Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Marie Louise Coleiro Preca u George Vella

Dun Anġ Seychell isellem lill-President Coleiro Preca u jifraħ lil George Vella

Dun Anġ Seychell / 28 ta' Marzu 2019 10:05
Se nibda b’min se jtemm il-kariga tagħha bħala President ta’ Malta. Ngħidilha grazzi tal-ħidma tagħha l-ewwel bħala ministru u mbagħad bħala l-ewwel ċittadin tal-pajjiż. Grazzi għax it-tnejn qdiethom tajjeb u għamlet ħafna ġid għax qdiet il-ġid komuni tal-poplu Malti.

Marie Louise kienet popolari kemm bħala deputata bl-eluf ta’ voti li kienet tikseb

kull darba li ħarġet għall-elezzjoni kif ukoll bil-mod kif għaqqdet il-poplu Malti bid-dedikazzjoni tagħha għas-servizz tal-kategoriji kollha tas-soċjetà Maltija.

Jiena kelli x-xorti li nkun nafha mill-qrib lil Marie Louise. Ħassejtni onorat meta talbitni nieħu sehem bħala konċelebrant fiċ-ċerimonja reliġjuża taż-żwieġ tagħha ma’ żewġha Edgar Preca. Sirt naf kemm kienet bieżla fil-qadi ta’ dmirijietha u kemm dejjem fittxet li tkun qrib in-nies. Żaret diversi drabi d-djar tal-Fondazzjoni Nazareth u fiha dejjem sibna l-għajnuna prattika tagħha f’kulma konna neħtieġu u dejjem laqgħetna fil-palazz tagħha ta’ San Anton.

"Marie Louise ma għamlitx għajb lill-presidenti ta’ qabilha, kienu min kienu; kollha ħarsu l-għaqda bejn il-kategoriji kollha tal-komunità Maltija"
Kienet it-tieni mara li qdiet lil pajjiżha bħala president u għamlet ħilitha biex iġġib ’il quddiem l-interessi ta’ Malta nsiet lilha nfisha bid-dedikazzjoni tagħha kemm fost il-poplu tagħna kif ukoll meta marret tirrappreżenta lil Malta f’pajjiżi oħra u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Marie Louise ma għamlitx għajb lill-presidenti ta’ qabilha, kienu min kienu; kollha ħarsu l-għaqda bejn il-kategoriji kollha tal-komunità Maltija.

Jiena ċert li Marie Louise għad baqgħalha ħafna enerġija biex tibqa’ taqdi lill-poplu Malti bil-preżenza tagħha fis-soċjetà Maltija. Jiena nawguralha minn qalbi li tibqa’ tkun preżenza ħawtiela u nobbli fis-soċjetà Maltija fi żminijietna. F’isem il-poplu Malti ngħidilha grazzi tas-sehem li tat fi ħdan is-soċjetà Maltija u nawguralha għall-quddiem.

George Vella

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma setax jinnomina bħala President ta’ Malta bniedem li jistħoqqlu l-kariga ta’ President tar-Repubblika aħjar minn George Vella, eks Ministru tal-Affarijiet Barranin.

Fis-snin li fih kien ministru, George Vella ta’ xhieda biżżejjed tal-integrità u tal-konvinzjoni personali u soċjali tiegħu, kif ukoll tal-professjoni tiegħu bħala tabib.

Laqatni ħafna l-kumment li għamel fil-kolonna tiegħu Bla Ħajta l-avukat Joe Brincat:

"George Vella ta’ xhieda biżżejjed tal-integrità u tal-konvinzjoni personali u soċjali tiegħu, kif ukoll tal-professjoni tiegħu bħala tabib"
“George Vella huwa magħruf kemm l-abjad jgħidlu abjad u l-iswed jgħidlu iswed. Jekk għandek raġun se tieħdu miegħu imma jekk ma għandekx raġun, tista’ tkun min tkun għax hu mas-sewwa se jmil...” Tant Dr George Vella kien dejjem dritt li kien hu flimkien ma’ żgħażagħ u oħrajn inqas żgħażagħ li mbuttaw ħalli l-Partit Laburista jkollu fi ħdanu kumitat indipendenti li jeżamina l-membri tal-Partit u jara jekk l-imġiba tagħhom tagħmilx ġieh lill-Partit jew jixraq li dawn in-nies ma jkomplux iċappsu l-partit bl-għemil tagħhom. Hekk beda l-Bord tal-Viġilanza. Lil Goerge Vella niftakru meta hu u l-familja tiegħu kienu ġirien tagħna u kienu joqogħdu fi Triq Sant’Antnin, fiż-Żejtun.

George Vella qatt ma beża’ jmur kontra l-kurrent, ħaġa mhix daqshekk komuni fost il-membri tal-parlament.

Ħadt gost meta sirt naf li n-nomina tiegħu għall-President se tkun approvata unanimament miż-żewġ naħiet tal-Parlament. Se jkun suċċessur denju ta’ Marie Louise Coleiro Preca.

Anke bħala tabib, George Vella mhux minn dawk li jagħtu “a pill for every ill”. Darba smajtu jgħid li hekk jagħmel mal-familja tiegħu u hekk jagħmel mal-pazjenti l-oħrajn.

Aħna ż-Żwieten ninsabu onorati u mkabbrin li dan se jkun il-President il-ġdid ta’ Malta.

Nawguralu u nifraħlu!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook