Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Egrant: Togħma ta’ riżentiment

Miriam Dalli dwar Efimova, Simon Busuttil u l-allegazzjonijiet dwar Egrant

Miriam Dalli - MEP, PL / 30 t'Awwissu 2018 17:22
Wieħed mill-argumenti li spikka fil-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta indipendenti mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja huwa l-mottiv li seta’ ġie attribwit lil Maria Efimova, waħda mill-protagonisti fil-qalba tal-gidba Egrant.

Biex nikkwota mill-inkjesta, l-Maġistrat Bugeja jgħid hekk: “Mill-banda l-oħra ħareġ ukoll li hija (Efimova) kellha element ta’ riżentiment ukoll għall-mod kif tħossha li ġiet trattata mill-Awtoritajiet Maltin minħabba l-proċeduri kriminali miftuħa kontriha… inkluż il-fatt li Joseph Muscat ma għamel xejn meta għamlet ilment lilu dwar il-fatt li ma kellhiex il-passaport f’idejha biex tkun tista’ żżur lil ommha.”

Mill-inkesjta jispikka kif Efimova kellha “un conto in sospeso” (kont sospiż). Il-Maġistrat ifakkar kif Efimova kienet soġġetta għal proċeduri kriminali f’Malta miftuħa kontriha min-naħa tal-Bank Pilatus. Efimova, jgħid il-Maġistrat, “irnexxielha tiġbed l-attenzjoni internazzjonali” dwar l-operat tal-Bank Pilatus fi żmien meta ħadd ma kien jaf li ċ-Chairman tal-Bank Pilatus kien qiegħed jiġi mistħarreġ mill-Awtoritajiet tal-Istati Uniti għal ksur ta’ sanzjonijiet imposti minn dak il-pajjiż.

Dwar Efimova u l-Bank Pilatus, il-Maġistrat qed jirreferi għall-akkużi ta’ frodi li l-Pulizija – wara rapport tal-bank – ressqu kontra Efimova. Il-Bank Pilatus kien akkuża lil Efimova li ffrodatu madwar €2,000 fl-2016. Min-naħa tagħha, Efimova akkużat lill-Pulizija li kienu qed jinvestigaw dan il-każ b’maltrattament. L-allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-Pulizija, li fost oħrajn kienu jinkludu lill-eks spettur Jonathan Ferris li meta kien l-FIAU kien qed jinvestiga lill-Bank Pilatus. Illum il-ġurnata Ferris ġie kkwotat jgħid fil-media lokali li hu sofra minħabba “l-gideb” ta’ Efimova.

"Il-konklużjonijiet tal-inkjesta ma setgħux ikunu aktar ċari, u juru bl-aktar mod ċar li meta Simon Busuttil rabat Egrant ma’ Joseph Muscat u Michelle Muscat assolutament ma kienx qed jgħid il-verità"
Il-Maġistrat jagħmel referenza wkoll għar-riżetiment li kienet qed tħoss Efimova fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u dan għaliex hi riedet tmur tara lil ommha li kienet ma tiflaħx iżda ma setgħetx tagħmel dan għax ma kellhiex passaport.

Fl-inkjesta tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja daħal f’ħafna dettall biex jipprova jirrikonċillja l-allegazzjonijiet li saru u l-istqarrijiet li ngħataw lilu minn xhieda differenti, inkluż Daphne Caruana Galizia u Pierre Portelli, illum imexxi l-media tal-Partit Nazzjonalista. Jirriżulta li aktar ma fittex u indaga, aktar ħareġ li l-Maġistrat beda jsib stqarrijiet konflinġenti, allegazzjonijiet li ma jaqblux minn persuna għall-oħra u kontradizzjonijiet.

Il-Maġistrat jistqarr li l-inkjesta sabet “diffikultà kbira” biex fl-aktar aspetti importanti tirrikonċilja l-verżjonijiet mogħtija minn Caruana Galizia u Portelli fuq naħa, u Efimova fuq oħra. Mix-xhieda tagħhom, il-Maġistrat sab li kienet ferm diffiċli biex tiġi stabbilita “l-verità storika” dwar dak li seħħ.  Huwa sab li x-xhieda tagħhom, f’aspetti differenti iżda li kienu importanti u kruċjali għall-inkjesta, “li rriżultaw jew inkompatibbli ma’ xulxin, jew kompletament meruti mill-provi miġbura”.

Il-Maġistrat ikompli billi jelenka 32 punt ta’ kontradizzjoni, li fosthom jinkludu dak li ntqal dwar l-icloud account li suppost fiha kien hemm id-dokumenti prova li jgħaqqdu lil Michelle Muscat ma’ Egrant - Efimova tkun l-unika waħda li tiċħad dan kompletament; tranżazzjoni ta’ $1.07 miljun li fir-realtà qatt ma seħħet ; u l-bagalja mimlija karti li suppost ittieħdu mill-uffiċċju tal-Bank Pilatus u li ġabuha kontinwament NET News meta skont l-inkjesta l-cameras tal-bank urew li ma nħarġu l-ebda karti. Dawn huma ftit biss mill-ħafna kontradizzjonijiet li semmi l-inkjesta Maġisterjali

"Efimova, jgħid il-Maġistrat, “irnexxielha tiġbed l-attenzjoni internazzjonali” dwar l-operat tal-Bank Pilatus fi żmien meta ħadd ma kien jaf li ċ-Chairman tal-Bank Pilatus kien qiegħed jiġi mistħarreġ mill-Awtoritajiet tal-Istati Uniti"
Dwar jekk hemmx provi jew le, il-Maġistrat Bugeja jgħid ċar li l-allegazzjonijiet “ma nstabux li huma msejsa fuq il-provi: la tax-xhieda okulari u l-anqas dawk dokumentarji – la fil-Bank Pilatus, la għand in-Nexia BT, la għand il-Mossack Fonseca u mingħand ebda ħadd mill-impjegati jew awdituri jew aġenti tagħhom”.

Qed inħares lura lejn l-inkjesta Egrant għax kull deċiżjoni politika trid titpoġġa f’kuntest. Il-ġimgħa l-oħra, l-editorjal ta’ din il-gazzetta tkellem dwar Oppożizzjoni dgħajfa. Oppożizzjoni li flok topponi lill-Gvern qed topponi lilha nnifisha. Fejn il-Kap tal-Partit jieħu deċiżjoni mbagħad jispiċċa ostaġġ ta’ fazzjoni li tagħfaslu idu u tisforzah imur lura fuq id-deċiżjonijiet tiegħu.

Oppożizzjoni, fejn il-predeċessur tagħha – Simon Busuttil, l-istess persuna li ppromova gidba, għamilha tiegħu u bena kampanja elettorali sħiħa fuqha – ma ddejjaq xejn ikompli jmexxi l-aġenda tiegħu mal-media barranija u issa qal li qed ikun mhedded b’ħajtu.

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta ma setgħux ikunu aktar ċari, u juru bl-aktar mod ċar li meta Simon Busuttil rabat Egrant ma’ Joseph Muscat u Michelle Muscat assolutament ma kienx qed jgħid il-verità. Il-kredibilità ta’ Simon Busuttil, illum magħrufa sew mal-Maltin u l-Għawdxin.

Bħalma għidt mill-mument li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet, u bħalma wkoll stqarr il-Prim Ministru Joseph Muscat, ħerqana biex nara l-inkjesta ppubblikata fis-sħiħ. Nifhem li b’dan il-mod se jinħoloq preċedent imma nemmen li l-aċċess għall-informazzjoni fuq gidba bħal din minn min ried anke jwaqqa’ Gvern, isservi ta’ risposta għal min għadu qed jagħmel il-ħsara lil pajjiżna.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook