Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Liġi ġdida għas-settur tal-patrimonju kulturali

Dan l-Att qed ipoġġi lill-Heritage Malta bħala l-entità li wieħed irid jikkonsulta fuq bżonnijiet relatati mal-konservazzjoni u r-restawr

Ministru Owen Bonnici / 23 ta' Jannar 2019 09:58
Din il-ġimgħa fil-Parlament beda jiġi diskuss l-Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, bl-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma biex jirregolaw aħjar il-professjoni tal-konservazzjoni-restawr u fornituri oħra ta’ servizzi kulturali u sabiex jagħmel provvedimenti fir-rigward tal-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma.

Qabel ma nitkellem dwar il-punti l-aktar importanti ta’ dan l-Att, tajjeb li wieħed jifhem l-isfond li ġiet ikkreata fih din il-liġi.

L-Att dwar il-Patrimonju Kulturali ġie fis-seħħ fl-2002 bl-iskop li jtejjeb l-Antiquities Protection Act tal-1925 li kienet il-liġi li fiha kien qed jopera d-Dipartiment tal-Mużewijiet dak iż-żmien. Ir-riżultat ta’ dan l-Att il-ġdid kien bidla maġġuri fl-istruttura tal-entitajiet li jirregolaw il-wirt kulturali sabiex jirriflettu r-realtajiet moderni ta’ dak iż-żmien.

L-aktar bidla notevoli li seħħet kienet biex jitħarsu tliet pilastri importanti: is-sovrintendenza, il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tal-wirt kulturali f’Malta. Permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni, ġie xolt id-Dipartiment tal-Mużewijiet u minfloku ġew kreati erba’ entitajiet oħra. Is-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, iċ-Ċentru Malti tar-Restawr u l-Kumitat tal-Garanzija.

Ir-riżultat ta’ dan kien wieħed ta’ suċċess u nistgħu ngħidu li dan l-Att kien milestone f’dan is-settur f’Malta. Matul dawn is-16-il sena li għaddew nistgħu nħarsu lura u naraw ir-riżultat aħħari u pożittiv f’dan ir-rigward. Imma dan ma jfissirx li nieqfu hemm. Kif dejjem għidt, meta jkollok suċċess, ma jfissirx li għadek tieqaf, imma tkompli tistinka biex ittjjeb u ssaħħaħ dak li tkun ksibt.

"Il-konservazzjoni u r-restawr tal-Wirt Kulturali huwa komponent importanti tal-Gvern fejn jirrigwarda l-istrateġija u l-politika tal-Wirt Kulturali. Sa llum ma jeżistix punt ta’ riferiment wieħed fejn jirrigwarda strateġija sostenibbli"
Wara 16-il sena ta’ esperjenza nħasset il-ħtieġa li nabbinaw din l-esperjenza li ggwadanjajna u nerġgħu nħarsu lejn dan l-Att mill-perspettiva kontemporanja. Għalhekk qed jiġu proposti bidliet varji sabiex inneħħu jew inbidlu partijiet minn dan l-Att li jew m’għadhomx relevanti jew sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet tas-soċjetà moderna li ngħixu fiha. Dan jinkludi l-aspett operattiv fejn dan l-Att ikun qed isaħħaħ ukoll bidliet li saru f’liġijiet oħra kif ukoll sabiex nagħtu aktar relevanza lill-Wirt Kulturali ta’ pajjiżna.

Ix-xogħol fuq dawn l-emendi issa ilhom għaddejjin matul dawn l-aħħar erba’ snin permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li eventwalment ġew diskussi fil-Forum tal-Wirt Kulturali li jiġi organizzat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Dawn id-diskjussjonijiet tefgħu dawl ġdid fuq aspetti differenti tal-liġi mill-imsieħba f’din l-industrija. Ġew diskussi r-realtajiet li qegħdin jaffaċjaw dawn l-enititajiet jew individwi fl-immaniġjar u r-regolamentazzjoni tal-wirt kulturali.

Il-liġi li qiegħda tiġi proposta llum tinkorpora fiha diskussjonijiet li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u sfidi li s-settur issa qiegħed jaffaċja kemm minħabba l-ambjent lokali kif ukoll minħabba r-realtajiet li qegħdin iseħħu ‘l barra minn xtutna.

Naħseb waħda mill-aktar stennija li teżisti fir-rigward tal-bidliet f’ dan l-Att hija r-regolarizzazzjoni tal-għoti tal-warrants lill-operaturi fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr.

Għalkemm fl-2002 l-Att kien diġà ħaseb sabiex jagħti s-setgħa li jinħarġu uffiċjalment dawn il-warrants lill-conservators u r-restawraturi, dan ma setax iseħħ minħabba nuqqasijiet tekniċi fl-appuntar tal-Board li joħroġ dawn il-Warrants. Il-liġi li qiegħda tiġi proposta llum taħseb li ssewwi dan in-nuqqas.

Ħafna mill-emendi li qed jiġu proposti fir-rigward tal-warrants huma intiżi sabiex jipprovdu standard ogħla fil-professjoni tal-konservazzjoni u r-restawr. B’hekk inkunu qed niżguraw li din il-parti tal-wirt kulturali qiegħda tiġi mħarsa b’mod professjonali.

Bidla oħra li qiegħda ssir f’din il-liġi hija l-inklużjoni tal-wirt kulturali li jinsab fil-baħar ta’ madwarna.

L-Att tal-2002 ma kienx jinkludi speċifikament fih il-wirt kulturali li jinsab fil-baħar. Għalhekk, din il-liġi tintroduċi d-definizzjoni tal-Wirt Kulturali li jinsab fit-territorju ta’ madwarna u jagħti responsabbilitajiet lill-istituzzjonijet diversi.

Fost dawn ir-responsabbilitajiet hemm il-ħtieġa ta’ rrappurtar meta tinstab xi ħaġa ta’ valur kulturali fl-ibħra ta’ madwarna. Bħalissa dan mhux qed iseħħ kif suppost b’detriment li Malta tilfet kollezzjonijiet sħaħ minħabba l-infurzar ta’ dan l-aspett.

Il-ħruġ ta’ permessi mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-esplorazzjoni u l-irkuprar ta’ relitti. Dan għandu jirrifletti dak li qiegħed diġà jsir fuq l-art u jkun hemm aktar xogħol sabiex dan ikun jista’ jseħħ b’mod effikaċi u prattiku.

Qed jingħata l-poter lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex jiġu stabbiliti żoni ta’ protezzjoni b’emfasi speċifiku fuq il-protezzjoni tal-Wirt Kultural ta’ ġol-baħar.

U wkoll il-ħtieġa li jiġi permess l-irkuprar, eventwalment il-konservazzjoni u fl-aħħar nett l-esebizzjoni tal-wirt kulturali ta’ ġol-baħar ħalli dan jitgawda aktar mill-udjenzi Maltin kif ukoll dawk internazzjonali.

Il-konservazzjoni u r-restawr tal-Wirt Kulturali huwa komponent importanti tal-Gvern fejn jirrigwarda l-istrateġija u l-politika tal-Wirt Kulturali. Sa llum ma jeżistix punt ta’ riferiment wieħed fejn jirrigwarda strateġija sostenibbli u li tħares b’mod ħolistiku.

Hija prassi komuni li n-nies jitfixklu r-responsabbiltajiet ta’ entitajiet bħalma huma s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kif ukoll Heritage Malta u ma ssirx distinzjoni bejniethom.

Hemm ħtieġa kbira għal dan u għalhekk dan l-Att qed ipoġġi lill-Heritage Malta bħala l-entità li wieħed irid jikkonsulta fuq bżonnijiet relatati mal-konservazzjoni u r-restawr.

Din l-entità ser tingħata l-mandat sabiex tagħti pariri lill-Gvern u Istituzzjonijiet oħra fir-rigward ta’ best practice fil-konservazzjoni tal-Kollezzjoni Nazzjonali.

Barra mill-funzjonijiet bażiċi tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-kappa jew l-amministrazzjoni tal-Gvern, jeżistu responsabbiltajiet oħra li jirrigwardaw imsieħba oħra li joperaw fil-qasam tal-wirt kulturali.

"Il-Patrimonju Kulturali rikk li għandu dan il-pajjiż jistħoqqlu l-aħjar possibbli biex ikun imħares mhux biss għall-pajjiż, mhux biss għalina, imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri"
Għalhekk qed isir tibdil biex tiffaċilita kemm l-operat ta’ entitajiet governattivi varji kif ukoll imsieħba oħra bħalma huma l-NGOs li għandhom funzjoni importanti wkoll f’dan il-qasam.

Wara li smajna ħafna lmenti rigward il-possibbiltà ta’ aċċess għal rapporti ta’ skavi, din il-liġi qed tobbliga lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li tikkonkludi dawn it-tip ta’ rapporti fi żmien tliet snin.

Wara li jitlesta dan ir-rapport, il-materjal kollu li jkun skavat jingħadda lill-Heritage Malta u jiddaħħal bħala parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali fejn dan ikun aċċessibbli aktar minn riċerkaturi u studjużi li qed jagħmlu l-istudji tagħhom.

Ġew imsaħħa u mwessa’ l-poteri tas-Sovrintendenza fir-rigward tal-importazzjoni, moniteraġġ u infurzar. Dawn huma għodod importanti li bihom jopera s-Sovrintendent fix-xogħlijiet li jirrigwardaw il-moniterġġ ta’ wirt kulturali mobbli u immobbli.

Sabiex jiġi spjegat aħjar u rregolarizzati dawk l-imsieħba li jagħtu sehemhom f’dan il-qasam ġie mogħti l-poter lis-Sovrintendenza sabiex jakkreditaw NGOs u entitajiet oħra li jippromovu u jipproteġu l-wirt kulturali.

Għalhekk ser jinżamm reġistru nazzjonali ta’ entitajiet u NGOs li joperaw f’dan is-settur. Dan ir-reġistru jkun il-bażi ta’ servizzi li jistgħu jkunu diretti lill-entitajiet reġistrati.

Fl-aħħar nett tajjeb li wieħed ma jieqafx hawnhekk u nibdew naħsbu għall-proviżjonijiet li naħsbu għalihom sabiex ir-regolamentar u l-aspett operattiv ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aħjar.

Kif dejjem għidt, u nirrepetih għaliex ninsab konvint, il-Patrimonju Kulturali rikk li għandu dan il-pajjiż jistħoqqlu l-aħjar possibbli biex ikun imħares mhux biss għall-pajjiż, mhux biss għalina, imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook