inqas ikollna waqfien immedjat u allura ma joħorġux permessi iktar għal pompi ġodda.

Minflok dan, iżda, ġara eżattament bil-maqlub. F’daqqa waħda kellna attività bla preċedent b’numru ta’ applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol u d-diżil iktar minn qatt qabel. L-applikanti, bla ebda dubju huma konxji minn dak li qal il-Gvern dwar fejn irid jasal. Għalfejn jissugraw investiment kapitali sostanzjali biex jiżviluppaw pompa li għaliha ma jkun hemm l-ebda użu hekk kif il-miri tal-Gvern jintlaħqu?

Il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport 2025 kien imfassal għall-amministrazzjoni preżenti mill-konsorzju Italo-Spanjol  Ineco-Systematica u ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan il-pjan jenfasizza li l-politika dwar it-trasport f’Malta u l-ippjanar konness magħha ma tħarisx fit-tul.

"Flok ma jaħdem biex inaqqas il-karozzi mit-toroq, il-Gvern għaddej bi programm biex jinkoraġixxi l-oppost: twessigħ ta’ toroq, flyovers u eżerċizzju sfrenat biex it-toroq tiżdidilhom il-kapaċità li jifilħu iktar u iktar karozzi"
Biex ikun ċar daqs il-kristall il-pjan jgħid hekk: “In-nuqqas ta’ importanza li ngħata lill-ippjanar fit-tul ifisser li ma hemmx pjan integrat ibbażat fuq analiżi b’miri ċari. Dan wassal f’nuqqas ta’ direzzjoni strateġika kif ukoll fin-nuqqas ta’ kapaċità li jkunu indirizzati materji diffiċli bħal dik dwar il-kontroll tal-użu ta’ karozzi privati.”

Biex jassigura ruħu li dan il-messaġġ jasal, il-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport jenfasizza li  “Hemm reżistenza qawwija għall-bidla fis-soċjetà Maltija. Dan jikkuntrasta b’mod qawwi mal-ħtieġa li tinħass fil-komunità biex ikunu indirizzati l-problemi tat-traffiku, kemm dawk tal-lum kif ukoll dawk ta’ għada.  Dan iwassal biex is-sewwieq Malti jippretendi li ħaddieħor jibdel l-attitudnijiet tiegħu ħalli hu jew hi tkun tista’ tibqa’ ssuq il-karozza.”

Il-Pjan Nazzjonali tat-Trasport imbagħad jidħol fid-dettall fuq il-miri operattivi dwar it-trasport fuq l-art, bl-ewwel mira tkun biex tkun ipprovduta alternattiva għall-karozzi privati  ħalli b’hekk tkun inkoraġġita l-mobilità sostenibbli u allura tonqos id-domanda għall-karozzi privati fiz-zona madwar il-port li hi suġġett għal konġestjoni sostanzjali.

Għalfejn il-Pjan Nazzjonali jidentifika dan l-oġġettiv speċifiku?  Dan qed isir biex ma jkun hemm l-ebda ambigwità. Il-Pjan Nazzjonali nnifsu jispjega dan kollu b’mod mill-iktar ċar, iswed fuq l-abjad.  “Dan l-oġġettiv ġie żviluppat minħabba li l-informazzjoni miġbura turi li madwar ħamsin fil-mija tal-vjaġġi jdumu inqas minn kwarta, li jindika li l-mobilità hi waħda lokali  u fuq distanzi qosra. Dan joħloq il-possibilità li tiġi inkoraġġuta ż-żieda fil-mixi u l-użu tar-rota.”

L-affarijiet ma jistgħux ikunu ċari iktar minn hekk. Id-distanzi qosra biex naslu prattikament kullimkien hi element bażiku li fuqha u madwarha għandha tinbena l-politika tat-trasport f’Malta. Jekk dan ninjorawh nibqgħu nagħmlu l-ħsara lilna nfusna.

Jekk verament irridu nnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna, is-soluzzjoni hi waħda ċara: għandna nindirizzaw il-kawża ta’ dan kollu u nnaqqsu l-użu tal-karozzi privati għax għad-distanzi żgħar li għandna f’pajjiżna, fir-realtà ftit li xejn għandna bżonnhom.

Imma flok ma jaħdem biex inaqqas il-karozzi mit-toroq, il-Gvern għaddej bi programm biex jinkoraġixxi l-oppost: twessigħ ta’ toroq, flyovers u eżerċizzju sfrenat biex it-toroq tiżdidilhom il-kapaċità li jifilħu iktar u iktar karozzi.

Għafejn? X’inhi l-aġenda moħbija?

Carmel Cacopardo huwa Chairperson tal-Alternattiva Demokratika

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook