Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Wasal żmien id-deċiżjonijiet

Joe Ellis jikteb dwar Brexit, ftit sigħat biss qabel vot kruċjali ieħor għall-Gvern Ingliż

Joe Ellis / 11 ta' Marzu 2019 14:49
Wasal il-mument tal-verità għal Theresa May u r-Renju Unit. Tlett iħdud oħra u suppost ir-Renju Unit ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea.  Imma sal-lum, ħadd għadu ma jaf x’ser jiġri eżatt. 

Kollox għadu miftuħ beraħ u r-Renju Unit jista’ joħroġ mill-U.E. bi ftehim jew mingħajr ftehim, jista’ jibqa’ membru jew jista’ anke jkun hemm posponiment ta’ Brexit sakemm jintlaħaq ftehim.  Min kien qatt kien jobsor illi l-proċess biex pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea jkun ferm aktar diffiċli milli sabiex pajjiż jidħol?

Il-proċess ta’ Brexit ċertament ma ġiex megħjun bl-inkompetenza tal-gvern Ingliż u n-nuqqas ta’għaqda nazzjonali.Theresa May għandha ħafna tort għal dan. Kienet hi illi ddeċidiet mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn illi r-Renju Unit joħroġ mis-suq waħdieni u mill-għaqda doganali.  Dan minkejja illi fil-kampanja referendarja kien hemm min wiegħed li dan m’hux ser ikun il-każ. 

Theresa May l-anqas qatt ma ppruvat tilħaq konsensus nazzjonali u qatt ma ppruvat tikkonsulta mal-partiti tal-opposizzjoni ħlief wara li tilfet il-”meaningful vote” f’Jannar b’marġni nkredibbli.  Kieku kellha ftit żejt f’wiċċha kellha tirriżenja wara dan il-vot umiljanti imma minflok ikkomportat ruħha qisu ma kien ġara xejn. Kemm ilha tirrisjedi f’10 Downing Street, Theresa May, minflok ma tfittex kunsens, ippreferiet tikkuntenta liċ-ċirka sittin parlamentari estremisti tal-lemini tal-”European Research Group” illi jippreferu illi r-Renju Unit joħroġ mill-U.E. mingħajr ftehim u l-parlamentari irlandiżi tal-Unjonisti Demokratiċi illi kien waqqaf ir-Reverendu Ian Paisley illi kien jippriedka illi l-U.E. huwa komplott papista! 

l-parlamentari tal-E.R.G. ftit xhur ilu pprovokaw vot ta’ sfiducja fl-istess May illi hija ssuperat biss wara illi kkommettiet ruħha illi twarrab wara Brexit u qabel l-elezzjoni li jmiss.   May illum hi mexxej b’awtorità imma ftit awtorevolezza u jiġri x’jiġri mistennija illi jkollha twarrab fi ftit xhur.  U ftit ser ikunu dawk illi ser jibku t-tluq tagħha.

M’hux għax il-kap tal-Opposizzjoni u kap tal-partit laburista hu wisq aħjar.  Bħal May, Jeremy Corbyn suppost kien fuq in-naħa tar-Remain fil-kampanja referendarja.  Madankollu, hu mpenja ruħu mill-anqas fl-istess kampanja u Corbyn, illi l-eroj politiku tiegħu hu Tony Benn illi kien oppona bil-kbir id-dħul tar-Renju Unit f’dak li kien is-Suq Komuni, qatta’ ħajtu jikkritika l-politika industrijali tal-U.E. Corbyn joħlom illi wara Brexit, ir-Renju Unit ma jkunx imxekkel aktar bir-regoli komunitarji kontra l-għajnuna tal-istat.  Il-kaos li qed tikkawża l-Brexit hu r-riżultat ta’ dan il-vacuum ta’ tmexxija li jeżisti f’Westminster.

"Min jaħseb illi l-farsa tal-Brexit ser tispiċċa dalwaqt m’għandhux għalfejn jinkwieta. Ir-Renju Unit ser jibqa’ maqsum għal snin twal"
Il-qagħda politika fir-Renju Unit hi tassew fluwida u fiż-żewġ partiti l-kbar iffurmaw fazzjonijiet ta’ parlamentari favur u kontra Brexit jew li jemmnu f’forom differenti ta’ Brexit.  Riċentement tmien deputati telqu l-Partit Laburista għal raġunijiet differenti fosthom l-antisemitiżmu illi nfetta lil dan il-partit taħt Corbyn.  Imma fuq kollox minħabba t-titubar dwar Brexit u jekk għandhux isir tieni referendum.  Tlett deputati konservattivi ma damux ma għamlu l-istess. 

Imma t-twelid ta’ l-Independent Group fil-parlament bl-ambizzjoni illi jittrasforma ruħu f’partit politiku illi jokkupa ċ-ċentru tal-ispettru politiku ċaqlaq lil Corbyn sabiex ta’ l-anqas fid-deher beda jsejjaħ għat-tieni referendum u dan sabiex jevita aktar defezzjonijiet.

X’inhi s-sitwazzjoni llum fuq il-front tal-Brexit ?  Wara negozjati ta’ sena u nofs, l-U.E. u l-gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim ta’ 585 paġna li jiddetta t-termini tat-tluq tar-Renju Unit mill-U.E. Fl-opinjoni tiegħi, dan hu ftehim ta’ kompromess illi hu r-riżultat tal-linji ħomor taż-żewġ naħat, dawk tar-Renju Unit illi ma jibqax membru tal-għaqda doganali u tas-suq waħdieni u tal-U.E. illi ma tridx timmina s-suq waħdieni u illi min m’hux membru ma jistax igawdi l-benefiċċji ta’ min hu. 

Dan hu ftehim ta’ transizzjoni illi permezz tiegħu prattikament kollox jibqa’ l-istess sa Diċembru 2020 għalkemm ir-Renju Unit ma jibqax jipparteċipa fl-organi komunitarji. F’dan il-perjodu għandu jiġi negozjat il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-U.E. u r-Renju Unit, impriża ferm ambizjuża,  aktar u aktar meta wieħed iqis il-konfużjoni li tirrenja f’Londra.

Għaldaqstant, sakemm jintlaħaq tali ftehim u sabiex jiġi evitat illi terġa titfaċċa l-fruntiera fil-gżira irlandiża bejn ir-Repubblika li ser tibqa’ fl-U.E. u l-konteji illi għadhom jiffurmaw parti mir-Renju Unit, il-ftehim ta’ tluq jikkontempla li jkun hemm mekkaniżmu li ġie mlaqqam “Backstop”. 

Permezz tiegħu, ir-Renju Unit ser jibqa’ membru tal-għaqda doganali sakemm jiġi konkluż il-ftehim ta’ kummerċ ħieles.  Oriġinarjament, dan il-mekkaniżmu kellu japplika għal Irlanda ta’ Fuq biss imma meta ntlaħaq il-ftehim oriġinali f’Diċembru 2017, l-Unjonisti Demokratiċi irlandiżi, li flimkien mal-avversarji politiċi tagħhom, is-Sinn Fein huma magħrufa għar-ras iebsa tagħhom, oġġezzjonaw illi l-Irlanda ta’ Fuq ġiet ittrattata differenti mill-kumplament tar-Renju Unit. 

Għaldaqstant, ir-Renju Unit kollu spiċċa kopert bil-famuż “backstop”.  Din kienet konċessjoni konsiderevoli da parti tal-U.E. li ma ġietx apprezzata minn min qed jopponi l-ftehim ta’ tluq.

Dawn qed l-aktar joġġezzjonaw għall-fatt illi r-Renju Unit ma jistax joħroġ unilateralment minn dan l-arranġament għalkemm tribunal arbitrali jista’ jippermetti dan jekk jintwera illi l-U.E. ma nnegozjax in bona fede l-ftehim ta’ kummerċ ħieles.  Għaldaqstant huma qed jibżgħu illi r-Renju Unit  ser jibqa’ maqful fl-għaqda doganali sakemm jintlaħaq dan il-ftehim ta’ kummerċ ħieles. 

B’hekk, ir-Renju Unit ma jkunx jista’ jinnegozja ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi oħra illi skond il-mitoloġija tal-hard Brexiteers għandu jseħħ wara Brexit.  Wieħed ma jlumx lil min qed joġġezzjona għal dan il-ftehim għaliex il-konsegwenza mmedjata ta’ Brexit hi illi r-Renju Unit ser jispiċċa minn rule maker u jsir rule taker.  Min bħal Boris Johnson qed jikkritika dan il-ftehim għaliex ser jittrasforma r-Renju Unit f’”vassal state”, pajjiż ikkontrollat għandu raġun biex ibiegħ. 

Imma din hija l-konsegwenza diretta u inevitabbli ta’ Brexit li ma tantx hemm x’wieħed jagħmel dwarha. Ġaladarba ttieħdet dina d-deċiżjoni lloġika bħalma kienet tkun kieku pajjiżna għażel il-mitoloġija mlaqqma “Svizzera fil-Mediterran”, il-konsegwenzi huma ċari u konkreti.  Li jagħmel il-ftehim ta’ tluq hu illi jimminimizza dawn il-konsegwenzi.  U jekk ma jintlaħaqx ftehim il-konsegwenzi ser ikunu ferm serji, speċjalment għar-Renju Unit imma anke għall-U.E. in ġenerali, u għal pajjiżna in partikolari.

X’ser jiġri fil-ġranet li ġejjin ?  F’dawn l-aħħar jiem kien hemm pressjoni kbira mir-Renju Unit sabiex jingħata l-fakultà illi jkun jista’ jitlaq unilateralment mill-”backstop”.  Ħaġa mpressjonanti kienet l-għaqda illi s-27 pajjiż tal-kumplament tal-U.E. wrew f’dawn in-negozjati, fattur illi dwaru l-politiċi tar-Renju Unit immiskalkulaw bil-kbir.  U l-U.E.27 baqa’ jirreżisti dawn il-pressjonijiet u ma ċediex. Ir-riżultat hu illi l-Avukat Ġenerali tar-Renju Unit ma jistax jirrevedi l-parir tiegħu illi m’hux possibli illi r-Renju Unit joħroġ unilteralment minn dan il-”backstop”.

"Brexit m’hi xejn għajr distrazzjoni enormi li ddgħajjef l-Ewropa u speċjalment ir-Renju Unit quddiem it-theddida Russa u Ċiniża u l-arroganza Amerikan"
L-indikazzjonijiet kollha waqt li qed nikteb huma illi Theresa May ser terġa titlef il-vot fil-Commons ta’ nhar it-Tlieta dwar il-ftehim ta’ tluq, forsi b’marġni anqas mill-230 illi kellha f’Jannar. Jekk jiġri dan, l-għada ser jittieħed vot ieħor jekk ir-Renju Unit għandu joħroġx mill-U.E. mingħajr ftehim.  Hu mistenni illi l-Commons jivvota bil-kbir kontra din il-possibilità.  Jekk kollox imur kif mistenni, nhar il-Ħamis ser jittieħed vot ieħor fil-Commons jekk ir-Renju Unit għandux jitlob estensjoni għall-perjodu tal-Brexit. Liema proposta għandha tiġi approvata u possibilment anke emenda illi jittieħed vot populari ieħor.

Jekk jiġri dan, il-gvern ta’ May ikun tilef kompletament il-kontroll tal-proċess tal-Brexit.  Imbagħad iridu jkunu l-U.E.27 illi unanimament jaqblu illi r-Renju Unit jingħata estensjoni.  Jekk l-estensjoni mitluba tmur aktar mill-bidu ta’ Lulju, ir-Renju Unit ikollu jżomm l-elezzjoni għall-Parlament Ewropej.  Donald Tusk diġa esprima ruħu illi estensjoni fit-tul hija l-aktar ħaġa loġika f’dan l-istadju.  Macron, Merkel u oħrajn stqarrew illi jrid ikun hemm raġuni valida għal tali estensjoni bħal per eżempju l-ħtieġa illi jsir referendum ġdid.  Wieħed jistenna illi pajjiżi bħal Spanja ser ikollhom jingħataw konċessjonijiet ġodda fuq Ġibiltà biex jaqblu għal dina l-estensjoni.  Huwa ċar illi bil-Brexit, ir-Renju Unit qed jesponi ruħu għal rikatt mill-kumplament tal-komunità internazzjonali.

Min jaħseb illi l-farsa tal-Brexit ser tispiċċa dalwaqt m’għandhux għalfejn jinkwieta.  Ir-Renju Unit ser jibqa’ maqsum għal snin twal u hemm ċans tajjeb illi ser jiddisintegra.  Brexit m’hi xejn għajr distrazzjoni enormi li ddgħajjef l-Ewropa u speċjalment ir-Renju Unit quddiem it-theddida Russa u Ċiniża u l-arroganza Amerikana.  Ikun xi jkun l-esitu tal-Brexit, ħadd m’hu ser jibqa’ jħares lejn ir-Renju Unit bl-istess mod bħalma kien sa ftit snin ilu.  Din hi l-verità spjaċevoli.

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook