Ittri Il-punt Blogs

Opinjoni | Ħsibijiet dwar… Emma!

Il-Ministru Owen Bonnici u r-riflessjoni tiegħu fuq is-suċċess tal-kantanta Emma Muscat

Ministru Owen Bonnici / 15 ta' Ġunju 2018 10:31
Kif dħalt l-ajruport sibt jistennieni lil Dino, uffiċjal tal-Pulizija mill-iktar serju u simpatiku li nzertajt nafu miż-Żurrieq. Dino ġie fuqi u qalli: Nitilgħu Ministru?

Ftit qabel, kont għaddejt ġirja d-dar biex inbiddel, inneħħi l-ġlekk, nieħu shower malajr u nilbes polo shirt u jeans.  Deherli li kien iktar imur li nkun informali f'okkażjoni bħal din għalkemm l-kwistjoni tal-ilbies hi – kif nafu lkoll – dejjem tqajjem xi ftit mistoqsijiet.  Daqqa tħossok li lbist wisq u daqqa tħossok li lbist informali żżejjed. 

Dino tellagħni fuq fejn jaslu l-viżitaturi u f'dawk il-ftit minuti tkellimna dwar is-suġġett favorit tagħna - l–kultura fl-irħula u l-komunitajiet. F'taħditiet bħal dawn dejjem nitgħallem xi ħaġa ġdida- daqqa xi dettall li ma kontx nafu, daqqa oħra xi użanza li kien mingħalija intesiet, drabi oħra xi aspett kulturali indiġenu tal-lokal li ma ssibux posijiet oħra.

F'dawk il-minuti żgħar ta' stennija ltqajt ukoll ma' Keith, il-manager ta' Emma.  Ma kontx nafu qabel imma rajtu serju u simpatiku fl-istess ħin.  Jidher jaf x'inhu jagħmel.  Ħadt impressjoni tajba ħafna tiegħu.  Fid-daqqa u l-ħin bdejt nisma' għajjat minn isfel "Emma!  Emma!" ta' dik li nstemgħet bħala folla kbira. Jidher li dak li kien wassal għal din l-isplużjoni ta' ferħ kien l-avviż ta' nżul fejn it-titjira AZ886, li kienet fuqha Emma kienet ġejja mill-Italja.

"Kemm hi ħaġa sabiħa li l-pajjiż kollu jkun magħqud f'sostenn ta' persuna"
Wara kważi erba' snin u nofs nilqa' diversi kantanti Maltin drajt mhux ħażin il-proċedura u nemmen li rnexxieli noħloq bilanċ bejn li nilqa' minn qalbi f'isem il-Gvern lill-artist li jkun ġej minn barra waqt li fl-istess ħin nibqa' kawt u nħalli lill-artist naturalment ikun fiċ-ċentru tal-festeġġjament mingħajr intromissjonijiet żejda.  Fil-minuti li domt fuq nistenna lil Emma tasal provajt ngħodd l-ammont ta' aristi li mort nilqa' l-ajruport u ma rnexxiliex.  Minn artisti li dak iż-żmien kienu tfal – bħal Federica u Destiny – sa artisti stabbiliti bħal Ira Losco u dawk kollha li ħadu sehem fil-Eurovision, il-kollezzjoni ta' memorji hi vasta mhux ħażin.

Wara ftit ħin waslet Emma, friska friska, liebsa l-kuluri tal-bandiera ta' pajjiżna (abjad u aħmar) u beritta bi tbissima kbira. Mort fuqha u lqajtha u dehret li ħadet gost bil-ġest.  Emma għadha żgħira ħafna – għandha biss tmintax-il sena sa fejn naf jien (għalkemm fil-ġurnali kien hemm miktub li għandha 19) iżda l-esperjenza tidher ċar li mmaturata mmens.  Jolqtuk mill-ewwel għajnejha ċari, kbar u sbieħ li jitkellmu weħidhom.  Ikkonfondejt b'liema lingwa nkellimha għax bdejt inkellimha bil-Malti u bdiet tweġibni bit-Taljan, imbagħad bl-Ingliż u bdiet tweġibni bil-Malti. Insomma dħakna tnejn fuq hekk għax is-simpatija li għandha hi kbira… u ħadna wkoll stessu!

Ħdejha kien hemm raġel pulit u edukat immens li assumejt li kien missierha u hekk kien u lqajtu u fraħt bih. Ħadt gost inkellmu u fil-ftit minuti li kellimtu sirt naf li hu Ġiljaniż u li jħobb l-isport. Għajnejh dehru mimlija kburija u sodisfazzjoni ġustifikat għal dak li kisbet it-tifla.  Għidtlu li għandha futur sabiħ mifrux quddiemha u tajtu s-support kollu tal-Gvern fil-karriera mużikali ta' Emma.

Il-papà ta' Emma – għax għal xi raġuni insejt insaqsieh x'jismu – laqqagħni mal-bqija tal-familja ta' Emma.  Il-mamà ta' Emma – bniedma simpatika immens – ħuha Kurt ta' 16-il sena, in-nanniet u z-zijiet...  Insomma l-familja kollha laqtitni bħala familja edukata ħafna imma fl-istess ħin dejjem bi tbissima u akkoljenti ħafna.  Ħadt gost immens inkellimhom, speċjalment in-nanniet li ggustajthom wisq.  Lill-mamà ta' Emma għidtilha li anke jien għandi tifla jisimha Ema (bħal Emma imma b'm waħda) u ntbaħt li r-raġun li mmotivatha ssemmi lit-tifla Emma kienet bħal tiegħi – dik li l-isem ikun qasir u konċiż!

Kont naf li kienu biss kwistjonijiet ta' ftit minuti qabel jiġu l-press u fil-fatt hekk ġara għaliex wara ftit ħassejt id-dawl tal-kameras u l-esperjenza kompliet tiġi miġbuda.

Kien imiss li nintroduċi lil Emma mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius li ġie biex ukoll jingħaqad fl-awgurju li l-pajjiż ta lil Emma.  Iċċajtajna ftit li Emma ġabitna flimkien - però kien minnu dan.  Kemm hi ħaġa sabiħa li l-pajjiż kollu jkun magħqud f'sostenn ta' persuna.  Inżilna ma' Emma ħdejn il-bagalji u minn barra stajt nisma' l-eċitament tan-nies li kienu jistennew fuq ix-xwiek li Emma toħroġ. Naturalment minn hemm 'il quddiem kien il–mument ta' Emma u rtirajna biex inħalluha tgawdi dan is-suċċess tant sabiħ tagħha.

Jien u miexi, warajja bdejt nisma' l-għajjat ma jaqta' xejn jgħajtu lil din il-benjamina Maltija li tant għamlet suċċess fl-Italja. 

Prosit minn qalbi Emma u l-familja kollha Muscat.  Għamiltna kburin!

10 snin

Din il-ġimgħa ċċelebrajna l-10 snin minn mindu l-Prim Ministru Joseph Muscat laħaq mexxej tal-Partit Laburista. Kultant qas nemmen li għaddew 10 snin għaliex għadni niftakar qisu lbieraħ dawk il-ġranet u ġimgħat tal-ħatra tiegħu. Il-bidliet li wettaq kemm fil-Partit Laburista u mbagħad – u iktar importanti - fil–pajjiż huma storiċi u kbar ħafna. 

Meta tqis li Joseph sar mexxej fl-età ta' 33 sena u sa 10 snin wara biddel kompletament wiċċ dan il-pajjiż u saħħaħ il-familji Maltin u Għawdxin iktar minn qatt qabel tinduna l-kobor tiegħu.

"Meta tqis li Joseph sar mexxej fl-età ta' 33 sena u sa 10 snin wara biddel kompletament wiċċ dan il-pajjiż u saħħaħ il-familji Maltin u Għawdxin iktar minn qatt qabel tinduna l-kobor tiegħu"
Il-karatteristika ewlenija ta' Joseph hi li jaħdem ħafna. Immensament.  Mutur dejjem għaddej li diffiċli tlaħħaq miegħu.  Kollu xogħol għal pajjiżna.

Naturalment dan kollu seta' jagħmlu għax għandu lis-Sinjura Michelle Muscat tissapportjah kull ħin u kull mument u nixtieq ħafna nirringrazzjaha tas-support kbir li tagħtih.  Żgur li kieku mhux għaliha dan is-suċċess u xogħol kollu ma setax jitwettaq u aħna kollha ninsabu grati lejha tal-ħidma kbira li twettaq.

Naturalment bewsa wkoll liż-żewġ anġli Soleil u Etoile li huma tfal simpatiċi ferm u, għaliex le, lil Ħabiba wkoll!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook