Ittri Il-punt Blogs

Editorjal | Ħajjet politiku: Dak privat u dak pubbliku

Sitwazzjoni tkun ta’ interess pubbliku meta tkun qed tmiss il-flus tal-poplu jew meta minħabba dik is-sitwazzjoni il-politiku mhux qed jaqdi dmiru 

Albert Gauci Cunningham / 9 ta' Novembru 2018 17:08
Din il-ġimgħa kellna diskussjoni li biex inkunu onesti ilha għaddejja mhux biss lokalment, imma anke madwar id-dinja. Il-ħajja privata ta’ politiku, jiġifieri ż-żwieġ tiegħu, it-tfal tiegħu u fejn imur fil-ħin liberu tiegħu hija materja ta’ interess pubbliku? Il-midja għandha tippubblika stejjer li jikxfu separazzjonijiet, mard jew inkella li jirriflettu l-istil ta’ ħajja ta’ persuna?

Dan l-editorjal diġà tratta din il-kwistjoni fi spazju ieħor, meta dan il-pajjiż kien maqbud fi kwistjoni politika oħra taħraq (x’kumbinazjoni!), jiġifieri d-diskussjoni dwar il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-allegata żjara tiegħu f’burdell fil-Ġermanja. Dakinhar konna għidna illi l-informazzjoni ta’ fejn mar Cardona u ma’ min kellu jew seta’ kellu x’jaqsam hija ta’ interess pubbliku biss jekk l-ewwel nett, dak li għamel, għamlu waqt il-ħin tax-xogħol u t-tieni nett jekk dak li għamel setax affettwa b’mod dirett il-ħidma tiegħu.

L-ewwel hija faċli biex tikkonferma, skont il-ħin u l-post. It-tieni mhux daqstant,  jekk Ministru, Deputat jew kwalunkwe uffiċjal pubbliku qed imur f’burdell jew imur jixrob jew saħansitra jipparteċipa f’attivitajiet li jbiddlu l-istat psikoloġiku tiegħu waqt ix-xogħol, mela allura iva, dik l-attività hija ta’ interess pubbliku.

"Meta midja tradizzjonali, blog jew kwalunkwe persuna fuq il-midja soċjali tuża dettalji personali, lil hinn minn dak kollu li jaffettwa l-ħajja u x-xogħol pubbliku, tkun sempliċiment qed tinkoraġġixxi z-zekzik"
Insemmu eżempju ieħor: is-sesswalità, is-sess jew il-moralità. Jekk persuna tagħmilha l-missjoni assoluta tagħha li tipprietka kontra l-omosesswalità, imbagħad tinqabad f’attività sesswali ma’ persuna tal-istess sess, dik l-attività tibqa’ materja privata jew issir pubblika? Ladarba persuna tkun għamlet kruċjata kontra sitwazzjoni u  dak li hi pubblikament tara bħala immoralità, imbagħad titlef id-dritt li żżomm dik “l-immoralità” sigirieta jekk tkun qed tagħmilha hi. Mill-bqija s-sesswalità ta’ politiku jew uffiċjal pubbliku hija u għandha tibqa’ materja kompletament privata.

Imma mbagħad hemm sitwazzjonijiet oħrajn. Għandna nkunu nafu l-istat taż-żwieġ ta’ politiku? Sakemm dak li qed jiġri bejn l-erba’ ħitan tad-dar mhux qed iwassal biex dak il-politiku jonqos fi dmirijietu, jiżbalja, ma jaqdix dmirijietu, sakemm mhuwiex illegali u/jew kriminali u sakemm mhux qed jmur kontra l-morali li jgħallem l-istess politiku, ma narawx għaliex l-istat ta’ żwieġ ta’ politiku għandu jkun ta’ interess pubbliku. Sitwazzjoni tkun ta’ interess pubbliku meta tkun qed tmiss il-flus tal-poplu jew meta minħabba dik is-sitwazzjoni il-politiku mhux qed jaqdi dmiru jew agħar minn hekk qed jaqdi dmiru ħażin.

Jekk politiku jew uffiċjali pubbliku jmur ix-xogħol fis-sakra jew b’hangover kuljum, dik iva, issir kwistjoni ta’ interess pubbliku. Imma jekk dak l-istess uffiċjal mar vaganza bi flusu, mil-leave tiegħu u lil hinn mill-qadi uffiċjali u kellu hangover kuljum u kollox baqa’ fil-privat, dak affarih.

Meta midja tradizzjonali, blog jew kwalunkwe persuna fuq il-midja soċjali tuża dettalji personali, lil hinn minn dak kollu li jaffettwa l-ħajja u x-xogħol pubbliku, tkun sempliċiment qed tinkoraġġixxi z-zekzik. U z-zekzik qatt m’għamel wisq ġid!

Meta imbagħad, agħar minn hekk (u din ġrat ħafna f’pajjiżna) ikunu intenzjonalment identifikati ċerti persuni u tkun imxandra l-ħajja privata tagħhom bl-iskop li tkissirhom, inkunu qed nilagħbu man-nar. Inkunu ħloqna sitwazzjoni li tista’ twassal għal problemi serji soċjali u personali.

"Sakemm dak li qed jiġri bejn l-erba’ ħitan tad-dar mhux qed iwassal biex dak il-politiku jonqos fi dmirijietu, jiżbalja, ma jaqdix dmirijietu, ma narawx għaliex l-istat ta’ żwieġ ta’ politiku għandu jkun ta’ interess pubbliku"
Imbagħad hemm il-mard. Is-saħħa fiżika u psikoloġika ta’ politiku hija ta’ interess pubbliku? Hawnhekk irridu nħarsu aħjar u aktar fil-fond. Jekk se nużaw il-kejl imsemmi f’dan l-editorjal, mela allura iva, is-saħħa ta’ politiku hija ta’ interess pubbliku. Imma huwa importanti li, għall-inqas f’ġieħ id-diċenza, il-persuna u familtha tkun ikkonsultata minn qabel biex kull pass ikun meqjus u preferibbilment ikollu l-kunsens tan-nies involuti wkoll. Mhux kellna każi illi fihom il-familji tagħhom saru jafu dwar mard mill-midja! Jeħtieġ napplikaw sensittività u kawtela kbira f’każi bħal dawn.

Naturalment, dan kollu mingħajr ma ninsew li l-politiċi nfushom hemm bżonn li jkunu responsabbli u meqjusin f’għemilhom. Meta għamlu l-għażla li jidħlu fil-politika, forsi wkoll biex igawdu mill-benefiċċji kbar li din iġġib magħha, kienu inkonxjament qed jitilfu parti mil-libertà tagħhom li jgħixu eżatt kif forsi jridu, minħabba li l-kariga tinsab f’għajnejn il-pubbliku.

Għalhekk il-kawtela hija dejjem l-aqwa għodda. Għalhekk wieħed jeħtieġ iqis l-effett ta’ fatt, qabel dan il-fatt ikun ippubblikat speċjalment jekk jitratta dak li huwa privat u personali.

Għalhekk ħassejna li ma kellniex nippubblikaw it-tagħrif li kellna dwar il-ħajja privata ta’ politiku b’mod partikolari, il-ġimgħa li għaddiet stess

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook