Opinjoni | Jekk dħalt għaliha...

L-Editur Maniġerjali tal-MediaToday jirritorna bl-opinjoni tiegħu fuq l-ILLUM

Għażilt li nirritorna f’dawn il-paġni tal-gazzetta li nedejt f’Novembru tal-2006.  Mhix deċiżjoni faċli, l-aktar meta qed nipprova nara jekk hemmx aktar spazju għal nies bħali li issa ilhom jipprietkaw u jgħidu x’jaħsbu bil-fomm u bil-kitba. 

Ħa nipprova, għax nemmen bħalma kont nemmen kważi 12-il sena ilu li hemm lok ta’ opinjonijiet f’gazzetta indipendenti bil-Malti.

12-il sena ilu bdiet l-ILLUM, ħolma li kelli imma jkolli nammetti sa ċertu punt baqgħet ħolma. Dan wara li fl-1989 kont bdejt il-gazzetta ‘Alternattiva’ u tliet snin qabel il-gazzetta ‘Il-Fehma’.

Għax filwaqt li l-gazzetta ILLUM għadha hawn wara 12-il sena ma nistax ngħid li kien hemm xi suċċess kbir fil-ġurnaliżmu stampat bil-Malti. Bqajna neżistu grazzi għall-fatt li hawn qarrejja li huma Kattoliċi aktar mill-Papa u wisq aktar għax bqajna nippumpjaw il-flus f’din il-gazzetta u f’oħrajn.

Illum, il-poter, u b’dan qed nirreferi għall-gvernijiet, jiġu altament jaqgħu u jqumu jekk il-gazzetti jeżistux jew le. F’dinja fejn ħadd ma jimpurtah minn xejn, u verament ħadd – l-inqas inkwiet li għandhom hu verament jekk ikunx hawn gazzetti f’Malta

Illum, il-poter, u b’dan qed nirreferi għall-gvernijiet, jiġu altament jaqgħu u jqumu jekk il-gazzetti jeżistux jew le.  F’dinja fejn ħadd ma jimpurtah minn xejn, u verament ħadd – l-inqas inkwiet li għandhom hu verament jekk ikunx hawn gazzetti f’Malta.

U f’mument fejn l-Oppożizzjoni hija mmexxija minn persuna li lanqas tista’ tgħaqqad tim tal-futbol, huwa x-xogħol tal-gazzetti li jkunu għassiesa fuq Gvern li għalkemm u ċertament serva biex ikisser ir-renju tan-Nazzjonalisti issa qed jimxi fuq politika li hija neo-liberali u leminija.

U l-problema hi li n-nies fil-maġġoranza tagħhom togħġobhom din il-ħaġa.  Jiġifieri li jistgħu jagħmlu bażikament li jridu u l-kriterju prinċipali hu, jekk tagħmel il-flus, tiġi titnejjek mill-affarijiet l-oħra.

L-unika tama għal dan il-pajjiż ċkejken tibqa’ l-Ewropa, Ewropa li tista b’mod indirett timponi ċerti valuri fuq kif naraw l-affarijiet. U wieħed ma għandux jistenna mirakli, hemm raqda kbira fost in-nies, u wisq aktar dawk li jistgħu jkunu validi ma jridux jingħaqdu flimkien biex ikunu aktar validi u b’saħħithom. 

Qed nassitu bħalissa għal xenarju li ma kellux iseħħ. Sitwazzjoni fejn Joseph Muscat imlebleb biex jitlaq u jħalli partit u Gvern f’idejn xi ħadd li ma għandux il-ħażen u l-kapaċità li jmexxi. U f’sitwazzjoni fejn Adrian Delia huwa lemini bħal Muscat iżda għar-raġunijiet il-ħżiena.

Is-soluzzjoni mhix faċli.

Ommi kienet tgħidli jekk dħalt għaliha, ma hemmx x’tagħmel – trid tikolha.

Għandna sitwazzjoni fejn Joseph Muscat imlebleb biex jitlaq u jħalli partit u Gvern f’idejn xi ħadd li ma għandux il-ħażen u l-kapaċità li jmexxi u f’sitwazzjoni fejn Adrian Delia huwa lemini bħal Muscat iżda għar-raġunijiet il-ħżiena

Muscat għandu l-obbligu li dan il-proġett li welled hekk kif sar Prim Ministru, ikomplih mhux biss fuq il-livell ekonomiku iżda issa anke fuq livell kwalitattiv. Qed ngħid fuq il-kwalità tal-inħawi tagħna u l-livell ta’ edukazzjoni, is-saħħa u l-ħin liberu. Biex iseħħ dan kollu jrid jagħmel żewġ affarijiet, jibqa’ u jaqa’ miż-żiemel bħalma waqa’ Sawlu ta’ Tarsu u jibda jbiddel il-mod kif iħares lejn l-affarijiet.

Jekk idejjaq u jrid jitlaq, xogħolna ngħidulu li l-politika mhix avventura, hija vokazzjoni.

Danakollu ma jfissirx li ma għandux ikun hemm formazzjoni politika oħra.  Ċertament wieħed fuq ix-xellug, għax id-demokrazija hija taħlita ta’ ideat mhux idea waħda marbuta mal-persuna. U bħalissa jekk inħares barra idea waħda qed nara, neo-liberaliżmu u politika tal-lemin.

***

Kont imsiefer, u meta kont mili ’l bogħod sirt naf li sieħbi Joe Sultana miet.  Għal min ma jafx lil Joe Sultana nitolbu jħares lejn il-kotba u r-rivisti li kiteb fuq medda ta’ 55 sena. Wirt ta’ persuna li kellu d-dixxiplina jirriċerka u jistudja u mbagħad jikteb. Imma Joe kien ukoll pijunier apparti kittieb u storiku. 

Pijunier fil-mixja twila biex ikun hawn kuxjenza ambjentali. Twieled fil-kaċċa u f’Għawdex, u meta ‘waqa’ miż-żiemel’ nieda flimkien ma’ oħrajn l-għaqda għall-konservazzjoni tal-għasafar, MOS – li maż-żmien saret BirdLife Malta. 

Mill-MOS ħarġu ħafna nies u ħafna minnhom komplew xogħol ieħor marbut mal-ambjent. Fi żmien meta kien imexxi l-MOS kien persuna feroċi u kif jgħidu l-Għawdxin ‘ħaxxej,’ jara li jieħu li jista’ mill-gvernijiet u kien il-missier tal-kunċett ta’ riservi naturali u tal-konservazzjoni naturali, kemm dawk bħal fir-riserva tal-Għadira li kienu amministrati mill-MOS u dawk li qegħdin dokumentati bħala riservi naturali.

Imma apparti l-fatt li kien fuq kollox l-aktar ornitoloġist magħruf u rispettat fil-gżejjer Maltin, kien ukoll persuna li mexxa t-tibdiliet fil-liġijiet Maltin biex jitħarsu l-għasafar migratorji u dawk li jbejtu. 

Għalija Joe kien qisu missier. Punt ta’ riferenza, persuna li tani t-tama li l-affarijiet li jistgħu jinbidlu jekk nippruvaw. Kien ukoll ħabib u tieħu pjaċir tkun miegħu. Tlifna bniedem li bħalu ma tantx ser nsibu. Saħħiet Joe

Fi żmien meta jgħajruk estremista u miġnun. Joe ma beżax u kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna żgħażagħ bħali.

Fuq binarju ieħor internazzjonali kien rispettat u awtorità. L-għerf tiegħu ntiret mit-tifel tiegħu Mark li llum huwa l-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta. Għalija Joe kien qisu missier. Punt ta’ riferenza, persuna li tani t-tama li l-affarijiet li jistgħu jinbidlu jekk nippruvaw. Kien ukoll ħabib u tieħu pjaċir tkun miegħu.  Tlifna bniedem li bħalu ma tantx ser nsibu. Saħħiet Joe!

More in Blogs