Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Il-każ skandaluż ta’ Andreina Fenech Farrugia

Il-mistoqsija tal-ILLUM hija waħda ċara. Għaliex il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli ma ndunawx b’dan kollu?

Albert Gauci Cunningham / 18 ta' Frar 2019 13:12
Nistgħu ngħidu u naqraw kemm irridu - imma l-fatti huma sagri, inkjesta interna li saret fl-2016 dwar allegazzjonijiet fuq il-kwoti tat-tonn ma wasslitx lill-investigaturi biex jindunaw x’kien qed jiġri. U jekk indunaw żvijaw lil xi ħadd... jew inkella infurmaw lill-politiċi u dawn ma għamlu xejn.

Li żgur kien qiegħed jiġri hu li l-kumpanija li hija ta’ Spanjoli kienet qed tiġi aġevolata. Ma tridx tkun għaref biex tinduna li wara dak li nafu; Andreina Fenech Farrugia żgur ma kinitx qed taħdem biex tfixkel lil dawn il-barranin.

Minn investigazzjoni li saret fl-2016, jidher li Mare Blu, li hija ta’ ċertu Fuentes, ħadmet fil-qrib ma’ Fenech Farrugia. 

Tant hu hekk li apparti li taha mowbajl b’linja Spanjola, kien hemm diskors ċar dwar pagamenti. 

"Ma tridx tkun għaref biex tinduna li wara dak li nafu; Andreina Fenech Farrugia żgur ma kinitx qed taħdem biex tfixkel lil dawn il-barranin"
Kien hemm diskors li jikxef ukoll il-ħbieberija intima ta’ bejniethom. Andreina kienet f’pożizzjoni importanti li tiddeċiedi jew ħa ngħidu ma tfixkilx il-Fuentes. Dan kollu jidher li seħħ. 

Mill-investigazzjonijiet interni li saru fl-2016, jidher ċar li Mare Blu kellhom biċċa mill-kejk mhux ħażin. Ħareġ ukoll li permezz tal-kwoti tat-tonn, kellhom vantaġġ monetarju ta’ €10 miljun fuq l-oħrajn, kumbinazzjoni l-oħrajn huma kumpaniji Maltin. Hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu fuq flejjes żgħar.

Andreina Fenech Farrugia kellha wkoll influwenza fuq id-deċiżjonijiet marbuta ma’ dgħajjes tas-sajd u f’dan ir-rigward kienet attirat l-attenzjoni ta’ investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija.

Il-mistoqsija tal-ILLUM hija waħda ċara. Għaliex il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli ma ndunawx b’dan kollu? U għaliex ma ħadux deċiżjoni ċara?

"Il-mistoqsija tal-ILLUM hija waħda ċara. Għaliex il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli ma ndunawx b’dan kollu? U għaliex ma ħadux deċiżjoni ċara?"
Għaliex wara li Andreina Fenech Farrugia kienet mitluba li ma tibqax f’postha f’amministrazzjoni Nazzjonalista ġiet mitluba biex tkun Direttur Ġenerali fl-2013 taħt amministrazzjoni Laburista?

U jekk kienet taħt xi forma ta’ sorvjelanza, għaliex il-Pulizija jew entitajiet marbuta ma’ din is-sorvjelanza ma infurmawx lill-Gvern b’dawn l-episodji?

Kellha tkun storja riprodotta fil-MaltaToday minn gazzetta Spanjola li wasslet biex Fenech Farrugia tiġi sospiża. 

Imma din is-sospensjoni ma tfisser xejn jekk ma jkunx hemm deċiżjonjiet u kjarifiki mill-awtoritajiet biex b’hekk din l-industrija tingħata xi forma ta’ ġieħ kif inhu mistenni.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook